Lectio Divina tat-28 Ħadd. Sena “Ċ”

Vanġelu (Lq 17, 11-19): Dak iż-żmien, il-lebbra  kienet meqjusa bħala kastig tad-dnub.  Ma kien hemm l-ebda  fejqan għaliha – Alla biss seta’ jfejjaqha wara li dawk li kellhom dil-marda kienu jistqarru dnubiethom.  Il-lebbrużi kienu rrifjutati minn kulħadd.  Bil-liġi ta’ Mose’ kellhom jilbsu lbies imqatta’ u jgħixu ‘l bogħod mill-irħula u l-bliet.  Jekk xi ħadd kien jersaq lejhom, kienu obbligati li jaqbu jgħajtu u jwissu lil dak li jkun biex ma jersaqx iżjed.  Xi wħud kien ikollhom ukoll bastun li mat-tarf tiegħu kienu jorbti xi ġlieġel biex jiġbdu l-attenzjoni.  Il-kelma ‘lebbruż’ ġejja minn kelma li tfisser ‘milqut.’  

Wieħed lebbruż kien jitlef is-sensibilita’, i.e. jibda jitlef is-sens ta’ x’inhu jaħraq  u kiesaħ, u ma jindunax meta p.e. jaqta’ idu b’xi xafra, jew jagħmel xi ħsara oħra lilu nnifsu.  Dil-kundizzjoni hi mqabbla ma’ dik ta’ bniedem li jitlef is-sensibilita’ morali, u jinfexx fi vjolenza, egoiżmu, eċċ. Ma jindunax xi ħsara jkun jagħmel lilu nnifsu.  Bħal lebbruż, jibda jikrieh u jsir ta’ min jistkerrhu u jaħarbu, u b’hekk jiġi emarġinat.   “Gwaj għal min isejjaħ tajjeb dak li hu ħażin, dawl dak li hu dlam” (Isaija).

  1. Kif Ġesu’ se jfejjaq il-lebbrużi, hekk ukoll jixtieq ifejjaq nies morda b’xi lebbra oħra, e.g. dik tad-dnub.  In fatti kien dieħel f’raħal li kien simbolu tad-drawwiet antiki tal-Lhud.  Ġesu’ kellu jitħabat biex ibiddel dil-mentalita’ ta’ tradizzjoni u biex ir-raħħala jibdew jaħsbuha kif xtaq hu.  In-numru għaxra jfisser totalita’.  B’dan Luqa ried ifisser  li kulħadd f’dak ir-raħal kellu l-“lebbra” u ried juri x’jiġri meta jiltaqgħu ma’ Ġesu’. Jekk inħarsu lejn is-soċjeta’ tal-lum, ma nsibux ħafna mċappsa bil-vjolenza, korruzzjoni u regħba?  Dawn ukoll jiħtiġilhom li jmorru jiltaqgħu ma’ Ġesu’.
  2. “Ikollok ħniena minna; aħna minsijin minn kulħadd, anki minn Alla.  Int tista’ tagħmel xi ħaġa għalina?”  “Iva. Morru uru rwieħkom lill-qassisin, biex jiċċertifikaw li fiqtu, u tkunu tistgħu tirritornaw fis-soċjeta’”.  Fost l-għaxra kien hemm Lhud u Samaritani, li s-soltu jkunu mifrudin.  Dil-marda għaqqdithom ħaġa waħda.  Tbiegħdu mir-‘raħal’ u l-mentalita’ antika tiegħu, bdew il-mixja tagħhom isegwu u jobdu kliem Ġesu’,  u fiequ.  Biex il-lebbrużi tal-lum ifiequ, iridu jagħmlu l-istess. 
  3. “Wieħed minnhom reġa’ lura jgħajjat u jfaħħar ‘l Alla.”  Hawn għandna  żewġ  aspetti:  (1) Ringrazzjament lil Alla ta’ dak kollu li tana – ħajja, mħabba, ikel, saqaf, mediċini, eċċ, imma l-iktar il-FIDI.  Il-kelma Ewkaristija tfisser Grazzi.  L-aqwa u l-aħjar mod biex ngħidulu ‘Grazzi’ hu bil-Quddiesa.     (2) Il-Fidi:  Ġesu’ xtaq li d-disgħa  l-oħra jiġu lura mhux għalih imma għalihom – mhux daqstant biex jgħidulu “Grazzi” imma aktar u aktar biex itihom il-fidi, li kienet aktar prezzjuża mill-fejqan tal-ġisem.  Ġesu’ m’għandu bżonn xejn u ħadd.  Kulma nagħmlu aħna għalina.  Kulma jixtieqna li nagħmlu hu għall-ġid tagħna. Talbuh jgħajtu (ara fuq):  “Ikollok ħniena minna?”  Dan hu eku ta’ Mose’ meta fuq il-muntanja talab lil Alla jħenn għall-poplu tiegħu ilsir.  U Alla jitqanqal bil-Ħniena:  “Tħassart il-poplu tiegħi fl-Eġittu.”
  4. Mela Ġesu’ ma qallhomx:  “Kunu mfejqa,” imma, “Morru uru ruħkom lill-qassisin, i.e. agħmlu kif tgħid il-liġi, ħa jtukom ċertifikat li fiqtu.”  Min jobdi l-kliem ta’ Ġesu’, iseħħu fih għeġubijiet kbar.  Imma  aktarx li  d-disgħa ħasbu li fiequ mhux għax għamlu hekk, imma għax obdew il-liġi.  Kieku aħna x’konna nagħmlu?  Mhux niġru għand il-qassisin; imbagħad, kif ikollna ċ-ċertifikat,  niġru d-dar infittxu nagħtu l-aħbar lil tal-familja u l-ħbieb?  Imma s-Samaritan qabel m’għamel dan, ħaseb fuq il-ħaġa l-aktar essenzjali.  Għaraf li, la fieq meta kien għadu fit-triq, kien  permezz ta’ Ġesu’ mhux għax obda l-liġi ta’ Mose’.  “Mur, qum, il-fidi tiegħek salvatek.”  Reġa’ lura mhux biss biex jirringrazzjah iżda biex jirċievi minn ghandu l-aqwa ħaġa:  IL-FIDI – fidi matura, fidi li ssalva.  Ħa l-fejqan spiritwali li hi ħafna aqwa mill-fejqan tal-ġisem.  Għaraf li Ġesu’, mela, kien Bin Alla.  Żgur li dan għamel bħal Nagħman (l-ewwel qari), u baqa’ ħajtu kollha jfaħħar u jiżżi ħajr lil Alla.  Lid-disgħa  l-oħra dan xtaq l-aktar għalihom Ġesu’: li jtihom il-Fidi, i.e. li jagħrfuh u jibdew jemmnu fih bħala l-Iben t’Alla.
  5. “Ħadd minnhom ma nstab rieġa’ lura biex jagħti glorja ‘l Alla, ħlief dan il-barrani?” – dan, li l-anqas biss seta’ jidħol fit-Tempju.  Alla wera l-glorja tiegħu meta ħabb lill-bnedmin mhux biss meta kienu sbieħ u tajbin, imma anki meta ċċappsu bil-lebbra fiżikali u spiritwali.  Mar jiltaqa’ magħhom, ħaddanhom miegħu u tahom il-mezzi biex ifiequ.  Dan ma seħħx mal-Lhud li rrifjutaw it-tagħlim tal-profeti u ta’ Kristu, imma seħħ ma’ Samaritan.  Aħna qegħdin inżommu quddiem għajnejna l-ħin kollu li, permezz tas-Sagramenti u l-Vanġelu, qed nibqgħu sbieħ u tajbin, u niskansaw kull xorta ta’ lebbra?  Qed nagħtu glorja ‘l Alla u niżżuh ħajr ta’ dan kontinwament?  Min ma jagħmilx hekk, ma jkunx qed jirrikonoxxi ‘l glorja t’Alla li qed tippurifika s-soċjeta’ tagħna permezz tal-Vanġelu ta’ Kristu.

Sors:lachiesa.it / liturgia/ omelie / padre fernando armellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading