Lectio Divina tad-29 Ħadd. Sena “Ċ”

Print Friendly, PDF & Email

VANĠELU:  Parabbola biex turina li għandna nitolbu bla heda, mingħajr ma ngħejjew.  Il-kelma Griega tfisser: ma nsirux kattivi u vendikattivi. Kulħadd xi darba sofra nġustizzja, ħassu frustrat għax ma seta’ jagħmel xejn dwarha.  Għalhekk l-ewwel rejazzjoni tagħna aktarx kienet waħda vjolenti biex nerġgħu niksbu dan id-dritt li jkun itteħdilna.  Hekk inwettquha bil-fatt, allura nkunu qed inżidu nġustizzja b’inġustizzja oħra.  Naturalment dan imur kontra t-tagħlim ta’ Kristu.  Għalhekk illum Ġesu’ qed iwissi li, min ma jitlobx regolarment, jista’ jaqa’ f’din it-tentazzjoni. L-armla titlob biex ikollha ħaqq.   Ma tiqafx titlob. It-talb jgħinek biex ma taqtax qalbek, biex iżżomm sħiħ u biex ma tiddisprax.  

1. KUNTEST STORIKU:   Il-komunita Nisranija tal-Asja Minuri, fl-aħħar ta’ l-ewwel seklu, kienet qed tgħix diskriminazzjoni – fuq ix-xogħol kienu l-aħħar fil-lista; min ried jiftaħ negozju kienu jżommulu l-permess – i.e. kienu emarġinati f’kollox.  Ma kenitx persekuzzjoni biċ-ċarċir ta’ demm.  Jekk tinqala’ xi tempesta jew xi pesta kienu jwaħħlu fl-Insara.  Ma setgħux jitolbu d-drittijiet tagħhom għax ma kinux joffru sagrifiċċji lill-idoli. Luqa qed ifakkarhom b’din il-parabbola biex ma jirrejaġixxux bil-vjolenza imma jirresistu din it-tentazzjoni bit-talb.  Anki aħna,  jekk ma nitolbux, forsi naslu biex inwaħħlu f’Alla talli jkun ġara, u nidħlu f’periklu li nitilfu l-Fidi.  Kemm tisma’ nies, quddiem il-ġuħ, gwerer u mard, jilmentaw: “Alla fejn hu?”  Ejjew niftakru f’Salm 37: Vers 25: “Kont żgħir u issa xjaħt, u qatt ma rajt il-ġust minsi, jew uliedu jittalbu ħobżhom”,  jiġifieri Alla dejjem ħa ħsiebu.  Aħna li sofrejna xi nġustizzja forsi m’għandniex dan l-ottimiżmu meta naraw il-prepotenti, d-diżonesti u dawk li jilħqilhom jiksbu suċċess fl-ħajja.  Hawn l-aktar li għandna bżonn nitolbu.  Imma xi tfisser nitlob?  Nisforza lil Alla biex jindaħal b’xi miraklu biex jien nikseb li rrid?  Jekk nagħmel hekk nidħol f’periklu li nitlef il-fidi, għax nirraġuna ta’ bniedem li jien, meta nara li Alla qed iħalli kollox għaddej, qisu ma jinteressahx fil-problemi tagħna.  X’naqraw fl-Apokalissi Kap 4?  “U smajt vuċi mis-sema tgħajjat: ‘Itla’ hawn, ħa nurik x’għandu jiġri’”  u ħa tara l-affarijiet kif jarahom Alla, u mhux kif tarahom int.  Għaqqad il-ħsieb tiegħek mal-ħsieb t’Alla billi tisma’ l-Kelma tal-Evanġelju.  DAN IFISSER TITLOB:  titla’ (axxeżi) ħdejn il-Mulej biex mill-għoli tara l-affarijiet mod ieħor.   Jekk tibqa’ hemm isfel tibqa’ tara l-affarijiet kif jarahom bniedem kwalunkwe, u ma tkunx tista’ tifhem x’qed jiġri: “Ifirħu bit-tama, stabru fl-hemm, ITOLBU bla heda” (Rum. 12, 12).

