San Franġisk ta’ Assisi u l-Knisja


INĦOBBUHA – INĦOSSU MAGĦHA U NAĦDMU MAGĦHA.

Kitba ta’ Fr. Philip Cutajar, Franġiskan Kapuċċin

Nitkellem minn San Franġisk b’relazzjoni ma’ waħda mill-kariżmi li kien jippossiedi, jiġifieri dik tal-imħabba tiegħu lejn il-Knisja Kattolika, inġib quddiem għajnejja l-kliem ta’ Ġuljanu ta’ Speyer, meħudin mill-antifona tal-Uffiċċju tal-Liturġija tas-Sigħat li nthennu dak innhar tal-festa tal-qaddis, antifona li tibda bil-kelmiet: “Franciscus vir catholicus et totus apsotolicus (Franġisku kollu kemm hu kattoliku u apostoliku).

Sa minn mindu kont midħla tal-Kapuċċini dawn il-kelmiet kienu laqtgħuni għalkemm mhux minn dejjem fhimt it-tifsira tagħhom. Imma minn dejjem impressjonawni u baqgħu mnaqqxa f’qalbi tant li kemm il-darba ppritkajthom u ktibt dwarhom, bħalma qed nagħmel magħkom illum.

Ħafna drabi taħkimna t-tentazzjoni li nħarsu len San Franġisk mill-aspett glorjuż tiegħu biss. Nitgħaxxqu nħarsu len xi pittura li tippreżentalna l-qaddis fil-glorja tiegħu mdawwar mill-anġli. Nammiraw lil qaddis t’Assisi mdawwar bl-annimali u t-tjur tal-ajru, bil-fjuri ħdejn xi xmara sabiħa. Imma dan mhuwiex Franġisku sħiħ. Nagħmlu tajjeb li niskopru wkoll lil San Franġisk fit-tbatijiet tiegħu, fil-kunflitti li kellu mall-patrijiet ħutu, fil-mard li sofra bit-tuberkulosi u meta tilef id-dawl t’għajnejh. Illum xtaqt inħares lejn il-qaddis, li tiegħu fl-4 ta’ Ottubru nagħmlu l-festa, mill-aspett tal-imħabba kbira u bla ebda kundizzjoni li kellu lejn il-Knisja Kattolika u magħha len il-Papa u l-qassiisn kollha.

“KOLLU KATTOLIKU” – “KOLLU APOSTOLIKU”

F’dan il-kuntest hemm min iħares lejn San Franġisk bħala xi revuluzzjonarju li sfida lill-Knisja u lis-soċjetà ta’ żmiennu billi ħadha qatta bla ħabel kontra l-istrutturi u l-awtorità bil-ġerarkija b’kollox. Saħansitra hemm min iħares lejn il-qaddis tagħna bħala dak li witta’ t-triq għar-riforma protestanta. Imma dan mhuwa minnu xejn. Il-kliem ta’ Speyer jagħtuna xhieda ta’ kemm dawn huma akkużi foloz meta jsejjaħ lil San Franġisk “kollu kattoliku” u “kollu apostoliku”. Kliem li juri kemm tassew il-fqajjar t’Assisi kien fi kliemu u f’għemilu marbut ħaġa waħda mall-Knisja Kattolika u mat-tagħlim tal-Appostli. Kien il-qaddis li ĦABB il-Knisja, kien IĦOSS mall-Knisja speċjalment quddiemm il-weġgħat tagħha li kienu jsirrulha minn dawk ta’ ġewwa u għalhekk ħa d-deċiżjoni li JAĦDEM MALL-KNISJA U FIL-KNISJA għat-tiġdid tagħha.

