Il-Paċi!


Ħafna jriduha l-paċi! Hawn min lest li jħallas il-belli tal-Ewro għaliha! L-għaliex, u min dejjem għandu rasu fuq għonqu, min irid jgħix mingħajrha? Irid ikun tabilħaqq bniedem u bniedma bla ras, jiġifieri bla raġuni biex tagħżel li tgħix mingħajr il-paċi?

Sintendi, il-paċi li qed nitħaddtu minnha mhijiex dik esterna. In-nuqqas ta’ ġlied biss. Li kieku kien hekk kieku aqta’ kemm kienet tkun faċli li jkollok u jkolli l-paċi! Biżżejjed ikun hemm infurzar ta’ xi liġijiet. U kollox jerġa’ jiġi fil-kwiet. Għalli kien! Iżda ħej, il-ħajja turina li l-paċi hija xi ħaġa aktar profonda minn hekk!

Ejjew nikkoreġu lilna nfusna ħbieb sabiex nimxu ‘il quddiem fil-verità li tabilħaqq issalvana! Il-paċi m’hijiex le sempliċi sentiment. Kif inħossni! Jiġu iva mumenti fejn inħossni fil-paċi. U, ħa ngħiduha kif inhi, importanti li nkun inħossni fil-paċi. Inkella, u jekk ma nkunx inħossni f’dan l-istat, sinjal li għandi xi jtaqqalni fil-kuxjenza tiegħi. Jiġifieri jaf ikun hemm ċerti għemejjel jew deċiżjonijiet li, meta wettaqthom jew żammejt magħhom, qerduli l-paċi.

Kos hux! Mela l-paċi m’hix xi ħaġa passiva. Bħal, ngħidu aħna, rqadt raqda twila u qomt u bqajt f’dik il-ħemda! L-ewwel nett, jekk ikolli l-kuxjenza inkallata nista’ tabilħaqq norqod fil-paċi? Hawnhekk ta’ min jidħol ftit fiha din! Jekk għamilt xi ħaġa, jew għedt xi ħaġa fuq xi ħadd, inkella ħadt xi ħaġa jew qarraqt b’xi ħadd, nista’ inkun fil-paċi? Jekk qed ngħix ħajja doppja, għax minbarra nidher mod u, minn wara l-kwinti, qed ngħix mod ieħor, nista’ qatt xi darba nkun fil-paċi?

Għax x’jiswewli l-flus, l-opportunitajiet, u l-ġid kollu tad-dinja jekk jien minix fil-paċi? Tista’ ħajja bħal din tikkwalifikani bħala persuna li ngħix b’dinjità? Dik id-dinjità li lili tgħinni ngħix liberu u libera? Bħat-tajr tal-ajru u l-ġilji tal-għelieqi? Fil-fatt, jekk jien għandi xi jtaqqalni qatt u qatt ma nista’ ngħix fil-paċi. U, minn hawn jew minn hemm, irid nara x’nagħmel biex neħles mill-piż li qed itaqqalli l-kuxjenza. Wara kollox jien ma ġejtx maħluq u maħluqa biex inkun kontenitur taż-żibel tal-ħażen.

Dan nistgħu narawh fil-ħajja ta’ kuljum. Jekk jien ninħasel u l-ħwejjeġ ta’ fuqi jibqgħu jintnu hekk se nibqa’, ninten. Avolja ninħasel kemm ninħasel. Biex inkun tassew infuħ irrid ninħasel u nibdel ħwejġi. Mela lanqas it-triq l-oħra, jiġifieri li nbiddel ħwejġi u nibqa’ maħmuġ inkallat, ma nista’ ngħid li jien nadif. Mela l-indafa trid tkun sħiħa! Mill-qiegħ! Ħalli nibda’ ngħix mill-ġdid! U napprezza bil-bosta l-fatt li jien qed ngħix! Għax nadif! U nadifa!

Kemm hi sabiħa l-indafa ħbieb! Imma jekk l-indafa fil-ġisem u fil-ħwejjeġ hi daqstant sabiħa, l-għaliex tiġbed l-għajn, qalb u ruħ nadifa huma dawk li jiġbdu l-qlub u l-erwieħ tal-oħrajn. U hija eżattament f’din it-tip ta’ qalb u ruħ li l-paċi vera issaltan. L-għaliex f’qalb il-bniedem it-tajjeb u l-ħażin ma jistgħu qatt jgħixu flimkien! Jew jirbaħ it-tajjeb inkella l-ħażin! U l-għaliex aħna ilkoll inbatu f’qalbna u fil-kuxjenza tagħna? Mhux l-għaliex nippruvaw inħallu lit-tajjeb jgħix mal-ħażin? Nippruvaw inħallu s-sewwa jgħix mat-taħwid? U l-verità nippruvaw inżewġuha mal-gideb?

U, wara dan kollu, xi jkun ir-riżultat? Wiċċ imqarras. U għajnejn imkissrin. Sabiħa l-libsa ta’ barra. Sabiħa jekk tkun nadifa. Sabiħa jekk tkun mgħoddija. Sabiħa li tkun bajda karti. Kważi tleqq! Imma ħej jekk l-ispirtu jkun għajjien l-għaliex jgħum fil-ħażen dan x’jiswa? Oh kemm nitqanżħu biex nippruvaw inżommu dehra sabiħa minn barra! Id-dehra tal-onest u l-onesta! Imma, f’qalb il-bniedem, il-Mulej biss jaf x’hemm! U allura jekk jien naf li minix miexi sewwa mal-Mulej u ma’ ta’ madwari mhux inkedd lili nnifsi nkun qiegħed meta ngħid ħaġa u nagħmel oħra?

Il-ħasra tkun jekk jien, meta nsib min tabilħaqq jiftaħli għajnejja l-għaliex tassew ikun iħobbni u tkun tħobbni, nagħmel bħal tal-istorja: indaħħal rasi fir-ramel. U ngħid li jien m’għandix x’nibdel. Inkella naqbad u nibda’ nixħet ruxxmata kliem li jweġġa’ fil-konfront ta’ min iriddli l-ġid. U, minflok li nirringrazzjah u nirringrazzjaha tas-servizz li jkun għamel u għamlet miegħi, narma ngħidlu u ngħidilha: Aħjar tara x’tagħmel int! Ja … !

Le ħbieb! It-tgħajjir qatt ma ġab paċi! It-tgħajjir kompla kisser fuq li kisser! Għax il-paċi vera isseħħ meta bejnietna jkollna l-verità. Dik il-verità imma li ma tpoġġinix li jien aħjar minnek. U allura tagħtini xi ‘permess’ biex ngħaddik biż-żmien jew inkella nipprova nkissrek l-għaliex f’dik il-ħaġa sibtek dgħajfa jew dgħajjef. Min jimxi hekk fil-ħajja ma jagħmel proprju xejn. Anzi! Ikun qed idawwar l-isteering tal-ħajja tiegħu u tagħha għal ġol-ħajt! Fir-realtà ħbieb, fil-ħajja ħadd mhu aħjar minn ħadd!

Iżda hawn min lest jersaq lejn il-verità, ħa jfiq. Anki jekk imweġġa’. U hawn min ma jridx jersaq lejn il-verità. U jweġġa’ aktar għax jgħix f’gidba. Imma min irid jikber fil-paċi l-verità għandu jħares lejha bħala dik li tilliberaħ u tilliberaha u mhux li tjassru u tjassarha! Bħalma jagħmel il-ħażen!

Għalhekk kuraġġ ħbieb! Ejjew inħobbuha l-verità! Għax il-verità qatt ma tagħtina x-xebgħat jew tikkundannana iżda ixxammrilna jdejna ħalli fejn hemm il-mibegħda nxerrdu l-imħabba. Fejn hemm il-qtiegħ il-qalb tgħinna niżirgħu t-tama. Fejn hemm id-dlam tgħinna nkebbsu d-dawl. Fejn hemm in-niket tibgħatna nxerrdu l-ferħ u konfort tal-qalb.

Ejjew inkunu nies ta’ paċi! Ejjew nifmhu lil ħaddieħor! Ejjew inħobbu lil ħaddieħor! Ejjew nagħtu minn dak li għandna! Ejjew naħfru lil min naqasna! Ejjew naraw, f’xulxin, li dak ħija! U dik oħti! Għax, qabel u wara kollox, aħna ilkoll AĦWA! Ulied ta’ MISSIER WIEĦED!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.