800 sena mil-laqgħa ta’ San Franġisk mas-Sultan Al-Malik


IT-800 SENA MIL-LAQGĦA TA’ SAN FRANĠISK T’ASSISI MAS-SULTAN AL-MALIK-AL-KAMIL FL-EĠITTU – 1219 – SETTEMBRU – 2019

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar OFMCap

Dan huwa ċentinarju li jolqot l-aktar lilna l-Franġiskani għalkemm fih messaġġ għall-Knisja kollha, għal kull wieħed u waħda minna. Kif jgħidilna Tomaso minn Celano (I Cel XX, 57) fl-Ewwel Ħajja  li jagħtina dwar San Franġisk, kien proprju fit-13-il-sena mill-konverżjoni tiegħu li l-qaddis t’Assisi wettaq dan il-ġest ta’ mħabba universali mibni fuq id-djalogu ma’ min għandu twemmin differenti bil-għan li jkun tassew strument ta’ paċi. Dan seħħ eżattament meta il-Fqajjar t’Assisi mar fil-kamp tal-Kruċjati f’Damietta, l-Eġittu, u ltaqa’ wkoll mas-Sultan al-Malik-al-Kamil f’Awissu-Settembru tas-sena 1219. Nafu li ma’ San Franġisk kien hemm Fra Illuminato kif jgħidilna San Bonaventura fil-Legenda Maior, IX,8.

al-malik

TLETT VJAĠĠI LEJN ARTIJIET MUSULMANI

Tajjeb li nkunu nafu li San Franġisk, fi żmien qabel il-vjaġġ taż-żjara lis-Sultan, ipprova darbtejn imur missjunarju f’art il-bogħod fost il-Musulmani. L-ewwel vjaġġ kien fis-sena   1211, lejn is-Sirja. Huwa telaq mill-port ta’ Ancona. Iżda waqt il-vjaġġ inqalgħet tempesta kbira u tefgħet il-vapur li kien fuqu fil-kosta tad-Dalmazja, fir-Reġjun tal-Kroazja. Hu kellu jitlaq lura lejn Assisi.

Fit-tieni vjaġġ ried imur fil-Marokk fis-sena 1212-1213 biex jippriedka l-Evanġelju ta’ Kristu. San Bonaventura fil-Legenda Maior Sancti Francisci kiteb li San Franġisk,  “Wara sitt snin mill-konverżjoni tiegħu, mimli bix-xewqa tal-martirju, iddeċieda li jmur lejn is-Sirja biex jippriedka il-fidi kristjana u l-penitenza lis-Saraċini u lill-infidili.”  Imma meta wasal fi Spanja: “inħakem minn marda serja għall-aħħar u dak li hu xtaq l-aktar b’qalbu kollha l-frott tal-martirju, il-ħerqa li jmut għal Kristu u x-xewqa ta’ qalbu raha ittir mar-riħ. Kellu tama qawwija li b’dan il-mod jikseb il-palma li tant kien imxennaq għaliha. Kien misjuq għal dan minn ħeġġa tassew qawwija. Iżda Alla, li kellu merfugħa għalih ħidmiet oħra, iddispona mod ieħor”. (Bonav., LM.9,5).

It-tielet vjaġġ kien lejn l-Eġittu sar fis-sena 1219, f’Akri fejn kien jgħix Frate Elija. Din il-mawra tiegħu fl-Eġittu kellha għanijiet oħra minn dak tal-martirju. Il-kronisti ta’ żmienu jaqblu li Franġisku, wara l-konverżjoni tiegħu, ma kienx favur il-gwerer kontra s-Saraċini. Huwa kien bniedem tal-paċi. Fir-Regola, kapitlu XII(12), wera’ ċar kif kien jaħsibha u kiteb kif il-patrijiet għandhom iġibu ruħhom mas-Saraċini u l-Infidili kollha. L-ewwelnett kiteb li mhux kulħadd jista’ jmur fost is-Saraċini iżda dawk l-aħwa li jkunu “mnebbħin minn Alla u l-ministri m’għandhomx jagħtu l-permess li jmorru, ħlief lil dawk li huma jidhrilhom li jixirqilhom jinbagħtu“.  Mela ried li l-Patrijiet ma jmorrux hemm bl-armi u l-vjolenza jew biex imutu martri iżda bil-ktieb tal-Evanġelju biex jippridkaw lil Kristu u jsalvaw l-erwieħ.

Ħafna studjużi jgħidu li San Franġisk, wara l-konverżjoni tiegħu, kien biddel il-fehmiet kavallerski ta’ żgħożitu u sar kontra l-Kruċjati mitlubin b’ħerqa u b’ħeġġa kbira mill-Awtorita’ tal-Knisja bl-għajnuna tal-awtoritajiet ċivili. Hu ma kienx jaqbel ma’ l-użu tal-armi u l-vjolenza għar-rebħa lura tal-Art Imqaddsa. San Franġisk kien bniedem mimli bl-ispirtu ta’ Alla, bniedem tal-paċi u tad-djalogu. Kien fundatur ta’ Ordni li jiġbor fih lil kulħadd bħala ‘Aħwa’, il-Fraterrnita’ Franġiskana.

Dan it-Tmien Ċentinarju jkompli juri l-kobor tal-qdusija tas-Serafiku Missierna San Franġisk t’Assisi. Fuq kollox lilna wkoll jagħtina diversi messaġġi u tagħlim speċjalment dwar l-imġieba tagħna ma’ dawk li m’għandhomx l-istess twemmin tagħna. San Franġisk jgħallimna:

  • Li hu kien tassew bniedem li jfittex il-paċi bl-imħabba u mhux bl-armi u vjolenza. Hekk aħna msejjħin sabiex nimitawh kemm fir-relazzjonijiet ta’ bejnietna kif ukoll ma’ dawk bi twemmin differenti minn tagħna;
  • Fid-bidliet li qegħdin iseħħu anke f’Malta fejn ħafna emigranti u refuġjati qed jaslu f’pajjiżna jfittxu ħajja aħjar, ejjew inkunu minn ta’ quddiemnett li b’sens uman u nisrani nilqgħuhom u ngħinhuhom jintegraw fis-soċjetà tagħna;
  • Inkunu akta Maltin u Għawdxin tolleranti kemm bejnietna (speċjalment quddiem il-firdiet politiċi) kif ukoll mall-barranin li qed jiġi f’pajjiżna;
  • Nitgħallmu ngħixu mall-barranin mhux biss mat-turist li jġib il-flus għall-ekonomija tagħna imma wkoll mal-fqir li jiġi jitlob il-għajnuna;
  • Ineħħu kull preġudizzju kontra l-barranin speċjalment kontra dawk li għax għandhom kulur tal-ġilda differenti jew għax huma Musulmani inħarsu lejhom b’ħafna suspetti. Nitgħallmu ngħixu magħhom speċjalment f’Malta ġdida fejn qed tikber dejjam aktar il-varjetà kemm fil-kulturi kif ukoll fit-twemmin.
  • Kemm għandna għax nitgħallmu minn dan il-ġest nobbli ta’ San Franġisk t’Assisi speċjalment f’dak li qed jiġri anke f’pajjiżna meta aħna msejjħin biex nilqgħu bi mħabba lil ħafna emigranti bi twemmin differenti li jiġu fostna jfittxu ħajja aħjar. Fuq l-eżempju tal-Fqajjar t’Assisi bħala Insara aħna fid-dmir li nilqgħuhom, nħobbuhom, ngħinuhom b’kull mod possibli, nirrispettaw d-dinjità tagħhom bħala bnedmin bħalna u inkunu għalihom xhieda ta’ karità nisranija billi nagħmluhilhom faċli jintegraw fis-soċjetà tagħna.
  • Kemm f’dan il-kuntest għandna għax nammirraw l-isforzi li l-Papa Franġisku qed iwettaq fid-djalogu inter reliġjuż mad-dinja Musulmana. Proprju din is-sena, bejn it-3 u l-5 ta’ Frar, biex jiċċelebra dan it-800 Anniversarju Franġiskan, bħal San Franġisk wettaq iż-żjara storika f’Abu Dhabi, fl-Emirati Għarab Magħquda, fejn iltaqa’ ma’ Ahmad Al-Tayyeb, l-Imam il-Kbir ta’ Al-Azhar (wieħed miċ-ċentri l-iktar awtorevoli tal-Iżlam) u dawn iffirmaw flimkien dikjarazzjoni dwar “il-fratellanza umana għall-paċi u l-konvivenza komuni”.
  • Ma’ dan ukoll nammirraw il-kuraġġ taż-żewġ isqfijiet tagħna, kemm l-Arċisqof ta’ Malta kif ukoll l-Isqof ta’ Għawdex fejn it-tnejn li huma f’Ittra Pastorali tkellmu direttament fuq dan is-suġġett. Nisimgħuhom u nilqgħu b’imħabba l-messaġġ tagħhom.

Inħallu li dan it-8 Ċentinarju tal-Laqgħa ta’ San Franġisk mas-Sultan tal-Eġittu jħalli fina impenn ta’ rieda soda għall-konverżjoni sħiħa fl-attitudni tagħna quddiem il-barranin li qed jiġu f’pajjiżna. Konverżjoni li lkoll neħtieġu b’urġenza.

Il-Mulej jaghtikom is-sliem!