2.  L-IMĦALLEF kellu d-dover li jipproteġi l-batut.  Imma dan tal-lum la jibża’ minn Alla, u l-anqas jikkalkula jew isib uqija ħniena għall-bnedmin.   Kien jixxaħħam – jgħaddulu l-flus minn taħt il-mantell. Aktarx Ġesu’ kien iltaqa’ ma’ xi wieħed minnhom.   In-nies kienu jafu bihom minn Isaija: “Israel, il-kapijiet tagħkom korrotti, delinkwenti, jixxaħmu, jaqtgħu sentenzi bl-addoċċ,  japprofittaw ruħhom mir-romol u l-orfni u jeħdulhom il-ftit li jkollhom; jitħallsu tajjeb ta’ xi parir li kienu jagħtu;  kienu kompliċi mal-ħallelin.” Żgur li dan l-imħallef mhux qed jirrapreżenta lil Alla imma lis-soċjeta korrotta li fiha kienet qed tgħix din l-armla.  Żgur mhux is-soċjeta li ġie Kristu biex iwaqqaf.   Anki llum għandna s-sinjuri li jonfqu u jaħlu bl-addoċċ, ħela fl-armamenti, eċċ , fil-waqt li kull għaxar sekondi, tifel imut bil-guħ.   Xi nies, fosthom żgħażagħ, jirvellaw kontra Alla għax ma jifhmux x’qed jiġri.  Mingħajr talb, iktar u iktar mhux se jifhmu.   

3.  L-ARMLA:  Irġiel biss kienu jmorru għand l-imħallef.  L-armla ma kelliex raġel imma żgur kellha ħuha jew ġar lil min tibgħat.  Fl-Antik Testment, il-poplu t’Israel fl-eżilju jew taħt xi madmad ieħor, huwa mqabbel ma’ armla.  F’Luqa l-armla mqabbla mal-komunita tal-Asja li huma umiljati u qed isofru kull inġustizzja.  L-armla ma tirvellax, imma titlob, tinsisti u tibqa’ titlob.  Tant li l-imħallef, mhux għax ikkonverta biex jagħmel dak li hu ġust, imma għall-gwadann personali u għax bdiet iddejqu.   Kellha bħal ċerta ħakma fuqu.   Kienet qed tagħmillu reklam ħażin (per eżempju,  f’każ  ta’ xi elezzjoni).  It-tagħlima ta’ Ġesu’: Alla, lill-magħżulin tiegħu, li jgħajtulu lejl u nhar, ( jiġiieri li jiċħdu l-ispirtu tad-dinja ta’ qabel u qed jagħmlu mill-aħjar biex  jippromwovu d-dinja l-ġdida ta’ Ġesu’)  sejjer ma jagħmlilhomx ħaqq?  Ġesu’ qed jgħid ukoll: meta xi nġustizzja tiġi rranġata minn xi ħadd bi skop ta’ gwadann personali tiegħu, in-Nisrani xorta waħda għandu jaħtaf din  l-okkażżjoni biex idawwarha għall-vantaġġ ta’ dan l-ordni soċjali ġdid li ġie jwaqqaf  Kristu.  Jekk dan-Nisrani ma jitlobx,  jista’ jitlef din l-opportunita. (Ara t-tifsira ta’ “titlob” hawn fuq).   U dawn il-magħżulin tiegħu min huma?  Huma l-Insara ppersegwitati li ma jirrassenjawx ruħhom għall-ordni antik tad-dinja, u li jagħmlu qabża ta’ kwalita.

4. “Madankollu, Bin il-Bniedem, meta jiġi, se jsib il-fidi fuq l-art?”  Jiġifieri se jsib min, b’dil-kwalita’ ta’ talb (li spjegajna hawn fuq) għaqqad il-ħsieb tiegħu mal-ħsieb t’Alla, għamel sforz  biex jara l-affarijiet kif  jarahom Hu,  u b’hekk ħataf  kull okkażżjoni ġdida biex jibni s-Saltna t’Alla – id-dinja soċjali ġdida li ġie biex iwaqqaf Ġesu’?   Għal dawk li jaqtgħu qalbhom għax jaraw li qisu s-Saltna t’Alla ma tistax taqbad art, l-istess iridu jitobu. Mid-dehra l-imħallef mar ifittex lill-armla biex jagħmlilha ħaqq iżda ma sabiex.  Ċediet l-armi u qatgħet qalbha. 

5. Tajjeb li niftakru li l-għelt li hawn fid-dinja huwa kollu tort tad-dnub tan-nisel. Alla qatt ma ħolom li xi darba jkun hawn il-mard, il-ġuħ u l-mewt.

Ref:  lachiesa.it/liturgia/omeliei/padre fernando armellini

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading