Affidament tad-Djoċesi ta’ Għawdex lill-Madonna Ta’ Pinu


L-Erbgħa, 5 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-Affidament tad-Djoċesi ta’ Għawdex lill-Madonna Ta’ Pinu, fis-Santwarju tagħha.

IMG_9537

Omelija fl-okkażjoni tal-Affidament tad-Djoċesi ta’ Għawdex lill-Madonna Ta’ Pinu

MARIJA L-WIĊĊ TAL-ISPIRTU S-SANTU

Fostna nilmaħ diversi esperjenzi sbieħ ta’ ħajja Nisranija kemm fil-privat u kemm pubblikament. Nara individwi u familji konvinti mill-fidi tagħhom f’Ġesù u huma impenjati bis-serjetà biex jgħixu l-Vanġelu. Imma jekk irridu nagħtu l-istampa kollha, irridu ngħidu li mbagħad hemm sinjali li juru li l-Knisja Kattolika f’pajjiżna ma għadhiex dik li kienet. Is-sinjali tafuhom intom daqsi, speċjalment intom il-ġenituri meta tħarsu lejn uliedkom u wlied uliedkom. Ninsabu għaddejjin minn żmien ta’ tibdil kbir, u mhumiex ftit dawk li jinsabu fi kriżi ta’ fidi jew intlaqtu minn apatija reliġjuża. Illum it-territorju tar-raħal/belt mhux immarkat skont il-qies tal-komunità parrokkjali, għax huwa fatt li mhux dawk kollha li joqogħdu fil-lokalità huma Nsara prattikanti. Kulma jmur il-komunità Nisranija qed tiċkien.

Il-qari meħud mill-profeta Eżekjel joffrilna X-ray tal-qagħda tagħna llum. Il-profeta jgħid li l-Mulej ħadu f’wied miżgħud bl-għadam, bla laħam u bla nervi, niexef qoxqox. Dawn l-iskeletri bla ħajja jirrappreżentaw il-poplu ta’ Alla li kien fl-eżilju tal-Babilonja. Il-Lhud stess jgħidu lill-Profeta: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox” (37:11). Peress li kienu qed jgħixu f’art pagana bi stili u regoli ta’ ħajja li jikkuntrastaw mat-twemmin tagħhom, il-Lhud li kienu f’minoranza ħassewhom demoralizzati, bla saħħa, bla ebda skop fil-ħajja u rassenjati tant li ma kienx fadal ġejjieni għalihom. Is-sitwazzjoni tant kienet kerha u inkwetanti li anqas il-profeta ma kien għadu jemmen li dak l-għadam seta’ jerġa’ jieħu l-ħajja, tant li meta l-Mulej staqsieh jekk il-mejjet jistax iqum, huwa wieġbu: “Sidi Mulej, dan inti biss tafu”.

Quddiem dan il-qtigħ ta’ qalb, Alla jiżgura lil Eżekjel li jekk isejjaħ l-Ispirtu, dak li kien mejjet jerġa’ jqum: “Għadam niexef… jien ser inġib fik l-ispirtu u inti terġa’ tgħix”. Il-Mulej ikompli jgħid lill-profeta: “Ħabbar u għid lir-ruħ: Hekk qal Sidi l-Mulej: Ejja, Spirtu, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja” (37:9)… “Jien inqiegħed ruħi fikom u terġgħu tieħdu l-ħajja” (37:14). Hekk, bil-qawwa tal-Ispirtu, dak il-poplu li kien “tellief” u “mitfi” reġa’ mtela bil-ħajja u l-ħeġġa.

Dak li ġara f’Pentekoste ta’ żmien Eżekjel jerġa’ jseħħ f’Pentekoste fil-bidu tal-istorja tal-Knisja. L-Appostli flimkien ma’ xi nisa kienu “rtirati” fil-kamra ta’ fuq tad-dar fejn kienu joqogħdu. Anki jekk huma kienu ltaqgħu ma’ Kristu Rxoxt, jibqa’ l-fatt li fl-opinjoni pubblika dawn kienu d-dixxipli tal-Imsallab. Għan-nies dawn kienu falluti bħalma fallut kien l-Imgħallem tagħhom. Għal dawk li kellhom il-poter ċivili dawn kienu ta’ xkiel għall-progress soċjali, u għall-establishment reliġjuż dawn kienu eretiċi. Għalhekk kellhom elf raġuni biex “jingħalqu” biex ma jiltaqgħux man-nies. Dawn ukoll kienu tilfu kull tama, għax ma kinux qed jaraw futur! Imma mbagħad f’daqqa waħda ġie mis-sema ħoss bħal ta’ riħ qawwi… dehrulhom ilsna tan-nar… u mtlew ilkoll bl-Ispirtu s-Santu u bdew jitkellmu b’ilsna oħra, skont ma l-Ispirtu kien jagħtihom li jitkellmu” (Atti 2:1-4). B’din il-preżenza tal-Ispirtu huma sabu l-qawwa biex jiftħu beraħ il-bibien taċ-Ċenaklu u b’wiċċhom minn quddiem ħarġu jitkellmu dwar Ġesù.

Dawn iż-żewġ manifestazzjonijiet tal-Ispirtu għandhom jagħmlulna l-qalb. Fostna wkoll jaf ikun hawn min huwa ttentat li jaħbat jegħja u jċedi fil-mixja spiritwali.

Wieħed jista’ jaqta’ qalbu minnu nnifsu stess għax ikun konxju mid-dgħufija u l-limiti tiegħu. Hawn min jaqa’ f’pessimiżmu u jitlef kull tama, għax in-nuqqasijiet tiegħu huma gravi ħafna jew għax ħafna drabi jsib li qed jagħmel dak li ma jridx jagħmel. Ġesù jaf x’inhi l-għaġna tagħna u kien għalhekk li wegħedna li jibgħatilna l-Ispirtu s-Santu.

Fiċ-ċirkustanzi li qed ngħixu fihom faċli li bħala komunità ekkleżjali nagħmlu bħall-bebbuxu u nidħlu f’qoxritna. Ma nistagħġibx li ssib min itenni dak li qalu l-Lhud fl-eżilju: “Nixef għadamna, it-tama tagħna għabet, inqridna għalkollox”.

Meta llejla aħna qegħdin bħall-Appostli miġbura fiċ-ċenaklu Ta’ Pinu, irrid inħabbrilkom dak li Alla qal lil Eżekjel: “Ejja, Spirtu, mill-erbat irjieħ tad-dinja, onfoħ fuq dawn il-mejtin, ħa jerġgħu jieħdu l-ħajja”. Dak li seħħ f’Ġerusalem nhar Għid il-Ħamsin – jiġifieri meta l-Ispirtu s-Santu biddel dik il-ġemgħa żgħira ta’ bnedmin dgħajfa u mbeżżgħa f’xhieda ferħana u kollha ħeġġa appostolika – nemmen li jista’ jiġri llum. Ħa niċċelebraw u nsejħu flimkien lill-Ispirtu s-Santu – fih inpoġġu t-tama tagħna!

Għandna bżonn tal-Ispirtu s-Santu. Ma nistgħux noħorġu fit-toroq u fil-pjazez tagħna jekk qabel ma ngħaddux iċ-Ċenaklu biex nirċievu l-Ispirtu s-Santu: din il-qawwa minn fuq li biha jlibbisna l-Missier. “Għax mingħajr l-Ispirtu s-Santu Alla huwa ’l bogħod, Kristu jibqa’ xi ħaġa tal-imgħoddi, il-Vanġelu jibqa’ ittra mejta, il-Knisja tibqa’ sempliċi organizzazzjoni u l-awtorità ssir għamla ta’ ħakma, il-missjoni ssir biss propoganda, il-kult jibqa’ vojt, u l-imġiba Nisranija tkun morali tal-iskjavi. Imma bil-qawwa tal-Ispirtu l-bniedem jirbaħ il-ġlieda kontra l-ġisem, Kristu huwa preżenti, il-Vanġelu jsir qawwa li tagħti l-ħajja, il-Knisja ssir sinjal tal-komunjoni Trinitarja, l-awtorità hija servizz li jagħti l-ħelsien, il-liturġija memorjal u antiċipazzjoni, l-imġiba umana ssir tixbah lil dik ta’ Alla”.

Imma l-ewwel u qabel kollox importanti li jkollna l-kuraġġ li nintunaw l-għanja tal-mewt. Ma nistgħux nibqgħu għaddejjin b’rasna mgħaddsa fir-ramel. Għandna bżonn niġu konxji li għandna għadam niexef. Ħafna komunitajiet li huma moribondi jew mejta ma jistgħux iqumu għal ħajja ġdida, għax jaħsbu li huma ħajjin meta fil-fatt huma mejta. Li aħna ngħaddu mill-fażi tal-vistu hija l-ewwel ħaġa meħtieġa biex imbagħad inħallu l-Ispirtu s-Santu “joħloqna” mill-ġdid. Inkella, jekk inqiegħdu l-inbid ġdid f’damiġġjani qodma, ser inkomplu nitilfu kemm l-inbid u kemm id-damiġġjani.

Dettall importanti huwa li dakinhar li l-Appostli kienu miġbura fil-kamra ta’ fuq, kien hemm ukoll Marija Omm Ġesù. L-Ispirtu s-Santu li kien ser jingħatalhom kien l-Ispirtu ta’ Binha. Dan huwa l-istess Spirtu li hija rċevietu dakinhar tat-Tħabbira tal-Anġlu, l-ewwel Pentekoste fil-ġrajja tat-Testment il-Ġdid, u bil-qawwa tiegħu l-Iben ta’ Alla tnissel fil-ġuf tagħha. Dakinhar tal-Annunzjazzjoni, l-Ispirtu s-Santu kien imħabbar bħala “qawwa mill-għoli” li tinżel fuq Marija (Lq 1:35), u anki lill-Appostli saritilhom il-wegħda li jirċievu l-qawwa li tinżel fuqhom mill-għoli (Lq 24:49; Atti 2:8). F’Nazaret l-Ispirtu s-Santu bil-koperazzjoni ta’ Marija ta bidu għal umanità ġdida, filwaqt li f’Ġerusalemm bis-sehem ta’ Marija l-Ispirtu s-Santu inawgura komunità ekkleżjali ġdida. Jekk fuq il-Kalvarju Marija dehret bħala Omm il-Knisja, hawnhekk fiċ-Ċenaklu hija l-parrina tal-Knisja: hi li kienet diġà mgħammda mill-Ispirtu s-Santu, takkumpanja lill-Knisja fil-magħmudija tagħha. Hemm teologi li jgħidu li peress li Marija kienet diġà rċeviet l-Ispirtu s-Santu, Alla jinqeda biha biex tgħaddih lill-Appostli!

Fiċ-Ċenaklu huma kienu jitolbu flimkien bla ma jaqtgħu. Forsi dan huwa s-sigriet għaliex l-Ispirtu s-Santu huwa assenti mill-Knisja tagħna! Għaliex ma nafux nitolbu u xi drabi għaliex abbandunajna t-talb – dan jgħodd għal kulħadd, partikularment għalina s-saċerdoti u dawk li huma kkonsagrati lil Alla! Meta Luqa jirrakkonta kif l-Ispirtu s-Santu niżel fuq Ġesù, jgħid li Ġesù kien jitlob (3:21). Kien it-talb li ċarrat is-smewwiet biex l-Ispirtu s-Santu niżel dakinhar tal-magħmudija ta’ Ġesù u dakinhar taċ-Ċenaklu. Nistgħu ngħidu li nhar Għid il-Ħamsin fiċ-Ċenaklu kien hemm l-ewwel epiklesi li l-Knisja fil-liturġija tagħha baqgħet tagħmel matul is-sekli biex issejjaħ l-Ispirtu s-Santu.

Kif jgħid il-Papa Benedittu XVI, “ma hemmx Knisja mingħajr Pentekoste u ma hemmx Pentekoste mingħajr Marija. Kull fejn l-Insara jinġabru flimkien biex jitolbu ma’ Marija, il-Mulej jibgħat l-Ispirtu tiegħu”. Ladarba wieħed ma jistax ikun Nisrani jekk ma jkunx Marjan (il-Papa San Pawlu VI), hekk ukoll nistgħu ngħidu li jekk ma nkunux Marjani ma nistgħux nirċievu l-bewsa tal-Ispirtu s-Santu. Marija hija ikona ħajja tal-Ispirtu s-Santu: hija l-wiċċ li bih l-Ispirtu jħares lejna, iħobbna u jfarraġna. Kif mingħajr l-Ispirtu s-Santu Marija titlef l-identità tagħha, hekk mingħajr l-Ispirtu s-Santu l-Knisja mhix Knisja! Bħal Oriġene, Sant’Ambroġ u l-Patristika taż-Żminijiet tan-Nofs, it-teologu Von Balthassar isejjaħ lil Marija r-ruħ tal-Knisja: “Hija r-ruħ li tħaddan l-Ispirtu tal-Knejjes. Fil-fatt, hi d-disponibbiltà infinita tal-atteġġjament tal-fidi tagħha – ‘Ħa jkun minni skont kelmtek’ – li tagħmel jiddi f’Marija s-sens ideali (morali) u reali (fiżiku) tal-Knisja”.

Fid-dawl ta’ din ir-riflessjoni llum nistedinkom nagħmlu l-Affidament tad-Djoċesi tagħna lill-Madonna Ta’ Pinu. Qed intennilkom l-istess xewqa ta’ Ġesù fuq is-salib meta fil-persuna ta’ Ġwanni qalilna: “Hawn hi Ommkom”. Bħall-Appostli fiċ-Ċenaklu kollna fiduċja ħa ninġabru madwar Marija, nitolbu magħha u nitolbuha biex tgħinna ħalli ninfetħu għall-Ispirtu s-Santu kif għamlet hi, għax huwa l-Ispirtu s-Santu li jrid jgħinna biex dan l-għadam niexef irabbi l-muskoli, u hekk, imnebbħin mill-Ispirtu, inkunu Knisja li tfittex toroq u metodi ġodda ta’ evanġelizzazzjoni. Fil-kamra ta’ fuq nhar Għid il-Ħamsin ma kienx hemm biss l-Appostli, imma kien hemm oħrajn – ilkoll kemm aħna ġejna fdati b’din il-missjoni li nkunu xhieda ta’ Ġesù. Għalhekk illejla taħt il-ħarsa ta’ Marija ser inpoġġi lil kulħadd, bħalma huma l-familji tagħna, b’mod partikulari dawk li għandhom quddiemhom triq għat-telgħa, iż-żgħażagħ tagħna, anki biex jilqgħu l-kelma tal-Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Christus vivit, it-tfal u l-morda u s-saċerdoti u l-persuni kkonsagrati. Nhar Pentekoste fil-kamra ta’ fuq l-Appostli kienu ħdax u mhux tnax – kien hemm wieħed nieqes. Jien illejla ser nafda lill-Madonna lil dawk li ma humiex miegħi – lil dawk li ma humiex magħna.