Tibda l-11-il edizzjoni tal-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza


Ftit sigħat ilu fid-Dar tal-Providenza bdiet il-11-il edizzjoni tal-BOV Marigold Volleyball Marathon, li se tintemm għada l-Ħadd f’nofsillejl.

Bħalma jiġri kull sena, għal 53 siegħa sħaħ, il-parkeġġ tal-karozzi fid-Dar tas-Siġġiewi nbidel f’padiljun tal-volleyball u f’żona ta’ divertiment għall-familja kollha. Apparti l-logħob tal-volleyball, se jkun hemm spettaklu ta’ kant, kunċerti mużikali kfi ukoll stands ta’ ikel għall-viżitaturi.

64729295_339130977022194_8494141879107977216_n.156240346054

Aktar minn 300 voluntier qed jiddedikaw il-ħin u l-isforzi tagħhom biex jiġbru l-flus għal din il-kawża ġusta. Il-plejers ilhom għaddejjin bit-taħriġ għal din il-maratona minn Mejju li għadda taħt id-direzzjoni teknika ta’ Stefan Decelis.

Il-maratona ta’ din is-sena nfetħet ilbieraħ mill-President ta’ Malta Dott. George Vella filwaqt li llum waranofsinhar l-Arċisqof Charles J. Scicluna ser iżur lill-plejers u lir-residenti tad-Dar. Għada, il-Ħadd filgħodu, l-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi wkoll ser iżur lil kull min qed jagħti sehmu f’din il-maratona.

Il-kontribuzzjonijiet jistgħu jsiru bit-telefon fuq 51602011 għal donazzjoni ta’ €10, fuq 51702012 għal donazzjoni ta’ €15, fuq 51802013 għal donazzjoni ta’ €25, u fuq 51902070 għal donazzjoni ta’ €50. L-abbonati tal-BOV Mobile Pay jistgħu wkoll jagħmlu d-donazzjoni tagħhom fuq in-numru 79324834. Hemm ukoll il-linja għall-pledges fuq 21461537.

Il-BOV Marigold Volleyball Marathon qed tixxandar b’mod dirett fuq l-istazzjonijiet tat-televiżjoni lokali.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

One thought on “Tibda l-11-il edizzjoni tal-maratona tal-volleyball b’risq id-Dar tal-Providenza”

  1. What is the Day programme for Sunday 7th July please? At what time is the holy mass being celebrated?

Comments are closed.