Min jitfa’ l-aktar!


Illum il-kliem kemm sar irħis ħbieb! U, tant kemm sar irħis, li veru sar ħobżi u ħobżok! Mela ħobż il-poplu!

Kollox sew! Tajjeb li nitħaddtu! U sirna nitkellmu u nitħaddtu tafux! U ntaqtu! Ejja isma’ u ġib lil min jisma’! Sirna, Alla jbierek, nitkellmu fuq kollox u fuq kulħadd.

U, ilsienna, u dejjem imbierek Alla, aqta’ kemm sar jieħu gost jiżżerżaq ħi! Aqta’ kemm sar jinħall għaż-żurżieqa tal-kliem fuq ħaddieħor! Għax issa, la għandi ilsieni, ngħid dak li rrid u li jaqbilli! U ara min iwaqqafni! Għax mhux x’nagħmel imma x’ma nagħmilx! Issa għandi d-“dritt” li ngħid dak li rrid! U allura warrabli ħa ngħaddi! Għax jien dak li jien! U ħadd ma jagħmilli bżieq fuq imnieħri!

Għalhekk, din l-attitudni bulija, kemm tridha u kemm jista’ ikun, tagħtini lok li nitħaddet bl-addoċċ. U, din l-attitudni, ilsieni, li l-Mulej għamlu pinna ta’ kittieb ħafif (Salm 45:2), sar issa ħafna u ħafna ħafif biex jikteb! U, tant kemm sar ħafif li, ħej, sar qed jillaxka wkoll! U, tant kemm sar jillaxka li issa qed isibha ħafifa daqs tazza ilma biex jgħid kontra dak, imbagħad kontra l-ieħor. U hekk, ħelu ħelu, il-kliem sar tlablib! Tgħid għalhekk qed immur spiss għand it-tabib?!

U ejja Patri! X’inti tgħid! L-għaliex qed tgħid hekk? Għaliex qed iġġibha bi kbira daqshekk? Għax, sieħbi, jekk ilsieni jiġri bija, u jiġri biċċa sew, għid li sa jaqbad il-kuxjenza tiegħi u se joħodha f’idejh! Mela l-ewwel ikissirli l-ispirtu tiegħi u jagħmilhuli trietaq. Imbagħad, wara li jdaħħalni f’xebgħa għajjat u inkwiet li jagħmluni rmied, jixħetni għand min irid! U għax ilsieni biċċa laħam, għalkemm ixoqq l-għadam, arah issa jitfagħni l’hawn imbagħad l’hemm! Skont ir-riħ u l-kurrent li mhux bilfors jagħmilni kuntent! U meta nipprova nkellmu, l-għaliex inkun tajtu wisq ir-riedni f’idejh, aqta’ biex joħroġli? Jgħidli: Tindaħallix! U veru! Għax, din in-naqra ta’ laħam, iġġagħlni nifhimha hekk! Bħalha! U mhux xorta! L-aqwa li ngħid li rrid! L-aqwa li ngħid dak li nħoss! L-aqwa li nikklirja! L-aqwa li neħles! Ħallieha li b’dak li ngħid injassar! Li b’dak li ngħid inkisser! Li b’dak li ngħid nixkana! Li b’dak li ngħid nara kif nagħmel u ngħatti xturi filwaqt li ma nikkonfondi xejn f’li nikxef u nkabbar kemm niflaħ dak ta’ ħaddieħor! Allura?! Jien min hu sidi? Ilsieni mhux tiegħi?

Veru! Ilsieni tiegħi! Ħa nerġa’ nispellieha għalija innifsi u nispellihielek ukoll din: ilsieni, din in-naqra ta’ laħam ħamra, din tiegħi? Ħa nara naqra ta jekk hix tassew tiegħi. U mbagħad ħa nitkellem kemm irrid! U issa, la l-kliem waqa’ fuq dan is-suġġett, ħa nerħilha lejn l-aqwa ktieb li qatt inkiteb, il-ktieb tal-veru għerf u filosofija tal-ħajja, il-Bibbja! U xi nsib f’dan il-ktieb mill-aqwa? Mhux kliem Ġesù, l-Iben ta’ Alla l-Ħaj u l-aqwa filosfu ta’ kull żmien, li jgħidli, ċar u tond fil-vanġelu skont San Mattew: U ngħidilkom li l-bnedmin f’jum il-ħaqq għad iridu jagħtu kont ta’ kull kelma fiergħa li jkunu qalu, għax minn kliemek tkun iġġustifikat, u minn kliemek tkun ikkundannat.” (Mt 12:36-37).