“KOLLU KATTOLIKU” BIL-FATTI

Provi ċari ta’ kemm tassew San Franġisk kien ħaġa waħda marbut mall-Knisja Kattolika huma: Il-fatt li bil-għan li tkun ikkonfermati l-istil tal-ħajja ġdida tiegħu flimkien mar-regula mar jiġri Ruma għand il-Papa. U quddiem din it-talba l-Papa stess f’ħolma li nistgħu nsejjħulha mirakuluża, jara lil Franġisku jżomm fuq spallejh il-knisja tal-Lateran li kien il-Kattedral ta’ Ruma perezz li l-Vatikan kienu għadu ma mbenhiex. Dan huwa għamlu bil-għan li jkun ċert li huwa miexi fit-triq it-tajba minħabba li fi żmiennu stess kien hemm diversi gruppi oħrajn li taw bidu għall-ħajja ta’ faqar imma li ma kienetx konformi mall-Evanġelju u għalhekk saru eretiċi. U l-Papa tah il-konferma verbali.

Fiż-żewġ reguli li kiteb jinsisti li s-superjuri kollha flimkien mall-aħwa għandhom “iwiegħedu ubbidjenza u qima lejn is-sinjur Papa Innoċenz u lis-suċċessuri tiegħu” (Rnb Prologu; Rb Kap 1) U lill-Predikaturi jordnalhom: “Ħadd mill-aħwa ma għandu jippriedka kontra t-tagħlim u l-liġijiet tal-Knisja Mqaddsa…” (Rnb Kap 17). U wkoll jinsisti li “L-aħwa kollha għandhom ikunu kattoliċi, igħixu u jitkellmu ta’ kattoliċi…” (Rnb Kap 19). Fir-regula li kiteb jinsisti li s-Superjuri meta jdaħħlu xi kandidat ġdid joqgħodu ferm attenti li dan ikollu fedelta u ubbidjenza lejn it-tagħlim tal-Knisja Kattolika (Rb Kap 2).

IĠĠEDED IL-KNISJA MINN ĠEWWA U B’GĦEMILU

Dak li ried jagħmel San Franġisk kien li minn ġewwa, u mhux minbarra, billi joqgħod jikkritika u jikkundanna  lill-Knisja ta’ żmiennu, jġedded lill-istess Knisja. U dan għamlu minn ġewwa billi jibda hu. U dan għandu jkun u jibqa’ wkoll l-impenn tagħna  quddiem id-dnubiet tal-Knisja. Minflok ma noqgħod nikkritika, taparsi nitkaża u nikkundanna nibda jiena…għax jiena parti mill-Knisja.

U DAN HU LI JISTEDINNA GĦALIH L-PAPA FRANĠISKU

Ir-riforma li l-Papa Franġisku flimkien ma’ dawk ta’ qablu, nistgħu ngħidu mill-Konċilju Vatikan II  ‘l hawn, qed jitolbu hija dik ta’ Knisja mġedda u mibnija fiq il-”ħniena” … fuq “l-imħabba”.

Qatt u f’ebda żmien tal-istorja tagħha – speċjalment fi żminijiet kritiċi bħal tagħna – ma tista’ l-Knisja tinsa dik it-talba li hi għajta għall-ħniena ta’ Alla quddiem il-qawwiet kollha tal-ħażen li qed jagħfsu fuq il-bnedmin u jhedduhom.  Aktar mal-kuxjenza tal-bniedem iċċedi quddiem is-sekulariżmu , u titlef it-tifsir sħiħ tal-kelma “ħniena”, u aktar ma twarrab lil Alla u titbiegħed mill-misteru tal-ħniena, aktar għandha il-Knisja titlob ħniena mingħand Alla “b’leħen għoli”.  Dan “il-leħen għoli” għandu jkollha l-Knisja ta’ żmienna, leħen li jitla’ quddiem  Alla jitlob ħniena, dik il-ħniena li l-Knisja tistqarr u xxandar li seħħet fi Kristu msallab u Rxoxt, jiġifieri fil-misteru ta’ l-Għid.

“IL-FUS LI JWIEŻEN IL-ĦAJJA TAL-KNISJA HU L-ĦNIENA”

“Il-fus li jwieżen il-ħajja tal-Knisja hu l-ħniena”, jgħidilna l-Qaddis Papa Ġwann Pawlu II, fid-“Dives in misericordia”.

