Illum il-Knisja tfakkar lil Beatu Bonaventura minn Potenza


Fis-26 ta’ Ottubru l-Knisja tfakkar lil Beatu Bonaventura minn Potenza, Reliġjuż li għex bejn is-snin 1651 sa 1711.

Twieled fl-4 ta’ Jannar 1651, ġewwa Potenza fil-limiti ta’ Napli, l-Italja ġo familja fqira, iżda għanja fil-virtujiet. Ta’ 15-il sena daħal mal-Patrijiet Konventwali Minuri, f’Noceva. Huwa kompla bl-istudji tiegħu. Is-superjuri tiegħu bagħtuh Amalfi u hemm taħt direttur spiritwali kompla jikber fil-virtujiet tal-umiltà, safa u ubbidjenza, fost oħrajn.

Kien ta’ eżempju kbir għal kulħadd. Kellu ubbidjenza għamja għas-superjuri tiegħu. Kien jagħti l-għajnuna tiegħu fil-parroċċa speċjalment lill-batuti, lill-fqar u lill-morda. Meta f’pajjiżu faqqgħet epidemija, lejl u nhar intefa’ b’ruħu u ġismu jdur bil-morda u jassistihom. Kien jaħdem ħafna mal-priġunieri speċjalment dawk li kienu qed jistennew il-piena tal-mewt, iqararhom u jassistihom.

Bħala saċerdot kien jippriedka u jipprattika d-devozzjoni lejn l-Ewkaristija u l-importanza tas-Sagrament tar-Rikonċiljazzjoni. Kien iqatta’ ħin twil fil-konfessinarju tant li ħa l-fama tal-appostlu tal-konfessinarju u tal-ubbidjenza.

B’ubbidjenza lejn is-superjuri aċċetta l-kariga ta’ majistru tan-novizzi. Kien irawwem fl-istudenti tiegħu l-prattika tal-virtujiet tal-umiltà u l-ubbidjenza.

Wara 45 sena ta’ servizz impekkabbli, mogħni b’kull virtù Patri Bonaventura mar jingħaqad mal-Mulej. Fl-aħħar nifs ta’ ħajtu kien imdawwar minn sħabu l-patrijiet kollha, u talabhom skuża għal kull darba li naqashom. Kien is-26 ta’ Ottubru 1711. Fis-26 ta’ Novembru, 1775, il-Papa Piju VI bbeatifikah.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com