Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf


Il-Ħadd, 30 ta’ Ġunju 2019: Omelija tal-E.T. Mons. Mario Grech, Isqof ta’ Għawdex, fl-okkażjoni tat-Tberik tat-Tarbija fil-Ġuf, fis-Santwarju Ta’ Pinu.

IMG_6165

KULTURA FAVUR IL-ĦAJJA

Soċjetà li hija xħiħa mal-ħajja umana ma għandhiex futur! Biżżejjed insemmu x-xokkijiet fil-qafas soċjali li qed toħloq ir-rata baxxa tat-twelid, bħal fil-każ tas-sistema tal-pensjonijiet. Għalhekk soċjetà li tħares lejn il-futur hija soċjetà li tiċċelebra l-ħajja – soċjetà li fir-rispett tal-prinċipji etiċi tgħin u twieżen lil dawk il-koppji ġenerużi li jridu jikkoperaw mal-Ħallieq biex titnissel il-ħajja.

Il-ħajja hija don ta’ Alla u aħna fid-dmir li nħarsuha sa mill-mument tat-tnissil. Fil-fatt, il-ħajja fil-ġuf hija suġġett ta’ drittijiet innati. Daqskemm huwa nuqqas serju meta ssir vjolenza fuq persuna adulta, daqshekk ieħor huwa gravi meta tiġi mmanipulata l-ħajja fil-ġuf. Ebda raġuni ma tiġġustifika li ssir selezzjoni bejn embrijun “perfett” u ieħor “mhux perfett”. Id-dell biss tal-“ewġenetika”, jiġifieri li ħajja fil-ġuf titneħħa għaliex jirriżulta li jkun ser ikollha xi għamla ta’ imperfezzjoni, joħoloq tħassib serju.

Ilkoll nafu b’familji li huma eżemplari fl-għożża li juru ma’ wliedhom diżabbli. Tagħmel sewwa ħafna l-komunità li tieqaf ma’ dawn il-familji. Il-ħajja fil-ġuf għandha dinjità daqs il-ħajja li titwieled; anzi, il-ħajja fil-ġuf tgħajjat b’aktar qawwa għall-protezzjoni, għax hija ħajja fi stat dgħajjef. Nagħmel kuraġġ lil dawn il-familji li qed iġorru l-ħajja fil-ġuf biex ma jaqtgħux qalbhom mill-Providenza u jkomplu jagħtu sehemhom biex tissaħħaħ il-kultura favur il-ħajja umana.