Miet il-Kardinal Ortega


Il-Kardinal ta’ Kuba Jaime Lucas Ortega y Alamino, li kien Arċisqof ta’ Havana miet fi tmiem il-ġimgħa fl-għomor ta’ 82 sena. Il-Kardinal Ortega twieled fl-1936 u ġie ordnat saċerdot fl-1964 għad-Djoċesi ta’ Matanzas. Huwa kien maħtur Arċisqof ta’ Kuba fl-1981 u San Ġwanni Pawlu II għamlu kardinal fl-1994. Wara li mexxa d-djoċesi għal kważi 35 sena, huwa rtira fl-2016.

ortega
Kardinal Ortega

Huwa kien ħadem qatigħu u nnegozja biex ikun hemm l-ewwel żjara tal-Papa f’Kuba u dik iż-żjara ta’ Ġwanni Pawlu II kienet waħda storika. Il-Papa Benedittu mbagħad żar Kuba fl-2012 u l-Papa Franġisku fl-2015 u sena wara għamel waqfa qasir fil-pajjiż.

Il-Kardinal Ortega jibqa’ mfakkar ukoll għall-isforzi tiegħu biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn knisja u stat fil-pajjiż komunista u kien medjatur biex jitjiebu r-relazzjonijiet bejn Kuba u l-Istati Uniti.

Mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija