L-effetti tad-deċiżjoni tal-gvern tal-Eritreja biex jingħalqu l-faċilitajiet kollha tas-saħħa mmexxijin mill-kattoliċi se tħalli effett ħażin fuq eluf ta’ nies fil-bżonn.
Sorsi lokali qrib il-fondazzjoni pontifiċja “Għajnuna lill-Knisja fil-Bżonn” (ACN) qalu li s-sitwazzjoni hi ddisprata, l-aktar għal min jgħix fiż-żoni rurali.
L-għaqda pontifiċja qalet li f’dawn l-aħħar ġimgħat ingħalqu 22 ċentru tas-saħħa mmexxijin minn konkgregazzjonijiet jew mid-djoċesijiet kattoliċi. Skont l-ACN dawn iċ-ċentri kienu jaqdu lin-nies ta’ kull twemmin f’pajjiż fejn 5% biss huma kattoliċi.
Issa qed tiżdied il-biża’ dwar id-destin ta’ 50 skola u aktar minn 100 kindergarten immexxijin mill-Knisja Kattolika fl-Eritreja.
Is-sena li għaddiet kien ingħalaq ukoll l-uniku seminarju tal-pajjiż.
Minbarra dan kollu, il-gvern ordna li l-istudenti kollha, anki dawk li jmorru fi skejjel kattoliċi, jridu jilbsu uniformi militari fl-aħħar sena tal-istudju inkella ma jingħatawx id-diploma.
Is-sorijiet li kienu jaħdmu fiċ-ċentri tas-saħħa ma jistgħux imorru jaħdmu fi sptarijiet oħra.
L-erba’ isqfijiet kattoliċi tal-pajjiż dan l-aħħar ħarġu ittra li biha kkundannaw l-għeluq taċ-ċentri tas-saħħa u stqarrew li t-teħid tal-propjetà tal-Knisja hu ksur tad-drittijiet reliġjużi tagħha.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija