L-umiltà ruħ il-qdusija


Bdejna x-xahar ta’ Novembru. Ix-xahar li Ommna l-Knisja mqaddsa tiftħu bis-solennità qaddisa ta’ ħutna l-qaddisin kollha fl-ewwel jum tiegħu, l-1 ta’ Novembru.

Qalilna l-Imgħallem fil-Kelma tiegħu stess: Kunu qaddisin, għax qaddis jien. (1 Pietru 1, 15-16). Mela, li nkunu qaddisin mhix sempliċiment xi għażla personali tagħna li nistgħu ngħaddu mingħajrha. Le! U xejn affattu! Li nkunu qaddisin hu l-kmand ħelu tal-Mulej għalik u għalija. U, dan il-kmand, aqta’ kemm jagħmel sens! L-għaliex min minna jrid u trid iqatta’ u tqatta’ l-kumplament tal-eternità jinxtewa u tinxtewa fin-nar tal-infern? Biżżejjed immutu bis-sħana hawn fuq l-art! Mela aħseb u ara!

Meta wieħed joqgħod jikkonsidra ftit m’hemmx xi għażla kbira x’wieħed jagħmel. Għax m’hemmx f’hiex titfixkel. Jew abjad inkella iswed. Jew lemin inkella xellug. Jew tgawdija inkella tbatija għal dejjem. Kos hux! U, la int u jien inħobbu l-ħajja, min minna, jekk dejjem hu f’sensieh u f’sensieha, irid jagħżel il-mewt ta’ dejjem? Żgur li le ħbieb! Dik m’għandnix x’nambuha! Biżżejjed ħajjitna offritilna l-morr tagħha. Ħarsa lejn id-diffikultajiet li jkollna nħabbtu wiċċna magħhom ta’ kuljum hi xhieda bil-bosta ta’ dan. Mela żgur li, int u jien, ma rridux ninżlu fil-morr etern. Fid-disperazzjoni ta’ dejjem. Fl-għejbien tal-viżjoni tant u tant sabiħa tal-Mulej li wasslet lil għażiż Pawlu tagħna jgħid: “Dak li għajn qatt ma rat u widna qatt ma semgħet,” u dak li qatt ma tnissel f’qalb il-bniedem, dak Alla lesta għal dawk li jħobbuh (1 Kor 2:9). U kemm hu sabiħ hux jekk, int u jien, il-persuna tagħna stess, tħabbru dan l-għaliex tkun f’dan l-istat li, l-kliem uman, ma jista’ qatt ifisser kobor sbuħietu?

Imma, biex ngħaddu lejn is-Saltna tas-Sema, is-Saltna ta’ dejjem, hi triq iebsa. Ġesù stess qalulna dan: Għaddu mill-bieb id-dejjaq. Għax wiesa’ l-bieb u spazjuża t-triq li tieħu għat-telfien, u ħafna huma li jgħaddu minnha. Imma kemm huwa dejjaq il-bieb u dejqa t-triq li tieħu għall-ħajja, u ftit huma li jsibuha! (Mt 7:13). Fid-Djarju tagħha Santa Fawstina tfisser it-triq tal-ġenna fit-tagħlim tagħha taż-żewġ toroq. Waħda li tieħu għall-ħajja filwaqt li l-oħra tieħu għat-telfien.

“Ġurnata minnhom, jiena rajt żewġ toroq. Waħda kienet wiesgħa, miksija ramel u fjuri, mimlija ferħ, mużika u kull xorta ta’ pjaċiri. Kien hemm in-nies mexjin fiha, jiżfnu u jieħdu gost. Huma waslu fit-tarf tagħha mingħajr ma lanqas biss indunaw. U fit-tarf ta’ din it-triq kien hemm preċipizzju tal-biża’, jiġifieri, l-abbiss tal-infern. L-erwieħ kienu neżlin fih bl-għama; filli mexjin, filli waqgħu ġo fih. U kienu hekk numerużi li kien impossibbli tgħoddhom. U rajt it-triq l-oħra, jew aħjar insejħilha mogħdija, għax kienet dejqa u mimlija xewk u blat; u n-nies li kienu mexjin fiha kellhom id-dmugħ f’għajnejhom, u kienu għaddejjin minn kull xorta ta’ tbatija. Xi wħud tfixklu u waqgħu fuq il-blat, imma reġgħu qamu minnufih fuq saqajhom u komplew mexjin. Fit-tarf tat-triq kien hemm ġnien meraviljuż mimli b’kull xorta ta’ hena, u l-erwieħ kollha daħlu hemm. Mill-ewwel waqt huma nsew it-tbatijiet kollha tagħhom” (nru. 153).

Il-mistoqsija tqum spontajna ħbieb: f’liema t-triq irrid inkun? Fit-triq li, fi kliem Fawstina, hi l-“wiesgħa, miksija ramel u fjuri, mimlija ferħ, mużika u kull xorta ta’ pjaċiri”? Beħsiebni nagħżel dik it-triq li twassalni, fit-tarf tagħha, eżattament għall-“preċipizju tal-biża’”, li mhu xejn għajr “l-abbiss tal-infern”? Jew se nkun għaqli u għaqlija għax nagħżel il-“mogħdija”, li, għalkemm “dejqa u mimlija xewk u blat; u n-nies li kienu mexjin fiha kellhom id-dmugħ f’għajnejhom,” għax “kienu għaddejjin minn kull xorta ta’ tbatija;” il-mogħdija li għalkemm “xi wħud tfixklu u waqgħu fuq il-blat” xorta waħda “reġgħu qamu minnufih fuq saqajhom u komplew mexjin?” Lest u lesta li nieħu din il-mogħdija li, “fit-tarf” tagħha, twassal għall-“ġnien meraviljuż mimli b’kull xorta ta’ hena, u l-erwieħ kollha daħlu hemm?” U, dan il-ġnien tant kemm hu meraviljuż li fih “mill-ewwel … nsew it-tbatijiet kollha tagħhom?”

Biex nikbsu dan id-don tal-qdusija jeħtiġilna li nkunu umli! Jiġifieri, u skont Santa Fawstina stess, “l-umiltà m’hi xejn ħlief verità”. Tissokta tgħallimna Fawstina: “M’hemmx biża’ jew mistħija fl-umilta’ vera. Għalkemm jiena nqis lili nnifsi l-iċken waħda fil-kunvent kollu, mill-banda l-oħra, nifraħ bl-unur li għandi li jiena għarusa ta’ Kristu. Ma jimpurtax li ta’ spiss nisma’ n-nies jgħiduli li jiena supperva, għax naf li l-ġudizzju tan-nies ma jasalx jiddixxerni l-motivi għall-azzjonijiet tagħna” (Djarju 502).

U l-Mulej, l-għaliex iħobbna tassew, iħarriġna fl-umiltà. Jgħidilna Papa Franġisku fl-Eżortazzjoni Appostolika tiegħu dwar is-sejħa għall-qdusija fil-dinja tallum, Gaudete et Exsultate, Ifirħu u thennew: “L-umiltà tista’ tniżżel għeruqha fil-qalb biss permezz tal-umiljazzjonijiet. Mingħajr dawn, la hemm umiltà u lanqas qdusija. Jekk int m’intix kapaċi ġġarrab u toffri xi umiljazzjonijiet, m’intix umli u m’intix qiegħed fit-triq tal-qdusija. Il-qdusija li Alla jagħti lill-Knisja tiegħu tiġi permezz tal-umiljazzjonijiet ta’ Ibnu: din hija t-triq. L-umiljazzjoni twasslek biex issir tixbah lil Ġesù, hi parti mix-xebh ma’ Kristu li ma nistgħux naħarbu: ‘Għal dan intom kontu msejħa, għax Kristu wkoll bata għalikom u ħallielkom eżempju biex timxu fuq il-passi tiegħu’ (1 Piet 2:21). Hu min-naħa tiegħu jurina l-umiltà tal-Missier, li jiċċekken biex jimxi mal-poplu tiegħu, li jistabar bl-infedeltajiet u t-tgemgim tiegħu (ara Eż 34:6-9; Għerf 11:23-12,2; Lq 6:36). Għal din ir-raġuni l-Appostli, wara l-umiljazzjoni, kienu ‘ferħana talli ġew meqjusa bħala nies li jistħoqqilhom li jkunu mmaqdra minħabba l-isem ta’ Ġesù’ (Atti 5:41” (nru.118).

Kuraġġ meta jgħidu kontrik, ma jġibukx, jagħmlulek il-ħsara, jgħiru għalik u idaħħluk fil-black books tagħhom! Kuraġġ għad-drabi li meta jarawk jieħdu qata’ u jagħmlulek il-boycotts! Berikhom, għinhom, u aħfrilhom. Għax jien, meta l-Mulej tani l-grazzja li nwieġeb b’dan il-mod, mingħajr ovvjament ma mmur kontra l-kuxjenza tiegħi li tagħha rrid nagħti kont, ħassejtni fil-paċi. U tibżax! Biż-żmien jagħtuk raġun bil-pulit!

M’hemm l-ebda qdusija vera mingħajr l-umiltà! Li hi d-don kbir, kbir, kbir tal-Ispirtu s-Santu!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.