Biex naslu fejn mar qabilna Hu

Print Friendly, PDF & Email

Is-Sibt, 1 ta’ Ġunju 2019: Omelija f’Baħar iċ-Ċagħaq waqt il-Viżta pastorali tal-Isqof Joseph Galea-Curmi.

BIEX NASLU FEJN MAR QABILNA HU

Aktarx li xi darba jew oħra rajna stampa jew pittura tal-festa tal-lum. Kemm-il darba, f’din il-festa tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej, Ġesù jidher maqtugħ mill-art u l-appostli jħarsu lejh iċċassati.

Kellhom għalfejn jiċċassaw f’din il-ġrajja straordinarja meta raw lil Ġesù jberikhom u fl-istess waqt iħallihom biex jitla’ s-sema. Kien it-tmiem taż-żmien li Kristu Rxoxt għamel mad-dixxipli wara li qam mill-mewt. Kienet tidher qisha firda, għax Ġesù telaq minn magħhom, imma fil-fatt kienet ‘firda’ li ħolqot rabta qawwija b’mod ieħor. Għalhekk l-Evanġelju jgħid li wara li Ġesù tela s-sema, l-appostli mtlew b’ferħ kbir u qagħdu fit-tempju jfaħħru lil Alla. Din l-enfasi fuq il-ferħ tixbah il-kliem li għedna fis-salm: “Tela’ Alla b’għajat ta’ ferħ.”

X’tgħidilna llum għal ħajjitna din il-ġrajja speċjali tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej? Turina żewġ affarijiet importanti. Nixtieq li nirriflettu fuqhom.

Id-destinazzjoni tagħna

L-ewwelnett, turina d-destinazzjoni tagħna. Ġesù tela’ s-sema. Aħna lkoll imsejħin biex naslu fejn wasal qabilna hu. Dik hi d-destinazzjoni tagħna. Lejn is-sema mexjin, hemm hu pajjiżna.

Kultant it-tentazzjoni tkun li ngħixu qisna aħna għal hawn. Tant inkunu medhijin fil-ħajja ta’ kuljum, ħajja mgħaġġla, bil-problemi u bis-sabiħ, li ngħixu qisna qegħdin hawn biex nibqgħu hawn. It-tlugħ ta’ Ġesù fis-sema jfakkarna li ħajjitna ma tispiċċax hawn. M’aħniex maħluqin biex nedhew fl-affarijiet tal-ħajja ta’ kuljum u daqshekk. Aħna lkoll għandna destinazzjoni speċjali, fejn mar qabilna Ġesù. ‘L hemm mexijn.

Meta nżommu dan f’moħħna, dan jagħti sens lil dak li qed nagħmlu f’ħajjitna llum. Jibdel il-mod kif inħarsu lejn il-ħajja. Il-mod kif ngħixu, l-għażliet li nagħmlu jkunu juru li mexjin f’din it-triq.

Bħala komunità nisranija li tiltaqa’ f’Baħar iċ-Ċagħaq, intom għandkom din is-sejħa li bl-għażliet u bix-xhieda tagħkom tfakkru lil kulħadd fejn hi d-destinazzjoni tagħna. Kif smajna fl-Ittra lil-Lhud: “Inżommu sħiħ fl-istqarrija qawwija tat-tama tagħna, għax ta’ kelmtu huwa dak li għamlilna l-wegħda.”

Ir-responsabbiltà tagħna

Din il-Festa tfakkarna wkoll fir-responsabbiltà tagħna. Filwaqt li nagħrfu li mexjin lejn is-sema, id-destinazzjoni tagħna, niftakru wkoll li hu hawnhekk, fil-ħajja tal-lum, li għandna responsabbiltà. Din tgħinna negħlbu t-tentazzjoni li naħsbu li l-fidi tfisser li niċċassaw lejn is-sema u nieqfu hemm, u ma naħdmux biex id-dinja, is-soċjetà tagħna nagħmluha aħjar, aktar tixraq lill-bniedem.

Fl-ewwel qari, mill-Atti tal-Appostli, smajna li l-appostli baqgħu jħarsu lejn Ġesù tiela’ s-sema b’għajnejhom iċċassati lejn is-sema. U żewġt irġiel lebsin l-abjad qalulhom: “Irġiel tal-Galilija, x’intom tħarsu lejn is-sema?” Għalina li nemmnu: il-fidi tagħna ma tħalliniex inħarsu ċċassati lejn is-sema u daqshekk. Il-fidi mhijiex aljenazzjoni jew ħarba mir-responsabbiltajiet li għandna hawn. Ma nistgħux indawru ħarsitna ’l bogħod mir-realtà.

Hu proprju hawn, f’din id-dinja, fiċ-ċirkustanzi ta’ żmienna, li rridu nwasslu lil Ġesù Kristu ħaj. Kif jgħid il-Konċilju Vatikan II: “L-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tal-bniedem tal-lum huma wkoll l-hena u t-tama, in-niket u t-tħassib tad-dixxipli ta’ Kristu, u ma hemm ebda ħaġa li hi tassew tal-bniedem li huma wkoll ma jħossuhiex f’qalbhom” (Gaudium et spes 1).

Il-ħsieb tas-sema ma jaljenaniex. Anzi huwa l-istess ħsieb tas-sema li għandu jimbottana biex naħdmu issa, hawnhekk, għal ħajja tixraq aktar lill-bniedem, u għal soċjetà aktar ġusta u onesta. Għalhekk il-komunità nisranija hi msejħa biex tinteressa ruħha minn dak li qed jiġri fil-ħajja ta’ kuljum u tagħti xhieda tal-valuri li temmen fihom. Kif qal Ġesù lid-dixxipli tiegħu: intom tkunu xhieda tiegħi.

Illum fil-festa tat-Tlugħ fis-sema tal-Mulej, nitolbuh biex nagħrfu:

– li f’ħajjitna għandha destinazzjoni: is-sema.
– li f’ħajjitna għandna responsabbiltà: li naħdmu bis-sħiħ għal dinja aħjar.

Waqt li nżommu dan f’moħħna u f’qalbna, irridu niftkaru li Kristu hu dejjem magħna, bħalma jgħid: ”Jien magħkom dejjem sal-aħħar taż-żmien”. Hu magħna f’din il-mixja biex qatt ma nitilfu d-destinazzjoni tagħna u hu magħna fl-għajnuna li jagħtina biex naqdu r-responsabbiltajiet li għandna llum.

+ Joseph Galea Curmi
Isqof Awżiljarju

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading