Il-Papa f’Santa Marta: Meta nagħrfu li midinbin ninħelsu mill-ipokrisija

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 15 ta’ Ottubru 2019: Ġesù ma jittollerax l-ipokrisija tant li lill-fariżej isejħilhom ‘oqbra mbajda’. Il-Papa Franġisku għamel din l-affermazzjoni waqt l-omelija tal-quddiesa li ċċelebra llum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta. Jeħtieġ infiqu mill-ipokrisija. Il-mediċina għal dan hi li quddiem Alla nagħrfu lilna nfusna bħala midinbin għax min ma jafx jagħmel hekk mhux Nisrani tajjeb.

Il-Papa kien qed jirrifletti dwar is-silta tal-Evanġelju li fiha r-rakkont ta’ meta Ġesù kien mistieden għall-ikel għand fariżew, u sid id-dar ikkritikah għax qabel ma beda jiekol ma nħasilx kif titlob il-Liġi.

Hemm atteġġjament li l-Mulej ma jittollerahx, qal Franġisku: l-ipokrisija. Lil Ġesù stednuh għall-ikel biex ikunu jistgħu jiġġudikawh mhux għall-ħbiberija.  L-ipokrisija tfisser li inti tidher mod imma fil-fatt tkun ħaġa oħra, ħsibijietek fil-qiegħ ta’ qalbek huma differenti minn kif tidher.

Ġesù dan ma jittollerahx u lill-fariżej spiss jittimbrahom bħala ipokriti, oqbra mbajda. Dan ta’ Ġesù mhux insult imma verità.  Minn barra tidher perfett, illamtat, korrett, imma minn ġewwa int xi ħaġa oħra.  L-atteġġjament ipokrita jiġi mill-‘giddieb il-kbir, ix-xitan’ u l-ipokriti huma l-werrieta tiegħu.

L-ipokrisija hi l-lingwaġġ tax-xitan, il-lingwaġġ tal-ħażen li jidħol fi qlubna miżrugħ mid-demonju.  Diffiċli tgħix ma’ min hu ipokrita imma nies bħal dawn jeżistu, osserva l-Papa.

L-ipokrisija Ġesù jħobb jikxifha.  Hu jaf li proprju l-ipokrisija twasslu għall-mewt għax l-ipokrita ma jqisx liema mezzi se juża jew jiskarta; juża l-kalunja, ikun xhud falz.

Għall-kundanna ta’ Ġesù fittxew ix-xhieda foloz.  Xi ħadd jista’ jgħid, issokta l-Papa, li aħna m’għandniex xhieda bħal dawn.  Imma dan hu żball.

Il-linġwaġġ ipokrita forsi mhux ‘normali’ imma mxerred ħafna, ħaġa ta’ kuljum.  Per eżempju, fil-ġlieda għall-poter fejn jidħlu l-għira, il-ġelosija, li jtuk dehra mod filwaqt li minn ġewwa mimli velenu biex toqtol, għax l-ipokrisija dejjem hi qattiela, illum jew għada toqtol.

Allura jeħtieġ infiqu minn dan l-atteġġjament.  Il-mediċina hi li nkunu sinċieri quddiem Alla, ngħidu l-verità u nakkużaw lilna nfusna.

Għandna nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna u nistqarru dak li jkollna ġewwa fina quddiem Alla: ħsibijiet, għira, xewqa ta’ vendikazzjoni…  Dan hu taħriġ spiritwali ftit jew wisq mhux tant komuni, m’aħniex imdorrijin bih, imma għandna nfittxuh: nakkużaw lilna nfusna, inħarsu lejn dnubna, lejn il-kattiverja li hemm fi qlubna … għax ix-xitan jiżra’ l-kattiverja ġo fina.

Għandna nitgħallmu ngħidu lill-Mulej: ‘Arani kif jien!’ u nagħmlu hekk bl-umiltà.

Nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna, tenna l-Papa, ħaġa li forsi hi ftit iebsa, imma n-Nisrani li ma jafx jakkuża lilu nnifsu mhux Nisrani tajjeb u jirriskja li jaqa’ fl-ipokrisija.

Il-Papa Franġisku fakkar fit-talba ta’ Pietru meta lill-Mulej qallu: ‘Tbiegħed minni għax jien midneb’.

Jalla nitgħallmu nakkużaw lilna nfusna, tenna mill-ġdid il-Qdusija Tiegħu fi tmiem l-omelija.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading