Għallimni l-vera mħabba!


Fl-aħħar ġimgħa t’Awwissu l-Mulej tani grazzja li nkun Medjugorje. Biex nistrieħ. U kif tridek ma tistrieħx wara daqshekk ġiri mal-kurituri ta’ sptar daqshiex? U din mhux xi tustaġni iżda bżonn u bżonn kbir!

Intant. Kont qiegħed ħdejn il-Blue Cross, is-Salib l-ikħal. U, wara li kelli dik l-esperjenza fejn rajt il-qawwa tal-Mulej tkeċċi nsett li ma jidhirx u li jdejjaq, imarrad, iniggeż, ijassar, iħassar u x’ma nafx aktar, intasabt fuq wieħed mill-bankijiet nitlob. Kien tard filgħaxija. Fuq rasna kellna sema mimli kwiekeb filwaqt li quddiemna, fuq il-Għolja tal-Podrbo, kellna l-istatwa mill-isbaħ tal-ħaġar t’Ommna Marija li kienet biswit is-Salib ikħal.

Waqt li konna qed nitolbu t-talba tant qawwija, sempliċi u familjari tar-Rużarju Mqaddes, jiġi ħdejja kelb. Issa dan il-kelb miskin la kien fih xi seba’ sulari u niddubita jekk kellux xedaq snin f’ħalqu. Issa, dan il-kelb daqs naqra, fettillu jiġi ħdejja. Il-Patri! Ma nafx! Forsi rani liebes il-kannella u agħmel one plus one! U qal: Ħeqq! Dan liebes bħall-klieb li naf jien! Insomma! Kien x’kien il-każ, dan il-kelb għoġbu jħokk u jitfissed miegħi.

F’dik il-ħemda lil dan il-kelb aqta’ kemm iggustajtu! Dan l-għaliex, fis-sempliċità tiegħu, rajtu tassew ġenwin! Żgur li ma kienx jafni minn Adam. U fejn, ngħid jien, seta’ jkun jafni? Jien minn Malta u hu mill-Hercegovina? Ġewwa Bijakovich? F’Medjugorje? Imma ħdejja ġie ħi! U hemm qagħad! Għall-kwiet! U l-irdoss!

Fis-skiet ried jurini li qed jieħu ħsiebi u jifraħ bil-kumpanija tiegħi! Mela ma waddablix xi botta. U lanqas ipprova jumiljani. Inkella, biex jurini kemm għadu b’saħħtu, ipprova jibbuljani. Ħa juri li għadu hemm. Avolja is-santa saħħa u s-santi snin qed jagħmlu tagħhom bil-bosta! Jew għax forsi għadu żgħir fiż-żmien ukoll! Le! Ma kienx jaf jikkummiedja! Jilgħabha tal-hulk meta m’huwiex. Dan il-kelb ried biss joqgħod ħdejja u jagħmel minn kollox, ta’ kelb ċkejken li hu, biex jurini kemm lili iħobbni. U kemm kien qed jieħu gost bil-kumpanija tiegħi!

Għal din ix-xena d-dmugħ beda ħiereġ minn għajnejja. U, f’dak is-skiet, hekk bdejt inħoss u ngħid f’qalbi: Kos dan il-kelb mqaddes! Kemm hu ħelu! Daqshekk żgħir! Sempliċi! Umli! Dan il-kelb hekk imbierek! Li, bil-preżenza mimlija mħabba tiegħu, qed jiftaħli l-imħabba vera quddiemi!

Għax ħbieb l-imħabba m’hijiex min se jumilja lil min? Min se jaħkem lil min? U min se jikkastiga lil min? L-imħabba vera m’hijiex min se jagħlaq ħalq min? U min se jidher li aktar għaqli min? L-imħabba vera m’hiex anżjuża li tniżżel saqajha, kull l-ewwel ċans li jkollha, biex tgħid li dak li tgħid hi biss hu benfatt? L-imħabba vera ma theddidx? L-imħabba vera ma turix muskoli? U lanqas itellagħhom? Sew jekk tkun żgħira inkella jekk iż-żmien ikun ilu li sajjarha? L-imħabba vera ma ġġibx tensjoni? L-imħabba vera ma toħloqx klima ta’ imsaren fis-saqajn għax ma tafx x’se jiġri minn hawn u ftit ieħor? Le ħbieb! L-imħabba vera ma tagħmilx dawn il-kummiedji serji u tal-biża tal-ħażen? Ma tagħmilx din il-ħsara tal-ħsarat? L-imħabba vera ma tmarradx lil ħaddieħor b’dan il-mard moħbi u qerriedi?

Dan il-kelb għallimni li fil-ħajja l-umiltà, il-ħlewwa, is-sabar, it-tjieba u l-maħfra huma kollox! Dan il-kelb ġagħlni nifhem li l-aqwa priedka jagħmilha mhux min jaf jitħaddet imma min jaf jisma’. Li l-aqwa kittieb m’huwiex dak li dejjem jgħid tiegħu u tiegħu biss vanġelu imma dak li jitgħallem minn nies sempliċi. Iva! Minn dawk l-istess nies li, abbli fil-viżjoni tiegħu, mhux ta’ min jismagħhom! Għax, b’xi mod, jaf iqishom ‘inferjuri’ għal ‘għerfu’(?)!
L-imħabba vera f’dan il-kelb għallmittni wkoll li m’hemmx isbaħ milli noffru qalb kbira u mimlija mħabba ġeneruża għal xulxin. U lili, dan il-kelb, mhux talli ħeġġiġni biex nibqa’ inkullat miegħu talli qalli, b’għemilu: Intefa’ b’ruħek u b’ġismek fid-dinja tal-bnedmin! L-għaliex dawn għandhom bżonn minn din l-imħabba li qed ngħaddilek jien issa. Għax aħna l-annimali, bħall-Mulej li ħalaqna, irridukom tħobbu lil xulxin b’dan il-mod u mhux taħarbu mid-dinja billi tibqgħu nkullati magħna għax tirraġunaw li bħalna ma jħobb ħadd! Għax intom se tiġu iġġudikati, l-ewwel u qabel kollox, mhux kemm ħabbejtu lilna l-annimali imma kemm ħabbejtu lil Ġesù Sidkom u Sidna fil-bnedmin l-oħra!

Ajma x’daqqa ta’ taħt iċ-ċunturin dik sieħbi f’Medjugorje! Imma vera li għallimni dan il-kelb tafux! Ma noħodhiex bi kbira li jaf kien xi ħadd ieħor. Minn dawk il-ħlejjaq bil-ġwienaħ u li jkantaw quddiem it-Tron tal-Mulej fil-ġenna! Abbli kien wieħed minnhom! Għax hemm fuq imħabba vera hemm issaltan għal dejjem!

Mulej, fawwarli qalbi bl-imħabba li int sawwabt f’qalb dan il-kelb f’Medjugorje! Amen.

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.