Kollox pulit

Print Friendly, PDF & Email

Dħalt ġo knisja. Kienu l-ħdax nieqes kwart. Billi qatt ma kont rajt din il-knisja minn ġewwa, tajt ħarsa ‘l hemm u ‘l hawn. Mill-ewwel deher li se jkun hemm ‘xi ħaġa’. ll-knisja, kbira mhux ħażin, kienet kważi mimlija u n-nies kienu għadhom deħlin, b’ċerta serjetà.

Fil-bieb prinċipali tal-knisja kien hemm żewġt irġiel biex jilqgħu in-nies. Kienu libsin l-iswed u kellhom ċoff abjad. F’idejhom kellhom ingwanti bojod. Dawk li daħlu fil-knisja dehru jagħtu envelope lil wieħed minn dawn it-tnejn. Jien ħsibt li ġej xi tieġ, u għedt f’qalbi: ”Dawn jidher li għandhom id-drawwa li r-rigal tat-tieġ jagħtuh meta jmorru għall-Quddiesa!” Iktar ‘il quddiem fil-knisja kien hemm żewġ żgħażagħ li taw ktieb tal-Quddiesa lill-‘mistidnin’.

Kont żbaljat li ħsibt li kien tieġ! Fil-ħdax eżatt, mat-tokki tal-qanpiena tal-knisja, infetaħ il-bieb il-kbir u jidħlu grupp ta’ familjari mdawrin ma’ tebut merfugħ minn erbat irġiel, ukoll libsin iswed u bl-ingwanti. Kien funeral, u l-envelopes li ġabu n-nies kienu l-kartolini ta’ kondoljanzi, li aħna nibagħtu b’rispett lill-familji li jkun mitilhom xi ħadd.

Kollox sar pulit, b’kalma u serenità nisranija. Fuq l-orgni tal-knisja nstemgħet mużika sabiħa u li tixraq għal din l-okkażjoni. Fil-bqija tal-quddiesa dawk preżenti ħadu sehem sħiħ fit-talb u fit-kant. ll-kor kien immexxi minn surmast u kien tassew organizzat. Fil-waqtiet l-oħra, skiet perfett.

Kienet ċerimonja li tressqek lejn il-Mulej u lejn ħutna li mietu, għax min miet, aħna nħossuh ħdejna. Bħala nsara nemmnu li Alla jagħti l-premju lil min jgħaddi ħajja tajba. ld-dmir tagħna hu li nitolbu għall-mejtin u nitolbu lilhom ukoll biex jgħinuna. Dawk li mietu qegħdin ħdejn il-Mulej bħala l-ħbieb għeżież tagħna.

Joe Galea

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading