L-ogħla livell ta’ Refuġjati f’sebgħin sena


Aktar minn 70 miljun ruħ kellhom jaħarbu madwar id-dinja minħabba gwerra, kunflitt u persekuzzjoni u dan skont rapport li ħareġ mill-Aġenzija tar-Refuġjati tan-Nazzjonijiet Magħquda. Dan huwa l-ogħla livell f’sebgħin sena. L-akbar ċaqliq sar bejn l-2012 u l-2015 minħabba l-kunflitt fis-Sirja iżda kien hemm kunflitti mdemmija oħra li wasslu biex mijiet ta’ eluf ta’ nies jaħarbu mill-Iraq u l-Yemen, mill-Kongo u s-Sudan ta’ Isfel. Kien hemm ukoll ċaqliq kbir meta r-refuġjati Rohingya fittxew kenn fil-Bangladexx.

20150912_BLP502Dawn il-miljuni ta’ nies jinqasmu fi tliet gruppi: refuġjati li jkunu mġiegħla jħallu lil art twelidhom minħabba kunflitt, gwerer jew persekuzzjoni; hemm dawk li qed ifittxu ażil u spiss dawn il-persuni jispiċċaw f’kampijiet tar-refuġjati għal snin twal f’pajjiżi li ma jkunux jistgħu jlaħħqu mad-domanda u l-aħħar u l-ikbar grupp huma n-nies li jiċċaqalqu iżda jibqgħu fil-pajjiż tagħhom stess.

Dawn iċ-ċifri qed dejjem jikbru minħabba l-għadd kbir ta’ gwerer u persekuzzjonijiet li għaddejjin fid-dinja. Huwa għalhekk li l-Knisja dejjem tħeġġeġ li lkoll kemm aħna nippruvaw nifhmu minn xiex ikunu għaddejjin dawn il-persuni u naħdmu favur il-fraternità u l-integrazzjoni.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija