Il-Papa f’Santa Marta: Id-demonju jeqred il-bniedem għax Alla sar bniedem bħalna

Print Friendly, PDF & Email

It-Tlieta, 12 ta’ Novembru 2019: Ix-xitan jeżisti u minħabba l-għira li għandu għal Iben Alla li sar bniedem, jiżra’ l-mibegħda fid-dinja, mibegħda li ġġib il-mewt. Il-Papa Franġisku tenna din l-istqarrija magħmula drabi oħra fl-omelija li għamel illum, fil-kappella tad-Dar Santa Marta.

Il-Papa Franġisku ddedika l-omelija għas-silta mill-Ktieb tal-Għerf (2:23–3:9) li jtina l-ewwel qari tal-liturġija.

Fl-ewwel vers il-Profeta jfakkarna li Alla ħalaqna xbieha tiegħu, aħna wlied Alla, imma minnufih iżid li minħabba l-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja.

Il-Papa spjega li l-għira ta’ dak l-anġlu supperv li ma riedx jaċċetta l-inkarnazzjoni wasslitu biex jeqred l-umanità. U b’hekk fi qlubna daħlu l-għira u l-pika, filwaqt li aħna nistgħu ngħixu bħal aħwa lkoll fil-paċi.

Dan hu l-bidu tat-taqbid u tal-kilba li nkissru.  Issib min jgħidlek: ‘Imma jien ma nkisser ’il ħadd.’  Le? Bit-tqassis tiegħek, meta tisparla dwar ħaddieħor, tkun qed teqirdu.

L-Appostlu Ġakbu jgħidilna li l-ilsien hu arma feroċi li toqtol. It-tqassis huwa qattiel, il-kalunja toqtol.

‘Imma, padre, jien mgħammed, nisrani prattikanti, kif nista’ nsir assassin?’ Għaliex, issokta jgħid Franġisku, ġewwa fina, sa mill-bidunett hemm gwerra. Kajjin u Abel kienu aħwa imma l-għira wasslet biex wieħed jeqred lill-ieħor. Din hi r-realtà.  Biżżejjed wieħed jara l-aħbarijiet: il-gwerer, id-distruzzjoni, nies li jimirdu u jmutu minħabba l-gwerer.

Il-Papa fakkar li fil-Ġermanja hemm l-anniversarju tal-waqgħa tal-ħajt ta’ Berlin, imma qed ifakkar ukoll it-torturi fuq kull min ma kienx ta’ ‘razza pura’, biex ma nsemmux ukoll it-terrur tal-gwerer.

Wara dan kollu hemm xi ħadd jimbotta. Huwa dak li aħna nsejħulu t-tentatur. Meta mmorru nqerru lis-saċerdot ngħidulu: ‘Padre kelli din, dik it-tentazzjoni.’ Huwa xi ħadd li jmisslek qalbek biex iwaddbek fit-triq il-ħażina; xi ħadd li jiżra’ l-qerda fi qlubna, li jiżra’ l-mibegħda.

Bosta drabi, kompla jgħid Franġisku, jiġini f’moħħi li l-aħbarijiet huma rakkont ta’ mibegħda bl-għan li joqtlu: attentati, gwerer. Hija ħaġa minnha li t-tfal imutu bil-ġuħ, bil-mard, għax neqsin mill-ilma, mill-edukazzjoni, mill-edukazzjoni dwar is-saħħa.  Imma dan għaliex il-flus meħtieġa għal dan jintefqu biex jipproduċu l-armi u l-armi jsiru biex jeqirdu, ikissru. Dak qed jiġri fid-dinja imma wkoll f’qalbi u f’qalbek. Minħabba ż-żerriegħa tal-għira tax-xitan, tal-mibegħda.

U għal xiex jgħir ix-xitan? Jgħir għan-natura umana tagħna. Għaliex? Għax Iben Alla sar bniedem bħalna. Id-demonju dan ma jistax jittollerah.  U għalhekk jeqred. Dan hu l-għerq tal-għira tax-xitan, l-għerq tal-ħażen tagħna, tat-tentazzjonijiet tagħna, l-għerq tal-gwerer, tal-ġuħ, tat-traġedji kollha tad-dinja.

Qerda u ż-żrigħ tal-mibegħda. Għalkemm mhux dejjem, imma dan isir ukoll fil-ħajja politika: xi wħud hekk jagħmlu. Għax il-politiku spiss għandu t-tentazzjoni li jħammeġ lill-ieħor, li jkissru, kemm bil-gideb u wkoll bil-verità, minflok b’konfront san u nadif għall-ġid ta’ pajjiżu. Jippreferi l-insult biex ibaxxi lil min jidhirlu li hu aħjar minnu.

Illum nixtieq li kull wieħed u waħda minna naħsbu ftit dwar għaliex fid-dinja hawn tant mibegħda:  fil-familji li xi drabi mank jistgħu jingħaqdu, fil-kwartieri, fuq il-post tax-xogħol, fil-politika. Din hi ż-żerriegħa tal-mibegħda. Minħabba l-għira tax-xitan daħlet il-mewt fid-dinja.  Issib min jgħidlek li x-xitan ma jeżistix! Imma l-kelma t’Alla hi ċara. Ix-xitan ħadha ma’ Ġesù kif naqraw fl-Evanġelju: għandna jew m’għandniex fidi, din ħaġa ċara.

Nitolbu lill-Mulej biex fi qlubna tikber il-fidi f’Ġesù Kristu Ibnu li ħa n-natura umana tagħna, ħalli nkunu nistgħu nitqabdu u negħlbu lid-demonju, lill-ħażen. U jalla dil-fidi ttina l-qawwa biex ma naqgħux għal-logħba ta’ dan l-għajjur kbir, il-giddieb il-kbir, dak li jiżra’ l-mibegħda.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading