Ġesù jwiegħed l-Ispirtu s-Santu

Print Friendly, PDF & Email

44. Il-Ħamis wara s-Seba’ Ħadd tal-Għid

Kitba ta’ Angelo Xuereb

Madankollu ngħidilkom is-sewwa: jaqblilkom li jiena mmur; għaliex jekk ma mmurx, id-Difensur ma jiġix għandkom (Ġw 16, 7).

Qegħdin noqorbu lejn Pentekoste, jiġifieri Għid il-Ħamsin, meta l-Knisja tiċċelebra l-inżul tal-Ispirtu s-Santu fuq l-Appostli. F’dan il-vers naraw lil Ġesù juri l-ħtieġa u r-raġuni għala se jmur lejn is-Sema: biex jibgħatilhom “Id-Difensur.”

Ġesù ma marx għand il-Missier biex iħallina weħidna. Lanqas ħalla vojt li ma nistgħux nimlewh. Ħallielna l-Knisja li tamministra s-sagramenti u tgħallimna t-triq tal-ħajja eterna, imma fuq kollox bagħtilna l-Ispirtu Qaddis biex imexxina, iqawwina u jqaddisna fiH.

Il-Knisja ħadet il-magħmudija tagħha bil-miġja tal-Ispirtu s-Santu. L-Appostli mtlew bil-kuraġġ tant li ħasbuhom li kienu fis-sakra u bdew ixandru l-Evanġelju u jgħammdu. Tassew kienu “f’sakra” (!) spiritwali, mogħnija b’Qawwa li tiżboq kull biża’.

L-Ispirtu s-Santu niżel fuq l-Appostli nhar l-Għid il-Ħamsin u għadu mal-Knisja sal-lum. Il-missjoni li bdew iwettqu l-Appostli fl-inżul tal-Ispirtu s-Santu ma kinitx xi ħaġa momentarja li kienet frott tal-emozzjoni ta’ dak il-ħin, imma kienet u għadha enerġija divina f’erwieħ dgħajfa biex Kristu jibqa’ ħaj u jsaltan fi qlub il-bnedmin.

Il-Knisja baqgħet ixxandar lil Kristu minn dak iż-żmien sal-lum. U kieku l-Knisja ma kinitx immexxija mill-Ispirtu s-Santu kieku sal-lum intemmet. Jekk naraw l-Istorja tal-Knisja naraw dan fiċ-ċar; qamu persekuzzjonijiet u tilwim fost il-membri tagħha stess li wasslu għal diviżjonijiet li għadna nbatu minnhom sal-lum. Imma d-“Difensur” għadu magħna …

Huwa l-Ispirtu s-Santu li għen lill-Papiet u lill-Konċilji biex il-Knisja tirriforma ruħha u tiġġedded dejjem filwaqt li tibqa’ leali lejn Kristu. Dan kollu juri li Kristu ma waqqafx il-Knisja u abbandunaha iżda kif kien wiegħed, bagħat lill-Ispirtu s-Santu biex iwettaqha, jsaħħaħha u jiddefendiha kontinwament. Hekk kien, hekk għadu, u hekk jibqa’ sal-aħħar taż-żmien.

Leave a Reply

%d bloggers like this: