Darba kelli esperjenza li bqajt inġorrha miegħi dwar kelma tassew kerha. Kelma li, għal ħafna minna, jew, biex inkun aktar eżatt, kważi għal kollha kemm aħna, hi kelma tassew misħuta: cancer! Kankru!
Nagħmlu sewwa li din il-kelma ma nsemmuhiex. U, nagħmlu dan, mhux l-għaliex irridu naħarbu minn xi rejaltà. B’qasma ta’ qalb din il-kelma feriet u għadha qed tferi wisq u wisq persuni. Sintendi, minħabba dak li brutalment qed twettaq. Għemil din il-kelma hu tabilħaqq kiefer. Għax ifisser, f’xi każi, mewta ċerta. U dan nista’ ngħidu fuq il-familja tiegħi stess. Oħti Josephine biex mietet? Mhux b’din il-marda? Li, illum, donnha saret komuni daqs l-influwenza?
Filwaqt li nagħmlu sewwa li nagħmlu kampanji sħaħ kontrieha, biex inħarsu lilna nfusna minna kemm jista’ ikun, din il-marda irridu niġġieldulha b’ħafna modi. Fil-ħajja xejn ma jsir għalxejn. U, meta xi ħaġa isseħħ, anki fil-qasam tas-saħħa, sinjal li jkollna nuqqas li rridu nikkoreġuh. Veru! Jeżiżtu tipi ta’ mard li jkun ġenetiku. Għax ikun ġej minn ma nafx kemm-il ġenerazzjoni. U allura, u grazzi lill-Mulej, permezz tal-avvanzi fil-mediċina dan nistgħu nittrattawh.
Biss, irridu inkunu onesti wkoll billi ngħidu li anki l-mediċina, tajba kemm hi tajba, u għamlet kemm għamlet passi ta’ ġgant ‘il quddiem, għadha limitata ħafna, kważi kważi, impotenti, quddiem ħafna mard. Li, u mill-ġdid ngħidu b’qasma ta’ qalb, dejjem għadu jfaqqas fostna. Il-prova ta’ dan hija s-sentenza li t-tabib u t-tabiba jew il-konsulent u l-konsulenta, jgħid u tgħid lill-familjari tal-persuna li tkun ħallietna: Jiddispjaċini. Ma stajniex nagħmlu aktar minnhekk.
L-istess ħsieb hu rifless fin-niket li persuna ġġorr għat-telfa ta’ xi ħadd għażiż għaliha. Għamlulu li setgħu, tgħidlek. Bid-dmugħ f’għajnejha. U jkollha miljun elf raġun. L-għaliex veru jkunu għamlulu li setgħu. Imma, u nerġa’ ngħid l-għaliex dan narah iseħħ quddiem għajnejja kuljum fl-isptar, il-mediċina hi ferm limitata quddiem ċertu mard. Allura aħna x’se nagħmlu quddiem dawn is-sitwazzjonijiet? Se nibqgħu biss mdendla mal-mediċina u daqshekk?
Għall-grazzja tal-Mulej in-numru kbir ta’ persuni li jiffrekwentaw il-kappella ta’ Mater Dei juri biċ-ċar li l-fidi għadha f’qalb il-poplu tagħna. U int taf tgħidli: Hekk sew! Mela, meta kollox ikun sewwa addijo kollox u mbagħad, l-għaliex ifaqqas il-mard, arana sejrin għand Ġesù? Filwaqt li raġunament bħal dan għandu l-verità tiegħu l-Mulej jimxi differenti minna bil-qabda. Ara aħna, forsi li konna floku hekk konna nirraġunaw. Hekk sew! Qatt ma jagħti kasi u issa ġie għandi ħa ngħinu! Jekk għandix!
Imma l-Mulej, l-għaliex għandu u għandu bil-kotra, ma jimxix hekk magħna. Iva! Jinqeda bis-sitwazzjoni tal-mard ħa jidħol għalina. Biex jagħti l-fejqan lill-persuna għażiża tagħna. Biex, aħna, li nħobbu ħafna lil din il-persuna, nibdew nintebħu li għandna bżonn urġenti li nduru lejH. F’dan l-att innifsu naraw kemm il-Mulej JAFDANA! F’soċjetà u f’kultura fejn ir-ritornell tagħha qiegħed dejjem ikun: ma tista’ tafda lil ħadd! il-Mulej, li jafna ħafna aktar milli nafu aħna stess lilna nfusna, JAFDANA! Tant li jilqagħna! Jismagħna! Ifarraġna! Jagħtina l-qawwa! Jagħtina tama! Jimxi magħna! Ifejjaqna!
