Lectio Divina tat-18-il Ħadd. Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 12, 13-21): Għall-grazzja t’Alla, għadna nsibu familji magħquda, l-aktar fejn il-ġenituri għadhom ħajjin u jservu ta’ punt ta’ riferiment għall-ulied. Meta jonqsu l-ġenituri aktarx li jibda l-inkwiet, l-aktar imħabba l-wirt.  Dan jiġri wkoll fost l-Insara meta jħallu l-egoiżmu jħassrilhom kull sentiment qaddis, e.g. lejn ħuhom li jkun fil-bżonn aktar minn ħutu.  Xi wħud jispiċċaw ma jkellmux lil xulxin.  Dil-ħaġa kienet tiġri anki fi żmien Ġesu’, li ried ibiddel din il-mentalita’.

  1. “Mgħallem, għid lil ħija jaqsam miegħi il-wirt.”  It-Torah kienet tgħid li t-tifel il-kbir kellu dritt jiret żewġ terzi tal-ġid biex jieħu ħsieb ommu, jekk tkun għada ħajja, u ħutu bniet.  Mid-dehra, it-tifel iż-żgħir tas-silta tal-lum, ma kienx kuntent b’terz, kif ħafna llum ma jaċċettawx dak li jmisshom bil-liġi, imma jippillaw għal aktar.  Ir-raġun u s-sens komun mhux dejjem jirnexxi ma’ nies bħal dawn.  Wieħed irid jasal għall-għeruq tal-problema, kif se naraw lil Ġesu’ jagħmel. Għall-ewwel xejn ma deher kumplementuż ma’ min talbu jidħol għalih.  B’dan ried juri li ma riedx ikollu x’jaqsam fi ħwejjeġ ta’ firda, għax Hu ġie fid-dinja biex jintroduċi elementi ta’ għaqda u kriterji ta’ ġustizzja ferm differenti mir-raġunar tal-bnedmin. “Ħabib…” Ġesu’ ma jsejjaħlux b’ismu, għax qed jindirizza lil kull wieħed minna li jimxi fuq dawn il-kriterji żbaljati ta’ ġustizzja.  Dawn iwasslu għall-geddum, ġlied u firda. ‘Diavolo’ ġejja mill-kelma diaballein li tfisser tifred.  Ġesu’ llum qed jgħidilna li ġie fostna biex jeħlisna minn dil-firda li jiżra’ fina l-qarrieq, u jfejjaqna minn dil-marda.  Din tibda meta ma naċċettawx li l-ġid kollu tad-dinja mhux tagħna, imma misluf lilna minn Alla.  Hija ideja pagana li wieħed jagħmel tiegħu il-ġid li jakkwista u li jaqla’ bix-xogħol, u jagħżel hu x’jagħmel bih f’ħajtu u wara mewtu.  Dil-ġustizzja hija gidba għan-Nisrani, għax kollox hu t’Alla, u l-bnedmin jirtu dak li Alla pprepara għal uliedu kollha.  Dan jinkludi l-ġid spiritwali, l-intelliġenza, l-ħiliet u t-talenti.  Dan il-wirt jingħatalna mhux biex nikkapparraw kemm nifilħu minnu, imma biex nisservew kemm għandna bżonn aħna, u l-bqija nservuh lil min l-aktar għandu bżonn.
  2. “Iftħu għajnejkom (i.e. oqogħdu għassa dejjem) minn kull regħba.”  Din perikuluża. Biżżejjed ngħidu li 70% tan-nies tad-dinja għandhom 3% tal-ġid. B’hekk l-andament tal-ħajja jmur żmerċ.  Dir-regħba tirvina ħajjitna għax tneżżagħna mill-umanita’ tagħna.  Din, li dejjem irridu nakkumulaw il-ġid, titwieled mill-biża’ tal-mewt.  Nirbħu dil-biża’ bil-kliem ta’ Ġesu’: “Min isalva ħajtu jitlifha.  Min jagħti ħajtu bħala rigal lill-oħrajn, isalvaha għax jibdilha f’imħabba – dik il-virtu’ nobbli u Divina.  L-anqas qatra waħda minn din l-imħabba ma tintilef fix-xejn.  Min iħalli l-biża’ jirkbu, jpoġġi l-ewwel l-assikurazzjoni fuq il-ħajja, il-penzjoni, id-dieta, l-aqwa tabib f’każ ta’ mard, eċċ.  B’hekk mingħalih se jikkontrolla ħajtu u l-futur.  Ġesu’ m’għandu xejn kontra l-ġid materjali għax dan ħalqu Alla.  Li jrid jgħidilna llum hu li, biex il-bniedem jibqa’ uman awtentiku, jrid jiddistakka ruħu minn did-dinja u jżomm dejjem preżenti quddiemu l-għan aħħari tiegħu, li jmur lil hinn minn dil-ħajja materjali. “Ma ġibna xejn magħna f’did-dinja, u ma se nieħdu xejn meta nitilqu” (1 Tim. 6).  L-attakkament għall-flus hu l-għerq ta’ kull ħażen.
  3. Ġesu’ jkompli b’verita’ fundamentali: ħajjet il-bniedem ma tiddependix fuq il-ġid, għandu kemm għandu. Ħasra li ħafna huma dawk, anki Nsara, li jqisu l-valur ta’ bniedem fuq kemm hu sinjur. “Geddist ġid, skjavi, nisa u konkubini…. Bdejt nistmerr il-ħajja” (Koħ. 2: 1, 19).  Koħelet iwissi kontra l-frugħa tad-dinja.  Ġesu’ jkompli fuq hekk b’parabbola: “Inħott l-imħażen, u nibni oħrajn akbar.”  Il-ħsad mar tajjeb, sinjal tal-barka t’Alla.  Missu kien ferħan se jtir.  Minn flok beda jinkwieta u jsaqsi bħal ħafna sinjuri: “Issa x’se nagħmel?” Minn flok ferħ, il-ġid iġib ansjeta’, dwejjaq, u preokkupazzjoni.  Igerger kif jagħmel il-fqir: “Issa x’se nagħmel?” Kellu żewġ għażliet: (i) iqassam miż-żejjed li kellu lil min kien fil-bżonn; għax, meta x-xorti tidħaqlek, ifisser li dak il-ġid żejjed hu destinat għal min m’għandu xejn; (ii) iħott l-imħażen u jibni oħrajn akbar, li ma tmurx tintiliflu xi qamħa.  Dan għażel it-tieni, u kompla jgħid lilu nnifsu: “Ruħ tiegħi (dar-raġel juża’ l-kliem “għandi, tiegħi, lili” 14-il darba) għandek ħażna kbira.; ixxala…” Ma jidhirx li kellu l-ħsieb jagħmel xi ħaġa mhux xierqa.  Kulma ried hu li jgħix fil-kwiet.  Dan hu r-riżultat ta’ bniedem maħkum mir-regħba.  Żgur kellu familja, ġirien u ħbieb.  Dan ma jissemmewx, għax ir-regħba tnessihomlok, u moħħok ikun biss fil-ġid.  Aktarx tbiegħdek ukoll minn Alla.
  4. “Dal-lejl stess se jerġgħu jiġuk għal ruħek.”  Forsi hawn min jgħid: “Seta’ Alla ħallieh igawdi ftit dan il-ġid!”  Fil-fatt, mhux Alla bagħtlu l-mewt, imma miet hu bl-istress, tħassib u nkwiet fuq il-ġid li ma ħalliehx jorqod bil-lejl.  Il-messaġġ għal-lum hu l-ġudizzju t’Alla: ma bagħtux l-Infern għax ma kienx raġel ħażin.  Li qallu hu: “Iblah, għax ma qadtx tirrifletti biex bil-ġid tibni xi ħaġa li tibqa’.  Issa se titlaq minn hawn b’idek f’idek, u ma tafx x’ser isir minn ġidek.  Ma fhimtx xi jfisser li tgħix ta’ uman u x’ jagħti sens lil ħajtek.  Miġnun għax (i) ma żammejtx quddiem għajnejk li xi darba trid tmut, ma għextx ħajtek dedikata għall-oħrajn, allura akkumulajt kemm flaħt.  Ma qistx li dal-ġid jista’ jiħżien jew jiġi misruq, u rbatt qalbek miegħu: ‘Bħal dell jgħaddi l-bniedem, għalxejn joqgħod jitħabat, jaħżen il-ġid bla ma jaf min għad jiġbru’ (Salm 19). Ma kontx  għaqli għax ħallejt il-ġid inessik il-mewt; (ii) akkumulajt għalik innifsek.  B’hekk ma stajtx tistagħna quddiem Alla, anzi qtajt lil Alla barra minn ħajtek u poġġejt floku l-idolu tar-regħba: ‘Fittxu għalikom infuskom boroż li ma jitmermrux, teżor li ma jiġix nieqes fis-sema, fejn la l-ħalliel u l-anqas il-kamla ma tersaq.  Għax fejn hemm it-teżori tagħkom, hemm tinsab qalbkom ukoll.’ (Lq 12. 33-34).”
  5. Mhux is-sinjuri biss jistgħu jinħakmu mir-regħba, imma anki l-fqar.  Meta niġu biex nitilqu minn hawn, nistgħu nieħdu magħna, mhux il-ġid, imma l-opri tajba ta’ mħabba li nkunu għamilna.

Sors: lachiesa.it/liturgia/omelie/padrefrenando armellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading