Adelaide Cini… mitt sena wara


It‑Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2019: Quddiesa mill-Arċisqof Charles J. Scicluna fl-okkażjoni tal-mitt sena mill-eżumazzjoni u t-trasport tal-fdalijiet tal-Venerabbli Adelaide Cini miċ‑ċimiterju ta’ Santa Marija Addolorata għall‑istitut “Ta’ Ċini” li kienet waqqfet u fejn tinsab midfuna. Din il‑Quddiesa, li għaliha kien mistieden kulħadd, b’mod speċjali min ried jitlob xi grazzja speċjali ta’ fejqan bl‑interċessjoni tal‑Venerabbli, saret fil‑kappella li tinsab fl‑Istitut Adelaide Cini, Sta Venera.

Waqt din il-quddiesa l‑Arċisqof Charles J. Scicluna talab li jerġa’ jinfetaħ il‑każ tal‑Venerabbli Adelaide Cini biex eventwalment, jekk tissodisfa l‑kriterji tal‑liġi tal‑Knisja, din il‑mara lajka tiġi bbeatifikata. Adelaide Cini kienet ġiet iddikjarata Venerabbli mill‑Papa Piju X fit‑23 ta’ Frar 1910. L‑Arċisqof irid li l‑eżempju ta’ ħajjitha u l‑ħidma li wettqet Adelaide Cini man‑nisa vittmi tal‑prostituzzjoni u wliedhom, isiru aktar magħrufa u apprezzati mill‑Insara.

L-omelija tal-Arċisqof Charles J. Scicluna – Fil-Kappella fl-Istitut Adelaide Cini, Sta Venera

Nirringrazzjakom ilkoll tal-preżenza sabiħa tagħkom. Illejla nixtieq nitlob lill-Mulej il-grazzja li dak li qegħdin nibdew iwasslu Hu għat-tmiem feliċi tiegħu. Nixtieq nirringrazzja ħafna lid-Dottoressa Giovanna Brizzi, li aċċettat li tkun postulatriċi għall-kawża tal-beatifikazzjoni u l-kanonizzazzjoni tal-qaddejja t’Alla, il-Venerabbli Adelaide Cini.

Dottoressa Brizzi hija postulatriċi ġenerali tal-Ordni tal-Karmnu u l-Karmelitani jafu kemm ħadmet għall-kawża ta’ Patri Avertan, li nisperaw ukoll timxi ’l quddiem, u barra milli hija mara, hija wkoll bniedma ta’ sensibbiltà kbira. Saret tafna aħna l-Maltin u nħoss li f’idejha l-kawża qiegħda f’idejn tajbin imma fuq kollox qiegħda f’idejn Alla.

Il-volontà tagħnà u tal-Knisja f’Malta hija li l-isem ta’ Adelaide ma jintesiex anzi jkollu r-rikonoxximent li jistħoqqlu u … li l-għotja tagħha ma tintesa qatt

Aħna ma nafux għaliex Alla ried jistenna daqshekk fil-każ ta’ Adelaide, ma nafux. Inġbarna hawnhekk eżatt 100 sena wara li l-fdalijiet tagħha nġabu bħal-lum 100 sena miċ-Ċimiterju tal-Addolorata u tqiegħdu hawnhekk b’ordni u bil-volontà tal-predeċessur tiegħi l-Arċisqof Mawru Caruana. L-għada, jiġifieri bħal għada 100 sena, l-Arċisqof Mawru kkonsagra din il-knisja. L-ewwel jiġifieri ordna li jinġabu l-fdalijiet ta’ Adelaide mbagħad ikkonsagra din il-knisja. B’xi mod Mawru – qed nipprova nifhem il-pjan tiegħu – kien li dan ikun il-mawsoleum ta’ Adelaide Cini. Din il-knisja nbniet wara l-mewt tagħha u għalhekk din il-propjetà kbira li ħalliet f’idejn l-Isqof Pace u li mbagħad żviluppat, pereżempju dan il-bini ta’ din il-knisja li saret ukoll il-knisja li tħaddan il-fdalijiet għeżież tagħha, apparti milli se takkommoda appostolat attwali, li huwa dik tal-kura paljattiva fdata f’idejn il-Hospice, din il-parti hija memorjal permanenti ta’ Adelaide Cini. Il-knisja u anke d-daħla għal dan il-kumpless li se jkollha wkoll esebizzjoni permanenti ddedikata lill-Venerabbli Adelaide Cini. Il-volontà tagħnà u tal-Knisja f’Malta hija li l-isem ta’ Adelaide ma jintesiex anzi jkollu r-rikonoxximent li jistħoqqlu u li l-għotja tagħha, għotja konkreta li għandha futur ġdid skont il-ħtiġijiet tal-bnedmin tal-lum imma l-għotja tagħha ma tintesa qatt. U lanqas l-isem għażiż tagħha.

Illum se nqassmulkom librett li kiteb il-maħbub Lawrence Mizzi, qiegħed magħna wkoll, fl-1985 propju fiċ-ċentinarju tal-mewt ta’ Adelaide li mietet fl-1885. Ġentilment tana l-permess nagħmlu kopji għax ormaj out of print u llum għandna kopji biex inqassmuhomlkom, ’il quddiem nispera li jkollu reprint anke dak kollu li nistgħu nsibu, nagħmlu edizzjoni ġdida. Għandna santi wkoll ta’ Adelaide, li bħalissa qegħdin fuq il-qabar tagħha, b’talba li jiena ktibt u li se nitolbuha qabel ma tispiċċa din il-quddiesa.

Jiena u naqra mill-ġdid il-ħajja ta’ Adelaide kien hemm diversi affarijiet li laqtuni. L-ewwel nett din il-mara li għexet bejn l-1838 u mietet fl-1885, li sabet il-vokazzjoni tagħha fid-dinja. Xtaqet ħafna tkun reliġjuża imma kif qaltilha La Badessa qaddisa tal-Monasteru ta’ Santa Katerina l-Belt, La Badessa Baldacchino: ‘Binti, il-Mulej mhux qed isejjaħlek biex tkun magħna. Qiegħed isejjaħlek biex inti tgħin u ssalva n-nisa, dak iż-żmien kienu jgħidulhom traviate, in-nisa li huma sfruttati, li huma vittmi taċ-ċirkostanzi ħafna drabi tal-faqar jew tal-vjolenza domestika u kienu jingħataw biex ikunu oġġett ta’ pjaċir u ta’ prostituzzjoni għal ħaddieħor.

Adelaide ma kinitx taf kif se taqbad tagħmel u l-Mulej laqagħha mal-ewwel proxxmu ma’ din Carmela Mirafiore, li kienet mara sabiħa ħafna minn Sqallija, li kienet qed taqdi lis-sinjuri – mhux biex tixtrilhom il-ħobż, tifhmuni intom – u dina qalet: ‘jiena nipprova nkellimha’ u x’għamlet? Ta’ mara kuraġġjuża u intelliġenti, x’għamlet Adelaide? Għaddiet minn ħdejja u waqqgħet il-maktur. U din Carmela abbokkat in-nassa, kif ngħidu. Refgħet il-maktur ta’ Adelaide qaltilha: ‘Sinjorina, waqagħlek il-maktur’. U minn dik bdiet konverzazzjoni. Ħaditha San Ġwann u kellmitha dwar il-Mulej, imbagħad tas-Samra fejn kien hemm xi ħadd jitkellem fuq il-kruha tal-iskandlu u din infaqgħet tibki u riedet bilfors tqerr.

Il-Mulej lil Adelaide użaha biex tmur tfittixlu n-nagħġa l-mitlufa u ta l-qalb tiegħu.

L-istorja tkompli li għalkemm ħin minhom wara fitt jiem abbandunatha u qalet: ‘issa sew, bdejt b’falliment kbir’. Kienet prova kbira għal Adelaide li l-ewwel persuna li avviċinat u forsi kienet se jirnexxielha tagħmel xi ħaġa, ħin minnhom titlaq, reġgħet marret fejn kienet qabel. U Adelaide għamlet il-kuraġġ, kontra l-pariri tal-qraba tagħha marret tfittixha. Issibha f’sodda bid-deni u reġgħet kriet karozzella oħra u reġgħet ġabitha hawnhekk, imbagħad din il-persuna kellha ’l quddiem issir soru tal-Bon Pastur u saret superjura f’Alessandria tagħmel il-ġid.

U minn hemmhekk indunat Adelaide li din kienet il-volontà tal-Mulej għaliha u kienet tmur tfittex lin-nisa f’sitwazzjonijiet diffiċli fl-inħawi tal-portijiet tagħna: il-Belt, il-Kottonera jiġifieri t-Tlett Ibliet, kienet tmur tfittixhom hi. Tant li meta mbagħad ikkuntattjat lis-Sorijiet tal-Karità – uħud minnhom qegħdin hawn – biex ikomplu l-appostolat tagħha, il-Madre Generale tas-Sorijiet tal-Karità qaltilha: ‘aħna ma nistgħux nagħmlu dak li tagħmel inti, immorru nfittxu n-nies imma toqgħodx tinkwieta, it-tfal li inti ġibt biex ikollhom ħajja dinjituża, nieħdu ħsiebhom aħna’.

Il-Mulej lil Adelaide użaha biex tmur tfittixlu n-nagħġa l-mitlufa u ta l-qalb tiegħu. U għalhekk riedet li dan l-Istitut ikun imsemmi wkoll għall-qalb ta’ Ġesi imma hi kienet ingħatat propju biċċa mill-qalb tiegħu, ingħatat dik il-ħeġġa li tmur tfittex hi n-nagħġa l-mitlufa. Ġesù jgħid f’Luqa kapitlu 15, it-tliet parabboli tal-ħniena: in-nagħġa l-mitlufa, id-drakma l-mitlufa, l-iben il-mitluf. Hu ta din il-qalb, il-qalb tiegħu stess u din il-ħaġa swielha ħafna.

Ħin minnhom fil-volum li qed taraw hemmhekk, il-volum li hemm taħt il-kwadru tagħha, dan il-kwadru qiegħed fil-palazz tal-Isqof l-Imdina. Meta jiena dħalt fil-palazz tal-Isqof bħala Arċisqof insib li Mawru Caruana kien ħalla tliet kwadri; wieħed ta’ Adelaide, wieħed ta’ Nazju Falzon u l-ieħor ta’ Adeodata Pisani għax kienu tliet kawżi li hu sab pendenti mid-djoċesi ta’ Malta. Intom tafu li Nazju u Adeodata fis-snin 90, nirringrazzjaw lil Alla, sabu min jimbuttahom u Adelaide baqgħet l-art. Imma se tibqa’ l-art, din l-imbierka Adelaide? Meta inti taqra dak il-volum fejn hemm ġabra tax-xhieda għax il-proċess kollu sar fuq Adelaide, ix-xhieda li kellhom jinstemgħu nstemgħu. Kienu nies fl-1907, fl-1908 li kienu għadhom jiftakruha għax hi mietet ta’ età żgħira kellha 46 meta mietet.

Kienet persuna naqra mibnija, mara tipikament Maltija, veru missierha kellu l-fabbrika tal-għaġin, naħseb jiena kien l-effett, imma naħseb kellha xi naqra dijabetè wkoll, imma din għadni ma sibthiex miktuba. Immaġinawha din il-mara Alla jberikha, jiġifieri tirkeb karozzin u jagħmel żaqq, iċekċek, tmur u tfittex dawn in-nisa u għandna x-xhieda ta’ kemm kellha tbati, ta’ kemm insulti għaliex inti meta raġel qed teħodlu – intom qed tifhmuni? – dan jirvilla. Inti tifel teħodlu ġugarell jew xi biċċa ħelwa? U din kienet qed tmur u ċċaħħad lil dawn in-nies li lil mara kienu jarawha biss bħala oġġett jew bħala mezz ta’ qligħ, qed itellfilhom il-qligħ jew il-pjaċir. L-insulti it-tagħjir…

Kien hemm neputi, it-tifel ta’ Paolo għax huwa kien jismu Paolu, benefattur kbir ukoll ta’ dan il-post, jirrakkonta li missieru qallu li z-zija fil-misraħ il-barriera, li hu qrib hawnhekk, fil-fatt għad hemm it-Triq Misraħ il-Barrieri – tridu tarawha kif kitbuha bit-Taljan – kienet qalgħat xebgħa għasluġ. Jiġifieri mit-tgħjir laħqet ukoll qalgħat ix-xebgħa. Tant hu hekk li dan in-neputi jgħid li x’aktarx iz-zija żviluppat il-marda li wasslitha għall-mewt minħabba dan ix-xokk, din it-trawma. Marret biex issalva mara u r-raġel li kien qed jużaha għall-flus u għall-pjaċir, lil Adelaide ta xebgħa papali, kif ngħidu kif tmiss il-liġi, ma tmiss xejn il-liġi. Il-pulizija kienu jirrispettawha ħafna, ġieli kellha ssejħilhom biex jipproteġuha anke sfortunatament biex taraw il-kuntest soċjali diffiċli. Anke l-ommijiet ta’ ċertu bniet kienu jiġu hawn jgħajru lil Adelaide jridu t-tfal tagħhom ħalli t-tfal tagħhom ikomplu fil-mestier li kienu qegħdin iqabduhom il-ġenituri tagħhom.

Jiena nistaqsikom: imma dan kollu li qed ngħidu xi ħaġa tal-antik? Jiena nħoss hawn id-Dottoressa quddiemi, li dan huwa diskors attwali li l-messaġġ ta’ Adelaide hu urġenti daqskemm kien urġenti 150 sena ilu. Din hija mara li tat ħajjitha u ġidha jiġifieri mhux bil-paroli, ħajjitha u ġidha biex tiddefendi d-dinjità tal-mara, biex tiġġieled l-isfruttament tan-nisa, biex tiddefendi l-ġieħ tagħhom, il-ħajja spiritwali, psikoloġika, fiżika tagħhom. U kienet tieħu ħsieb ukoll lil uliedhom.

Kien hemm sitwazzjonijiet diffiċli meta n-nisa li jinqabdu bit-tqala ma setgħux iżommu t-tarbija u Adelaide kienet tgħidilhom: ‘toqgħodx tinkwieta, it-tarbija nieħu ħsiebha jien’. Jiġifieri kienet pijuniera wkoll li tiddefendi l-ħajja mhux billi tikkundanna. Adelaide qatt ma kkundannat lil ħadd. Il-kelma tagħha kienet dejjem kelma ta’ ħniena. Il-ġakulatorja preferita tagħha kienet: ‘Mulej, kun int il-ħniena tagħna.’ Qatt ma marret tiġġudika lil ħadd, avolja għajruha; kienet għamlet qoxra tal-azzar u kienet tkompli, ma kinitx tibża’.

Kienet ukoll għaliex imbagħad saret omm, mhux naturali imma spirtiwali ta’ ħafna u bħal kull omm kellha tipprovdi u l-providenza tgħaddik mill-provi wkoll. Imma hemm diversi xhieda u l-Kardinal li ppreżenta l-argumenti biex il-każ jgħaddi għall-istadju tas-Santa Sede, il-livell appostoliku, jgħid, dan mhux qed jgħid wieħed, forsi ma rax tajjeb, imma diversi jgħidu li kienu jgħidulha: ‘ma baqax flus’.

Kellha waħda l-preferita tagħha, kienet tgħidilhom il-penitenti, dawk li jkunu kkonvertew, li kellha dan id-don tat-talb, kienet tibgħatha titlob biex jiġi xi ħadd b’donation u kienet tirranġa, kienet iġġibha żewġ. Imma mbagħad hemm tliet episodji ħelwin fejn jgħidulha: ‘għandna żewġ ħobżiet biss’. U din: ‘taqtgħux qalbkom, ġib ħa nqassam jien’ u tibda tqassam u jiekol kulħadd u jibqa’. Ġara hekk bit-tiġieġ anke bil-bċieċen, jiġifieri ogħqodu attenti taraw xi tiġieġa, tibagħtuha għand Adelaide, titkattar.

Imma jiena wkoll illum nixtieqkom li nitolbu l-interċessjoni ta’ Adelaide Cini biex il-Mulej l-ewwel nett juri l-glorja tiegħu fiha u jagħmel miraklu li jkun jista’ jwassal għall-glorifikazzjoni tal-qaddejja tiegħu.

Ovvjament kienu esiġenzi konkreti ta’ omm li ma tistax tħalli lil uliedha spirtwali bil-ġuħ u kienet tafda fil-Mulej li kien dak li qed imexxi fiha u permezz tagħha. Laħqet ukoll għarfet il-bniedem, u Lawrence anke lejn tmiem tal-librett ħelu tiegħu, jitkellem ukoll b’xi fejqan li sar wara mewtha u bl-interċessjoni tagħha. Hemm episodju ħelu ta’ dik li mbagħad bdiet tissejjaħ ‘it-tifla tal-miraklu’. Fl-1903 tifla ċkejkna timrad bit-tifu u kienet sejra mill-ħażin għal-agħar u ħin minnhom wara kriżi kbira li kienet is-sinjal li m’hemm xejn x’tagħmel fil-ħolm jew viżjoni tara mara liebsa skur. Adelaide kienet tillbes skur ħafna, jew iswed jew kanella skur, hekk kienet ovvjament għall-figure kien jgħinna wkoll nimmaġina. Imma apparti dik, u għax Adelaide tibqa’ mara wkoll, u din tidhrilha din il-mara u tgħidilha: ‘inti trid tfiq?’ U tagħtiha grokk port. Issa ma nagħmluhiex patruna tal-port wine.

Meta mbagħad il-ġenituri din it-tifla tgħidilhom: ‘isma’ jiena rajt mara, tatni ftit ibid ħelu ħafna, kien tajjeb ħafna’ u din indunaw li fieqet. Imbagħad juruha santa, qaltilhom: ‘dik kellmitni’. Kienet santa ta’ Adelaide. Aħna nippruvaw jekk għandniex iżjed informazzjoni fuq dan il-fejqan straordinarju ta’ din it-tifla.

Imma jiena wkoll illum nixtieqkom li nitolbu l-interċessjoni ta’ Adelaide Cini biex il-Mulej l-ewwel nett juri l-glorja tiegħu fiha u jagħmel miraklu li jkun jista’ jwassal għall-glorifikazzjoni tal-qaddejja tiegħu. Issa dan mhux f’idejna, f’’idejn Alla imma aħna ta’ qaddejja umli nitolbuh bil-ħniena imbagħad inħallu f’idejh bħalma darritna nagħmlu Adelaide u tant qaddisin oħra.

Din il-paroċċa ta’ Santa Venera mbierka b’ħafna qaddisin, mhux biss li qegħdin hawn ta, imma anke ta’ qabilna u hawnhekk kellna x-xorti li jkollna lil Adelaide u miet ukoll San Ġorġ Preca kif tafu. Imma meta mietet Adelaide, San Ġorġ Preca kellu ħames snin, kienu għadhom joqogħdu l-Belt għax Adelaide twieldet il-Belt imbagħad bħalma ma ġara anki fil-każ ta’ San Ġorġ Preca, ġew joqogħdu f’dawn l-inħawi. (Qabel kien il-Ħamrun, insomma Santa Venera f’dawn l-inħawi.) U kienet dejjem devota kbira tal-qalb ta’ Ġesù u devota anke tal-Madonna. Għandna xhieda kemm kienet devota tar-Rużarju mqaddes tal-labtu tal-Karmnu u għalhekk aħna nitolbu bil-ħerqa biex din il-lajka, din il-mara Maltija tkun mudell għall-Insara u glorja tal-Knisja universali.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Il-Qari tal-Quddiesa:
Qari I: Rum 1, 16-25
Salm: 18 (19), 2-3.4-5
Evanġelju: Luqa 11, 37-41

Sors: www.knisja.mt

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.