Dan hu li jagħmel. Għax hu Missierna! U liema missier irid id-deni lil uliedu? Dawk mhux biċċa minnu? Issa, jekk il-missirijiet ta’ din l-art, għalkemm midinbin, iridu ħwejjeġ tajba għal uliedhom, kemm aktar mela l-Mulej irid jagħmel ħafna ġid magħna l-bnedmin? Li aħna wliedu?
Imma, u għal xi raġuni jew oħra, donnu aħna joġgħobna l-ħażin. U, ta’ adoloxxenti ribellużi li aħna, irridu nagħmlu ta’ rasna. Għalxejn jgħidilna u jibgħatilna messaġġiera. Għax xorta li rridu nagħmlu. U, jaħasra, l-ilma ħelu, frisk u ħaj tiegħu nwarrbuh biex nintelqu bla rażan għall-ilma mielaħ tal-ħażen. U x’jiġri? Jiġri li nikkankraw ruħna! Jiġri li neħlu! Jiġri li ma nibqgħux niffunzjonaw aktar.
Għax id-dnub, kif kien jgħid tajjeb il-kittieb Thomas Merton, huwa l-kankru tar-ruħ. Taħsbu li ruħ hi normali meta jitlagħlha għal kull xejn? Meta tgħir u tikkonfoffa ħa tagħmel il-ħsara u tfixkel lil min ma ġġerraħx? Għax, sempliċiment, il-persuna l-oħra jaf ikollha mill-Mulej talenti li l-persuna għajjura għaliha m’għandhiex? Taħsbu li ruħ tkun normali meta moħħha dejjem itektek ħa tara kif ħa takkwista, bis-sewwa u bid-dnewwa? Tant li tingħata għas-serq, kif ġie ġie u bla kontroll ta’ xejn? Taħsbu li ruħ tkun tabilħaqq normali meta tidgħi minn filgħodu sa filgħaxija inkella tinġarr mis-senswalità u l-passjoni tal-ġisem b’tali mod li ssir paljazza tagħhom? F’kelma waħda, taħsbu li ruħ tkun normali meta tiġġustifika l-ħażen tagħha fuq drittijiet li ma jeżiżtux?
Ir-ruħ malajr tintebaħ li tkun żbaljat. Għax, l-ewwel sintomu, ikun il-vojt kbir li tħoss. Liema vojt l-ebda persuna jew ħaġa maħluqa ma tista’ timlieh. Is-sabiħa hi li aktar ma tipprova timla dan il-vojt bil-pjaċiri tad-dinja aktar ir-ruħ tispiċċa tbati tbatija tal-indannati. Jaħasra! Ejja nitgħallmu li aktar ma’ dan il-vojt f’qalbna inħallu l-Mulej jimliehulna bil-preżenza tiegħu anqas se nbatu. U iktar se nużaw ħajjitna sewwa. Għax nieqfu iva mill-marda li naħlu xebgħa ħin għalxejn!
Mela, meta niftakru jew nisimgħu fil-kelma kakru u nirvellaw għaliha, mhux li kien li nirvellaw ukoll mhux biss l-għaliex din il-marda misħuta, li ġejja minn hemm isfel, qed toqtol ħafna nies fil-ġisem imma wkoll l-għaliex meta nidinbu aħna qed nikkankraw lil ruħna. U nġagħlu jbati lil ġisimna ukoll. L-aptit huwa tajjeb. Imma ma nistax inħalli lili nnifsi niġi mmexxi mill-aptit. Għax inkella, barra li nsir daqs kaldarun nispiċċa niftaħ lili nnifsi għal ħafna mard. U dan l-għaliex inkun ħallejt id-dnub tal-gula jaħkmini.
Mulej eħlisna mill-kankru tal-ġisem. Imma, u fuq kollox, eħlisna mill-kankru tar-ruħ. Eħlisna mid-dnub! Amen.
Patri Mario Attard OFM Cap