Qed nismagħha l-kelma tingħadli! Qed nisimagħha t-twiddiba! Qed inħossha t-tbeżbiża! Mela, qabel ma nibda’ inwaħħal f’Dak li ħalaqni għax qed jinqalagħli hekk, u għax ma nistax nieħu ruħ, u għax x’ma nafx x’daħlilna d-dar, u għax ma nafx liema magħmul għamluli, qatt indenjajt ruħi u nqis ftit liema tip ta’ diskors qed joħroġ minn fommi? U anki liema diskors subgħajja qed jittajpjaw fuq it-tastiera tal-komputer biex nippowstja fuq il-Facebook? Wara xi ġurnata xogħol? Jew inkella bis-serqa, meta nkun għax-xogħol, bl-ismartphone?

Ta’ kull kelma fiergħa (Mt 12:36) li ngħid irrid nagħti kont tagħha! U mhux biss f’jum il-ħaqq tafux imma, u kif jgħidilna Ġesù stess fil-vanġelu skont San Ġwann, il-ġudizzju ta’ din id-dinja qiegħed isir issa (Ġw 12:31). Jiġifieri kull kelma żejda li qed ngħid qed tkissirni, tmarradni u theżżizni ISSA. L-istess bħal meta ngħid kelma tajba jew inkella li nagħżel li nigdem ilsieni, jiena inkun qed inbierek, insaħħaħ saħħti u saħħet l-oħrajn ISSA.

Ħbieb, diskorsi ħalli jkun wieħed ta’ ħniena lejn ħaddieħor. Anki lejn min żbalja. Għax, quddiem il-Mulej, kollha kemm aħna ngħidu: Mulej ħniena! U quddiemu kollha ottu qiegħdin! Bil-mod kif nitħaddet fuq ħaddieħor se tkun il-qagħda tiegħi quddiem Missieri tas-Sema f’jum il-ġudizzju. Li, bħalma nafu, jiġi u jaħsadna minn dawk li nħobbu u minn dawk li m’għandniex demm magħhom. U, dakinnhar, int u jien jew se nsibu ruħna ta’ iben u bint quddiem Missierna inkella se nkunu l-ħati u l-ħatja lesti għall-kastiġ li nġibu fuqna stess.

Ejja mela nħalli lill-Missieri tas-Sema ikeċċi minni u minn ħajti l-prinċep ta’ din id-dinja (Ġw 12:31) billi noqgħod attent x’ngħid u x’ma ngħidx fuq l-oħrajn. U hekk, minflok ma naħli l-ħin u nara kif nagħmel kif lil dawk nagħmilhom hekk u lill-oħrajn ma nafx fejn nitfagħhom, ikun aktar jaqbilli jekk naqbad kliem Alla-l-Filosfu u ngħixu sal-anqas qattra: Għax jekk intom taħfru lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, Missierkom li hu fis-smewwiet jaħfer lilkom ukoll. Imma jekk intom ma taħfrux lill-bnedmin il-ħtijiet tagħhom, anqas Missierkom ma jaħfer lilkom il-ħtijiet tagħkom (Mt 6 :14-15). Min fostkom hu bla dnub jitfgħalha hu l-ewwel ġebla (Ġw 8:7).

Jekk ma niftax ġebel nintrefa’ il fuq! Imma jekk nitfa’ il-ġebel dawk l-istess ġebel li nkun tfajt fl-aħħar jordmuni f’borġ ġebel! Mela l-għażla aħħarija hi … f’idejja! X’qed nagħmel lil ħaddieħor dak li se jiġi u, iva, qed jiġi minn issa, magħmul lili!

Patri Mario Attard OFM Cap