Il-Papa Franġisku lbieraħ temm iż-żjara appostolika tiegħu fil-Madagascar. Is-Sibt huwa ltaqa’ mal-awtoritajiet ċivili tal-pajjiż, żar il-Monasteru tal-Karmelitani Skalzi u ltaqa’ wkoll mal-Isqfijiet tal-Madagascar. F’dan il-pajjiż hemm 21 djoċesi u 5 arċidjoċesi u l-isqfijiet kollha kienu fil-Katidral ta’ Antananarivo biex jisimgħu dak li kellu jgħidilhom il-Papa Franġisku.
Huwa kellimhom dwar ir-rwol diffiċli tar-ragħaj u ta’ dak li joħroġ jiżra’ għax hekk għandu jkun Isqof. Huwa ddeskriva l-Madagascar bħala art ta’ kontradizzjonijiet u għalhekk l-isqof irid jiżra’ ż-żerriegħa tat-tama u jippromwovi l-persuna umana. L-evanġelizzazzjoni timplika u titlob il-promozzjoni integrali ta’ kull persuna umana għalhekk ir-ragħaj skont il-qalb ta’ Alla jrid jipprietka l-Vanġelu lill-foqra, lill-emarġinai u lil dawk l-aktar vulnerabbli. Il-Papa tkellem ukoll dwar id-dixxerniment tal-vokazzjonijiet u t-taħriġ tal-lajċi filwaqt li l-isqfijiet jaqsmu l-esperjenzi tagħhom flimkien u jsibu dejjem mezz kif jikkooperaw.
Fi tmiem il-messaġġ tiegħu l-Papa nnota kif żewġ nisa jħarsu l-katidral li kienu fih: il-Beata Victoire Rasoamanarivo li ħadmet ħafna biex ixxerred il-fidi fi żminijiet diffiċli u l-Imqaddsa Marija li b’dirgħajha miftuħa tilqa’ lil kulħadd. Il-Papa ħeġġeġ lill-Isqfijiet biex jitolbu lil dawn iż-żewġ nisa jgħallmuhom il-kompassjoni materna li n-nisa, bħal Alla nnifsu, jħossu għal dawk minsija u biex jiżirgħu dejjem iż-żerriegħa tat-tama.
Waranofsinhar il-Papa żar il-qabar tal-Beata Victoire Rasoamanarivo qabel ma temm il-jum b’laqgħa maż-żgħażagħ.
Rapport mill-Kamra tal-Aħbarijiet ta’ Radju Marija