U l-Papa Franġisku jkompli jisħaq: “L-azzjoni pastorali kollha tal-Knisja għandha tkun imgeżwra fil-ħniena li biha hi ddur fuq dawk li jemmnu; xejn mit-tħabbira u mix-xhieda tagħha quddiem id-dinja m’għandu jkun nieqes mill-ħniena.  Il-kredibbiltà tal-Knisja tgħaddi mit-triq   tal-imħabba ħanina u kollha kompassjoni.  Il-Knisja “tgħix bix-xewqa bla temma li toffri ħniena.  Forsi għal ħafna żmien insejna nuru liema hi u ngħixu t-triq tal-ħniena”.

Hija verità dak li qed jgħidilna l-Papa: kien hemm mumenti fejn il-Knisja, jew aħjar xi nies tal-Knisja serqu u ħbew l-Imfietaħ tal-Ħniena ta’ Alla u irrikorrew għat-tifsira żbaljata tal-“ġustizzja ta’ Alla” billi kienu ħfief biex  jikkundannaw, jiskumunikaw u jitfgħu nies fl-infern. Hawnhekk il-Knisja, fi kliem l-aħħar Papiet, hemm bżonn li titlob maħfra, kif fil-fatt għamlet,  u tgħaddi minn proċess ta’ konverżjoni pastorali.

Għall-Knisja wasal mill-ġdid iż-żmien li xxandar kollha ferħ il-maħfra.  Hu ż-żmien li nerġgħu lura għall-essenzjali biex nagħmlu tagħna d-dgħufijiet u d-diffikultajiet ta’ ħutna.  Il-maħfra għandha l-qawwa li tqajjimna lura għal ħajja ġdida u timliena bil-kuraġġ biex nistgħu nħarsu b’tama lejn il-ġejjieni”, ikompli jistieden il-Papa San Ġwann Pawlu II.

NIXTIEQ NARA KNISJA ….

Bħala Franġiskan, iben bla ma jisħtoqqli ta’ Missierna San Franġisk, jiena wkoll nixtieq nara Knisja mġedda bil-qawwa tal-Ispirtu s-Santu.

  • Nixiteq nara Knisja aktar ħanina u omm… omm mhux biss għax tgħallem imma wisq iżjed għax tippossjedi l-ħniena tal-omm; biex b’hekk tkun qed timxi tassew b’fedeltà fuq il-passi tal-fundatur tagħha, Ġesù Kristu.
  • Nixtieq nara Knisja aktar evanġelika milli legalista.
  • Nixtieq nara Knisja fejn tinkarna u tgħix l-attitudni tas-Samaritan it-tajjeb. U dan tagħmlu billi ‘tkun bħal sptar fuq kamp tal-battalja’ – sptar miftuħ biex jilqa’ lil kull min hu marid spiritwalment.
  • Nixtieq nara mhux Knisja li tidħol f’kontra-pożizzjoni u f’konfront mad-dinja, imma pjuttost fi djalogu mad-dinja.
  • Nixtieq nara Knisja li “toħroġ” u tmur fil-periferiji eżistenzjali tas-soċjetà ta’ żmienna (EG 20).
  • Nixtieq nara Knisja kariżmatika u għalhekk missjunarja.
  • Nixtieq nara Knisja li titbiegħed mill-privileġġi, mill-unuri, mit-titli bla sens li spiċċa żmiennhom u tinżel biex tgħix aktar qalb in-nies u man-nies, speċjalment il-familja, il-morda, l-imwarrbin, il-ħaddiema, it-tfal u ż-żgħażagħ
  • Nixtieq nara Knisja li ma jimpurtax li tkun miġruħa, feruta u maħmuġa għax toħroġ fit-toroq. L-importanti li ma tibqax Knisja marida bl-għeluq ta’ strutturi li jagħtuna protezzjoni falza, fin-normi li jibdluna fi mħallfin bla ħniena u fil-kumdità taċ-ċertezzi li magħhom ta’ spiss ninqabdu aħna ggranfati (EG 49).
  • Nixtieq nara Knisja fejn, speċjalment aħna bħala operaturi pastorali, ma niddejqux li jkollna “ir-riħa tan-ngħaġ” – anke jekk din hija riħa li tinten.

Il-Mulej jagħtikom is-sliem!