Minn Klaus Hemmerle, Con l’anima in ascolto, Guida alla preghiera, (Ruma: Edizzjoni Città Nuova, 1989), 9-11. – Kitba ta’ Fr Roy Galdes,
Santu Wistin jagħtina waħda mill-iktar kelmiet prezzjużi dwar it-talb: “Il-widna ta’ Alla tisma’ l-leħen tal-qalb” (Kumment dwar Salm 148).
Inħallu l-widna ta’ Alla tistrieħ fuq qalbna, niftħu qalbna għall-widna ta’ Alla: dan hu dak li hemm bżonn, din hija l-arti tat-talb, arti, li hija għal kulħadd. Fil-fatt, it-talb mhuwiex xi ħaġa tagħna, imma huwa l-Ispirtu li Alla li jagħtihulna, l-Ispirtu li jitlob fina, għax aħna ma nafux kif għandna nitolbu jew x’għandna nitolbu (ara Rum 8:26).
[…] It-talb jerfa’ l-qalb lejn Alla. Imma aħna kapaċi nagħmluh dan? Ma taħsibx li aħna limitati u żgħar wisq biex qalbna tgħolli lilha nnifisha lejn Alla? Qalbna mhijiex dgħajfa wisq? Ma taħsibx li t-toqol tal-ħajja jagħfas wisq fuq qalbna, jipparalizzaha, u jniżżilha ʼl isfel? X’inhu dak li jagħtina l-kuraġġ li nitolbu u li qalbna ddur lejn il-Mulej?
Taf x’jagħtina l-kuraġġ? Il-widna ta’ Alla. Huwa baxxa widintu u ressaqha lejna. Il-Missier jisma ‘l-Iben. U l-Iben niżel hawn isfel fostna, ħa ġisem bħalna, daħal f’qalbna. U minn ġol-qalb ta’ Ibnu, il-Missier jisma’ kull taħbita ta’ qalbna, fil-qalb ta’ l-Iben hu jsib il-qalb tagħna.
Li nerfgħu u ngħollu qlubna ʼl fuq ifisser li tħalli qalbek fejn hi, u tiskopri li fejn tinsab qalbek, ġo fik, hemm tinsab il-qalb ta’ Alla fil-qalb ta’ Ibnu. Ħalli lilek innifsek f’idejh u hu jżommok u jieħu ħsiebek. Il-widna ta’ Alla tinsab fuq qalbek; u qalbek tinsab fil-widna ta’ Alla.
[…] U ara kif anke l-oppost huwa veru ukoll: Alla għandu qalbu ma’ widintek. Huwa uriena u tana mhux xi ħaġa minn tiegħu, imma lilu nnifsu. Jekk temmen fih, jekk inti magħqud miegħu, jekk inti ggranfat miegħu, allura inti ma tismax lil Alla jagħtik liġijiet u kmandamenti, imma tisma ‘qalbu. Ibqa’ qrib tiegħu kemm tista’ ħalli tiskopri din il-qalb li tħabbat għalik. Hu għandu bżonn li inti tisimgħu bis-sabar kollu, ħalli inti wkoll tiftaħ qalbek. Fil-fatt, bil-paċenzja biss inti tista’ tifhem l-imħabba u titgħallem l-imħabba. Hu juri lilu nnifsu lil kull min iħobbu, u Hu jiġi joqgħod f’dik il-persuna (ara Ġw 14: 21-23).
[…] Alla għandu qalbek ġo widintu, sabiex permezz ta’ widnejk, qalbu tippenetra ġo qalbek, u hekk qalbu tista’ ssir qalbek.
Il-widna ta ’Alla fuq qalbek – il-qalb t’Alla f’widnejk.
Huwa biss il-bniedem li jitlob li jaf lil Alla.
Huwa biss il-bniedem li jitlob li jaf lill-bniedem.