Ħallewh imut bil-ġuħ fl-isptar stess


Il-Papa Franġisku u s-Santa Sede esprimew dieqa għall-mewt ta’ Vincent Lambert, pazjent Franċiż li kien ilu f’koma veġetattiva għal dawn l-aħħar għaxar snin. Ir-raġel ta’ 42 sena inqabad f’battalja legali ħarxa bejn membri tal-familja tiegħu dwar jekk għandux jitneħħielu l-ikel u l-kura li kienu qed iżommuh ħaj wara inċident bil-mutur fl-2008. Nhar it-2 ta’ Lulju wara deċiżjoni tal-qorti t-tobba tfew il-magni u Lambert miet ftit jiem wara.

CaptureIl-Papa fi tweet kiteb “Jalla l-Missier jilqa’ fi ħdanu lil Vincent Lambert. Ejjew ma nibnux ċiviltà li twarrab lill-persuni li l-ħajjiet tagħhom ma nqisux li huma ta’ valur: kull ħajja għandha valur, dejjem.”

Is-Santa Sede fakkret u saħqet li Alla biss huwa sid il-ħajja mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha u huwa dmir tagħna li nħarsuha dejjem u ma naqgħux għall-kultura tal-iskart.

Il-Papa Franġisku għamel bosta appelli fosthom fi tweet meta qal: Nitolbu għall-morda li huma abbandunati u mħollija jmutu. Soċjetà hija umana jekk tħares il-ħajja, mill-bidu sat-tmiem naturali tagħha mingħajr ma tagħżel min ħaqqu jgħixu u min le. It-tobba għandhom jaqdu l-ħajja mhux ineħħuha.

Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija