Riflessjoni mill-Isqof Mario Grech fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù


Il-Ġimgħa, 28 ta’ Ġunju 2019: Riflessjoni mill-Isqof Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-Adorazzjoni tal-Kleru fis-Santwarju tal-Fontana, fis-Solennità tal-Qalb ta’ Ġesù.

Bil-kortesija ta’ Radju Sacro Cuor.

Adorazzjoni Kleru 2019 (2)

X’HEMM FIL-QALB TAGĦNA

Fejn tinsab qalbna? X’qed jimla lil qalbna? Fil-ħajja jeżistu sodisfazzjonijiet “irħas” illi huma bħal bżieżaq tas-sapun, għax filli jkollna jdejna mimlija bihom u filli jevapora kollox u nsibu jdejna vojta; filli nħossu qalbna tfur u filli qalbna titbattal! Fil-ħajja, anki fostna s-saċerdoti, hemm min ma jkun kuntent qatt. Hemm dawk li ma ssoddhom b’xejn għax dejjem jonqoshom! Bħal donnu fil-bniedem hemm skuntentizza.

Imma l-fatt li l-bniedem iħossu mhux sodisfatt mhux xi ħaġa negattiva għalkollox. Għax min-natura tiegħu l-bniedem huwa eternament insodisfatt. Il-Papa Benedittu XVI jitkellem fuq dik li jsejjaħ “sana inquietudine”. Huwa ta’ wġigħ ir-ras dak il-bniedem li dejjem irid; imma daqstant ieħor hija inkwetanti dik il-persuna li tħossha “waslet” u għalhekk ma toħlomx iktar. Hija verità eżistenzjali li l-qalb tal-bniedem mhux lakemm timtela.

Fil-fatt, Santu Wistin jgħid li l-akbar piż ta’ ħajtu kienet qalbu u li kien dejjem iħossu tiela’ t-telgħa tal-qalb. U ħassieb kontemporanju, Fabrice Hadjadj, jgħid li l-qalb tal-bniedem hija mimlija b’“xewqat terribbli”. Huma xewqat koroh, għax jekk il-qalb tistrieħ fuq persuna jew xi ħaġa, imbagħad il-bniedem isib li dik il-persuna jew l-oġġett ma jibqax jissodisfah, allura huwa “jarmi” lil dik il-persuna jew oġġett. Min-naħa l-oħra, jekk jirriżulta li dak li jkun għażel ma jkunx jissodisfah imma xorta jibqa’ ma’ dik l-għażla, allura ħajtu ssir infern. Biżżejjed inħarsu waħda lejn it-tfal: ikunu ser itiru bil-ferħ meta jakkwistaw xi ġugarell ġdid, imma jgħaddu ftit jiem, jidrawh u jixbgħu minnu. Imma din l-esperjenza tiġrilna wkoll f’dimensjonijiet aktar serji. Naraw din id-dinamika fir-relazzjonijiet bejn il-koppji – jaf ikun hemm mument fejn parti “tixba’” mill-parti l-oħra u għalhekk jagħżlu minn xulxin! L-istess jista’ jiġri fis-saċerdozju tagħna. Ilkoll kellna xewqa kbira li nsiru saċerdoti, imma kif nispjegaw li wara li jgħaddilna qamar il-għasel fil-ministeru tagħna, hemm min jgħaddi minn kriżi vokazzjonali serja – hemm min ma jħossx li s-saċerdozju qed jimlieh u għalhekk jasal li jarmih? (Hemm mod u mod kif narmu l-vokazzjoni tagħna – nistgħu nibqgħu bil-kullar u narmuh l-istess!).

Hadjadj jgħid li l-bniedem għandu kontroll fuq ħafna affarijiet fil-ħajja, imma ħaġa waħda diffiċli jikkontrolla: il-qalb, li hija l-qofol tal-essri tiegħu. Ħafna drabi nsibu li l-aktar ħaġa intima li għandna (qalbna) ssuqna biex niltaqgħu mal-ieħor li mhuwiex aħna. Bir-raġun jgħid il-qawl li fejn tmur il-qalb jimxru r-riġlejn! Mhux lakemm nikkontrollaw il-qalb b’moħħna. Nifhem lil San Pawl meta jgħid li ħafna drabi kien isib ruħu qed jagħmel dak li ma kienx ikun irid jagħmel.

Jekk qalbna ssuqna biex niltaqgħu mal-ieħor li ma huwiex aħna, min huwa dan l-ieħor? Ġaladarba qalbna hija infinitament insodisfatta, huwa biss l-infinit li jimlieha. Meta nimlewha b’dak li mhux infinit, tkun biss sodisfatta parzjalment. Bir-raġun għalhekk li s-Salmista jgħid: “Int Alla Sidi u ma għandix ġid ieħor ħliefek” (16:2). U Santu Wistin jafferma li “min isib lil Alla jkun sab kollox. Għax l-infinit biss jista’ jimla l-qalb tal-bniedem. Il-qalb tal-bniedem ma tistrieħx jekk mhux fik, o Alla”. Dak li huwa etern (Alla) jista’ jipplaka l-qalb tal-bniedem li tħabbat eternament biex issib din il-verità. Il-bniedem huwa tallab tal-infinit.

Il-qalb tagħna hi mimlija b’Alla? Biex inwieġbu għal din il-mistoqsija nipproponi dawn it-tliet punti:

Min hu tassew għaref għandu jħoss li huwa stupidu fis-sens li jaf li ma jafx kollox – jaf li għadu ma wasalx, li mhux komplut. Min jirraġuna b’dan il-mod żgur ma huwiex stupidu, għaliex il-bniedem stupidu huwa dak li jaħseb li għandu t-tweġiba għal kollox – dak li huwa konvint li wasal fejn kellu jasal u għalhekk ma jeħtieġ jagħmel ebda sforz ieħor. Għalhekk importanti li jkollna dan l-insodisfazzjon eżistenzjali u nibqgħu nistaqsu u niċċaraw it-tifsira tal-ħajja. Dan in-nuqqas ta’ trankwillità interjuri minħabba t-tfittxija spiritwali huwa fattur pożittiv, anki jekk matul it-tfittxija niżbaljaw, nagħmlu għażliet ħżiena, naqgħu fid-dnub… Importanti li ma niqfux, li ma nkunux statiċi, imma din l-“inquietudine spirituale” tkompli tkun stimolu biex aħna niskopru s-sens veru ta’ ħajjitna. Ngħassu biex qalbna ma tiġix illuppjata mill-flus, il-poter, il-karririżmu, l-unuri, in-nostalġija tal-imgħoddi u, fil-każ tagħna s-saċerdoti, mis-sens ta’ grandeur reliġjuż u l-attiviżmu pastorali. Ma għandniex nallarmaw ruħna jekk jitqanqlu fina d-dubji anki f’suġġetti bħalma huma t-teoloġija dommatika jew morali. Id-dubji ma humiex xi ħaġa negattiva; kif jgħid Norberto Bobbio, id-dubju huwa “l-istallett” jew in-niggieża li jixprunawna biex napprofondixxu l-għarfien tagħna nfusna u tar-realtà ta’ madwarna. Hawnhekk niltaqgħu mal-Infinit li huwa moħbi fil-fond ta’ qalbna.

Alla kemm qiegħed jiddisturbani? Kemm iqanqalli mistoqsijiet? Kemm jistimulani biex nixref fil-misteru? Meta fir-relazzjoni tagħna ma’ Alla ngħaddu minn sqaqien mudlama, ma jfissirx li nkunu f’xi kriżi ta’ fidi, imma dawk ikunu mumenti li jistimulawna biex noħorġu minn dawk iż-żoni komdi biex nidħlu f’livelli ogħla. Huma sitwazzjonijiet bħal dawn li jimbuttawna biex inċarrtu l-velu li qed jaħbi l-wiċċ ta’ Alla u nidħlu ’l ġewwa fil-qalb ta’ Kristu. Nibża’ li jekk il-Kelma ta’ Alla ma toħolqilniex mistoqsijiet, aħna niftaqru spiritwalment u fil-ministeru. Il-Missirijiet tal-Knisja jiddeskrivu t-talb bħala “xewqa qawwija għal Alla” u Alla jweġibna billi jwessa’ l-qalb tagħna – Alla ma jaqtgħalniex xewqatna, imma jintensifika din ix-xewqa għalih. Iħallini bil-għatx għalih. Għax Alla hu għatxan għax-xewqat tagħna.

Għandna saċerdoti li verament huma għalliema tat-talb, imma mbagħad ċertu talb (pubbliku) tagħna s-saċerdoti, bħalma hija l-quddiesa, huwa verament fqir għax ma jindikax li fina hemm din ix-xewqa profonda għal Alla! Xi drabi waqt il-liturġija talbna huwa biss qari mgħaġġel ta’ formuli ritwali li bir-raġun ma jqanqlux fil-ġemgħa xewqat għal Alla. Ftit ilu persuna żagħżugħa fissritli l-esperjenza tat-talb tagħha b’dan il-mod: “Nixxennaq ħafna għal Ġesù. Xi kultant inħossu ħafna lil Ġesù u nibda nibki. Dak il-ħin nibda nitolbu: Ibqa’ ġej, tiqafx, idħol aktar ’il ġew fija”. Aħna nitolbu hekk? Huwa biss min għandu din “l-inkwetudni għal Alla” li jitlob b’dan il-mod u jasal biex isieħeb oħrajn fit-talb tiegħu.

Imbagħad hemm dik li l-Papa Franġisku jsejjaħ “inquietudine dell’amore” – meta l-imħabba ma tħalliniex bi kwietna. Dan nesperjenzawh f’diversi livelli. Insemmi biss meta ninkwetaw għall-oħrajn proprju għax inħobbuhom – meta qalbna tingħafas meta dawk li nħobbu jkunu neqsin mill-meħtieġ (materjalment u spiritwalment). Dan it-tħassib ġenwin fina ma jħalliniex magħluqa fil-comfort zones tagħna imma jsuqna biex inkunu qrib il-foqra (fis-sens wiesa’ tal-kelma) u kull min qed ibati. Fil-każ tagħna s-saċerdoti din l-“inquietudine dell’amore” ssir karità pastorali. Qalbna trid tkun tħabbat għall-proxxmu. Jekk ma ninkwetawx għax il-proxxmu għadu mhux jieħu sehem mill-ġid li għandna (materjali u spiritwali); fil-każ tagħna s-saċerdoti, jekk ma nitħassbux meta naraw il-proxxmu jbati l-inġustizzji jew meta tkun għadha ma waslitlux il-Bxara t-tajba, niftaqru pastoralment u l-ministeru tagħna jkun sterili.

Meta jikkummenta dwar passaġġ tal-Vanġelu fejn wara l-Qawmien Ġesù deher lill-Appostli u Tumas ma kienx hemm, San Pietru Krisologu jgħid li r-raġuni għaliex Tumas ma emminx għax ried jara u jmiss il-pjagi ta’ Ġesù kienet proprju l-“inquietudine del suo cuore” għal dawk li kienu ser jirċievu l-Vanġelu. Għax ta’ bniedem imħeġġeġ biex jitlaq ħalli jipprietka l-Vanġelu, Tumas ried ikun ċert li Kristu Rxoxt xorta kien baqagħlu dawk il-marki (il-pjagi) tal-passjoni u l-mewt tiegħu – sinjal tal-imħabba kbira tiegħu biex hekk il-bnedmin jemmnu fih. Fi kliem ieħor kien dan l-insodisfazzjon pastorali li nissel ix-xewqa f’San Tumas biex iqiegħed sebgħu fuq il-kustat miftuħ ta’ Ġesù (ara Sermone 84).

Nawgura li f’qalbna wkoll ikollna dik li sejjaħnielha “sana inquietudine”. Illum, il-Festa tal-Qalb ta’ Ġesù, ħa nagħmlu bħal San Tumas u npoġġu subgħajna fuq din il-qalb miftuħa b’daqqa ta’ lanza, għax f’Ġesù biss insibu s-serħan.