Edukazzjoni li tgħin l-istudenti jikbru f’parteċipazzjoni attiva u responsabbli fis-soċjetà


L-Erbgħa, 6 ta’ Novembru 2019: Quddiesa tal-Ftuħ u t-Tberik tal-faċilitajiet ġodda fl-iskola St Michael mill-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi Santa Venera.

Omelija tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Okkażjoni bħal tal-lum hija okkażjoni verament sabiħa għalikom ilkoll, jiġifieri l-istudenti, kull min jaħdem hawnhekk, kull min ta l-kontribut tiegħu imma wkoll għall-Knisja f’Malta. Għaliex meta tara l-iskola kif intqal fil-bidu tkompli tiżviluppa tul is-snin – work in progress – tieħu gost bil-ħajja li hawn f’dan il-qasam hekk importanti tal-edukazzjoni.

Jien xtaqt insemmi tliet punti li ħadthom mill-mission statement tal-iskola tagħkom, li naħseb huma ħafna importanti għalina lkoll. L-ewwel nett l-ispirazzjoni għall-edukazzjoni f’din l-iskola. Il-mission statement jgħid li l-ispirazzjoni hija mill-Evanġelju u mill-valuri umani. Kemm hu importanti li aħna hawnhekk fl-iskola ngħinu biex il-formazzjoni tkun mill-Knisja u mill-Evanġelju ta’ Ġesù, kif dejjem xtaq u ħadem għalih San Ġorġ Preca, li xtaq li kulħadd ikun il-ħabib tal-Evanġelju u mill-valuri li joħorġu mill-Evanġelju, li huma l-valuri umani, li jgħinuna tassew fil-ħajja tagħna u li allura hawnhekk l-edukazzjoni tkun tassew ibbażata fuq dak li hu ta’ ġid għall-bniedem. Fl-Evanġelju nafu dak kollu li għallem Ġesù, li wriena Ġesù fl-aħħar mill-aħħar għall-ġid tal-bniedem biex jgħinu jikber, jimmatura, jiżviluppa biex ikun tassew għall-ġid fil-ħajja tiegħu.

It-tieni punt li xtaqt insemmi, meħud mill-mission statement, hu li fil-formazzjoni hawnhekk fl-edukazzjoni tingħata importanza lil kull individwu għax kull bniedem huwa uniku u għandu jkun rispettat fid-dinjità tiegħu jew tagħha. Jekk hawn messaġġ tant importanti għas-soċjetà tagħna llum, hija propju hawn: li aħna nikbru b’dan ir-rispett u mħabba lejn kull persuna, hi min hi. Allura l-edukazzjoni hawnhekk tgħin lilna lkoll biex nikbru tassew b’dan ir-rispett lejn il-ħajja u d-dinjità ta’ kull persuna. Meta ngħid hi min hi, ifisser hi ta’ liema razza hi, ta’ liema lewn hi, ta’ liema reliġjon hi. Aħna għandna nirrispettaw lil kull bniedem għax kull bniedem xbieha ta’ Alla.

M’għandniex inkunu aħna żgur li b’xi mod nisseparaw lin-nies: dawk ta’ min jirrispettahom u oħrajn ta’ min jistmerrhom. Aħna għalina kull persuna hija għażiża u iktar ma l-iskola twassal din l-edukazzjoni, iktar tilħaq l-iskop tagħha tassew ta’ edukazzjoni sħiħa. U għalhekk nieħu gost ħafna li l-mission statement jenfasizza dan il-punt li kull bniedem huwa uniku bħalma kien jgħid San Ġwann Pawlu II fl-ewwel enċiklika tiegħu ‘Il-Feddej tal-Bniedem – Redemptor Hominis’ isejjaħ kull bniedem uniku u irrepetibbli. U għalhekk li intom tgħinu f’din l-iskola biex kull student hawnhekk jagħraf l-kapaċitajiet u t-talenti tiegħu, min mod min ieħor, imma lil kulħadd Alla ta d-doni tiegħu u aktar ma tgħinu li kull bniedem hawn jagħraf dan, iktar tilħqu l-iskop bħala skola.

U t-tielet punt li xtaqt insemmi, li wkoll qiegħed fil-mission statement, hu li l-edukazzjoni hija u għandha l-iskop li tgħin l-istudenti biex jikbru f’parteċipazzjoni attiva u responsabbli fis-soċjetà llum. Aħna għandna bżonn li nagħrfu li dak li nirċievu mhux sempliċement għalina biex niggwadanjaw jew nikbru aħna biss, imma biex jgħinna nagħtu sehemna fis-soċjetà llum, u allura dan is-sehem attiv u responsabbli fis-soċjetà tal-lum.

Insemmi l-mission statement ukoll b’mod speċjali, il-kulturi differenti u anke l-ambjent. Jiena xtaqt insemmi dan, jiġifieri ir-rispett lejn il-ħolqien għax nafu li anke Papa Franġisku qed jenfasizza ħafna dan. Imma nafu kemm hija importanti llum għad-dinja kollha imma anke għas-soċjetà Maltija, li aħna nidraw mindu żgħar nirrispettaw il-ħolqien bħala dak li tana Alla biex inħarsuh, mhux biex nisfruttawh, biex iservina għall-ħajja mhux biex iservina għall-kilba tagħna, biex aħna nispiċċaw billi neqirdu l-ħolqien li Alla tana bħala don. Naħseb li dan hu importanti fl-edukazzjoni Nisranija li ġġib ukoll din l-iskola u għalhekk xtaqt insemmi dawn it-tliet punti għax narahom tant importanti.

Nixtieq nawguralkom llum meta qegħdin tagħmlu din l-estensjoni permezz tal-grawnd, li kif intqal tajjeb diġà qed tużawh imma llum inberkuh, u l-parkeġġ ukoll u anki l-iskola li taraha bil-mod il-mod, dejjem tiżviluppa, komplu tiżviluppaw kemm dak li hu bini u faċilitajiet imma ukoll, bħalma qed tagħmlu speċjalment f’din l-edukazzjoni ħolistika, li tgħinu lil min jiġi hawn, l-istudenti li jiġu hawn biex jikbru tassew fil-ħajja umana tagħhom u fil-ħajja Nisranija.

Nixtieq nirringrazzjakom ilkoll anke f’isem il-Knisja f’Malta għal dan l-impenn tagħkom fl-edukazzjoni, nirringrazzja lill-istudenti kollha, lill-istaff kollu, kull min b’xi mod jew ieħor jaħdem hawnhekk, l-edukaturi kollha u nħeġġiġkom biex tkomplu taħdmu tassew b’dan l-ispirtu, kif jekk tħarsu lejn San Ġorġ Preca taraw l-isbaħ eżempju kif tkomplu taħdmu wkoll fl-ispirtu li jsemmi l-mission statement tal-iskola.

Ikun imfaħħar Ġesù Kristu!

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Sors: www.knisja.mt
Ritratti: www.knisja.mt/ritratti

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.