L-Isqof Awżiljarju jiltaqa’ mal-missjunarji Maltin mxerrda mad-dinja

Print Friendly, PDF & Email

It-Tnejn, 29 ta’ Lulju 2019: L-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi ltaqa’ ma’ missjunarji Maltin mifruxa mad-dinja u li bħalissa jinsabu Malta għal vaganza. Għal-laqgħa li saret f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta, attendew saċerdoti djoċesani, reliġjużi rġiel u nisa, kif ukoll lajċi li jaħdmu fil-Pakistan, il-Brażil, il-Filippini, l-Amerika ta’ Fuq, l-Awstralja, il-Kenja, il-Georgia u l-Perù. Fost il-missjunarji lajċi hemm familja ta’ disa’ persuni li ilhom fil-missjoni fl-Olanda għal dawn l-aħħar 25 sena. Preżenti għal-laqgħa kien hemm ukoll id-Direttur ta’ MISSIO, Mons. Valent Borg.

Il-missjunarji qassmu l-esperjenzi tagħhom dwar l-isfidi li jiltaqgħu magħhom fil-pajjiżi tat-tielet dinja fosthom il-faqar u n-nuqqas ta’ opportunitajiet ta’ edukazzjoni, u faċilitajiet sanitarji u mediċi. Min-naħa l-oħra semmew ukoll kif f’artijiet żviluppati jiltaqgħu mal-faqar tas-solitudni u l-bżonn li tingħata aktar attenzjoni lill-ħtiġijiet tal-familja.

L-Isqof Galea-Curmi rringrazzja lill-missjunarji Maltin tax-xogħol li qed jagħmlu f’isem il-Knisja Kattolika għaliex permezz tal-kontribut tagħhom joħroġ il-ġid li jsir mill-Knisja fil-ħajja tan-nies u li ħafna drabi jibqa’ moħbi u ħadd ma jsir jaf bih. Żied jgħid kif ħidmiethom turi li l-Knisja hi universali għaliex iwasslu l-Bxara t-Tajba mad-dinja kollha, ħidma li tagħmel ġieħ lill-Knisja f’Malta.

Il-laqgħa kienet organizzata mill-Kummissjoni Emigranti flimkien mal-Uffiċċju Missjunarju. Il-laqgħa mas-saċerdoti, reliġjużi u lajċi Maltin ilha ssir għal aktar minn 50 sena b’apprezzament għall-ħidma li jwettqu fl-artijiet tal-missjoni barra minn Malta.

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Leave a Reply

%d bloggers like this: