Is-Sena Djoċesana Marjana toqrob lejn tmiemha

Print Friendly, PDF & Email

Riċensjoni dwar il-ħarġa Nru 190 (Lulju-Settembru) tar-Rivista Madonna Ta’ Pinu li toħroġ mis-Santwarju tagħha f’Għawdex.

Jekk trid album sabiħ u spjegat tal-ġrajjiet prinċipali tas-Sena Marjana ċċelebrata fid-Djoċesi ta’ Għawdex u li se tagħlaq fl-14 ta’ Awwissu, lejlet Santa Marija, ara li takkwista l-ħarġa 190 tar-Rivista Madonna Ta’ Pinu maħruġa mis-Santwarju Nazzjonali tagħha f’Għawdex.

Din l-edizzjoni, b’għadd ta’ rapporti u ritratti bil-kulur, tiddokumenta b’mod veru sabiħ u komprensiv din is-“sena ta’ grazzja”, kif isejħilha r-Rettur Dun Gerard Buhagiar fil-kelmtejn tiegħu.

F’dawn il-paġni nsibu t-testi tal-omeliji prinċipali li għamel l-Isqof ta’ Għawdex Mario Grech fil-Pellegrinaġġi li saru lejn is-Santwarju minn bosta entitajiet, fosthom grupp ta’ uffiċjali u residenti mill-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin, il-Korp tal-Pulizija u l-Forzi Armati ta’ Malta.

rivista 190 final Full-19.jpgFil-5 ta’ Ġunju d-Djoċesi ta’ Għawdex għamlet l-Affidament tagħha lill-Madonna Ta’ Pinu, u l-istess għamlu l-Arċisqof Scicluna u l-Isqfijiet Maltin fit-22 ta’ Ġunju, Festa tas-Sejħa, fejn fdaw in-Nazzjon Malti f’riġlejn Ommna Ta’ Pinu. Dakinhar ukoll, fil-Perù, kien qed jiġi kkonsagrat l-Isqof Għawdxi Mons. Giovanni Cefai mssp, li messaġġ tiegħu qed jidher f’din il-ħarġa. Dawn il-ġrajjiet storiċi huma ddokumentati b’ritratti u tagħrif flimkien mal-omeliji rispettivi.

Naqraw ukoll dwar pjaneta u stola ġdida, kartolina kommemorattiva b’timbru postali, kif ukoll midalja unika ta’ tifkira, kollha fl-okkażjoni tar-raba’ ċentinarju tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu.

Din il-ħarġa speċjali tagħti wkoll ħarsa lejn it-tliet ċelebrazzjonijiet li bihom se tagħlaq is-Sena Marjana f’Għawdex: il-Velja tal-Għid tal-Assunta, il-Kunċert Il Mondo Canta Maria, u l-premiere tal-verżjoni bil-Malti tal-innu magħruf antik Marjan Akathistos.

rivista 190 final Full-47.jpgFost artikli ta’ natura Marjana u aħbarijiet oħra mis-Santwarju, ritratt li jiġbed l-għajn hu dak tal-infjorata li ttellgħet fuq iz-Zuntier tas-Santwarju f’Ġunju li għadda, bi tliet kwadri maħduma fil-ward, il-melħ u l-ġibs u li rrappreżentaw temi Marjani.

Kull korrispondenza għandha tintbagħat lill-Editur, Ċentru Kulturali Marjan, Ta’ Pinu, l-Għarb GRB 1704, tel: 21556187, email: tapinupublications@tapinu.org. Abbonament għal sena jiswa €8.

%d bloggers like this: