Il-mediċina tal-qalb

Print Friendly, PDF & Email

Il-qalb! X’organu dak! Kemm hu speċjali! Għax x’hemm aktar għeżeż u sabiħ mill-qalb? Il-qalb! L-organu li jirċievi u jippompja d-demm! Għax jirċievi l-ħajja biex imbagħad jagħtiha! Il-qalb li, mingħajrha, żgur li ma ngħixux!

U kemm hu ikraħ meta tieqaf din l-imbierka ta’ qalb! Għidli! Meta nkun hemm, f’Mater Dei! F’dawk is-siegħat kollha! Mal-poplu għażiż tagħna! Oh! Meta tieqaf il-qalb! Kemm nies jibku! Madwar dak jew dik li lilu u lilha ikun u tkun waqfet qalbu! U qalbha! X’xena ta’ niket u dieqa ikun hemm! Għax hekk ikun tabilħaqq ġara: il-qalb waqfet! Il-ħajja, li darba kienet timla’ dik il-qalb u li, dik il-qalb, kienet tagħti, b’tant imħabba u ġenerożità, għax hekk kienet maħluqa mill-Ħallieq u l-Feddej tagħna, ilkoll kemm aħna, issa din m’għadhiex hemm! Waqfet għal kollox! Għax qatgħet one-way ticket! Daħlet fl-eternità! Jew biex tgħix inkella biex tbati għal dejjem! Skont kif tkun imxiet hawn fl-art! Ma’ Qalb il-Mulej fi qlub oħra!

Il-qalb! Kemm nara qlub maqsuma ħbieb! Qlub li tant iħobbu! U, għax iħobbu, jiġu tant iġġudikati! Maltratti! Qlub li jagħtu lilhom infushom! Jitbażwru jaqdu! U xi jsibu? Qlub iebsa! Li jħasru lejhom imma mhux fihom! Qlub li ma jridux jafu bi ħniena u mħabba vera! Qlub li ma nafx x’jidhrilhom li huma! Għax jekk jaraw x’inhuma tassew ma jqumux minn fuq it-toilet!

U, il-mistoqsija, toħroġ spontanja: Għalfejn il-qalb tixraf? Għalfejn tiħdar? Meta nafu li ħajjitna, f’din l-art, hi tant qasira? Ġieli kien hawn min, u għad hawn min, li jiġġustifika d-demel tat-tixrif tal-qalb meta jiġġudikak għax jgħidlek: Għax int tiġi taqa’ u tqum! Imma veru? Jew inkella: Għax int biex tisserva? Imma, nerġa’ ngħidlek, veru? Jew, l-għaliex int biex tiġġustifika u tkun komdu jew komda? Imma int bis-serjetà raġel, mara, qassis, soru, patri, fra, żgħażugħ, żgħażugħa u l-bqija?

Il-qalb! Ma nistax nifhem l-għaliex bniedem jiħdar! Ma nistax nifhem kif bniedem juża’ qalbu bħala reċipjent biex minnha itella’ l-bullets ħa jibbottja, jaggredixxi u jibbulja lil ħaddieħor billi jweġġagħlhom qalbhom! L-aktar jekk jgħid li hu Nisrani! L-aktar jekk jgħid li jisma’ il-quddies! L-aktar jekk jgħid li ma jagħmel ħsara lil ħadd! L-aktar jekk qatt ma jersaq lejn Knisja għax tant kemm jaħseb li hu raġel u mara sew li ma jħossux u ma tħosshiex għalfejn għandu u għandha jitniġġes u titniġġes fil-Knisja. U, biex jgħaqqad kollox, l-aktar jekk iqaddes u jqarar.

Il-qalb! Meta tkun mimlija ħdura toħodna għall-irdumijiet! Darba l-Mulej tani din it-taqbila li qatt ma nieqaf inxandarha: Bil-ħdura mhux ‘il quddiem immorru imma lura! Hekk hu ħbieb! Għaliex din il-ħdura fil-qalb? Għaliex din ir-rabja? Qisu qatt ma jien se nagħlaq għajnejja? X’gost nieħu li nagħmel ħajjet il-povri li qed jgħixu miegħi fil-familja, fil-kunvent, fil-Knisja, fuq il-post tax-xogħol u fejn ma nafx jien, infern? Għax dejjem bil-ġlied u l-inkwiet? Għiduli: x’gost hemm?

Diġà hawn xebgħa problemi fostna fis-saħħa. Min għandu hekk u min għandu hekk. Issa, biex inkomplu ngħaxxquha, problemi fil-qalb ta’ dan it-tip jonqos! Nagħmlu tant plejtu fuq is-siġar, l-ambjent, l-annimali u ma nafx jien? U sewwa nagħmlu. Imma possibbli fuq il-ħdura fil-qlub m’aħniex nitkellmu? Iva, minn tant ħwejjeġ, din qabżitilna? Għalfejn qed naraw it-tibna f’għajn ħaddieħor meta f’għajnejna għandna travu daqshiex? It-travu tal-ħdura? Tal-mibegħda? U tal-vendetta goffa u pulita?

X’gost nieħu li persuna nkissirha għax ninfdilha qalbha? X’gost nieħu li persuna, aktar ma naraha qed tagħmel ħilitha, anki jekk marida, minn fuq ngħajjarha u ninsultaha? X’gost fiha li persuna ngħidilha li qed tidħak bin-nies? X’gost fiha li persuna nkissrilha l-paċi li jkollha? X’gost fiha li persuna nheżżiżha? X’gost fiha li persuna ninfidha u nħalliha tifga’ fil-ferita li nikkawżalha? Għiduli ħbieb, x’gost fiha?

Hemm arahom il-familji u l-komunitajiet reliġjużi tagħna fejnhom! Xomm l-intiena tal-materja li ħierġa mill-ġrieħi! Ħares lejn l-għajnejn imdemma u mkissra! Ara l-preferenzi! Min hu paxxut u min hu batut! Iva għandna mistħija mill-Mulej aħna ħbieb? Niftakru li ġurnata għad irridu nagħtu kont ta’ għemilna? Kif nista’ jien immur nitlob fil-paċi meta naf li lil ħija u lil oħti niffiditilha qalbha hekk? B’mod makabru? U bla ebda ħniena ta’ xejn?

Dan ngħidu għax ngħixu l-ħin kollu u anki l-għaliex il-Mulej ilaqqagħni ma’ nies b’qalbhom maqsuma. Kemm hawn min qalbu tnixxi d-demm! Kemm hawn min ħabb u ġie u ġiet mormi u mormija! Ħabbew aktar fih il-money, money, money! U meta dawn spiċċaw, il-Ms qaltlu: Bye bye! U meta ma baqgħetx aktar bħalma kienet, is-sinjur ramieha l’hemm! Għax iffissat fuq l-update! Fil-ġdid! Fil-modern! Mela armieha ‘l hemm! Għax xjaħet! Qdiemet! La marad u mardet, u ma jistgħux jagħtu dak li kienu jagħtu, armiehom ħi! U x’jimpurtani jekk dawk huma ħuti! Tad-demm jew tal-ispirtu!

Imma l-vili hi dawk li qed jissawtu l-għaliex ma jappartjenux għall-ebda ‘klikka’! Dawn, għax m’għandhomx min jaqbeż għalihom, dejjem jaqilgħuha fuq rashom imsieken! Dawn dejjem jiġġudikawhom! U kulma jagħmlu dejjem jiġi nterpretat ħażin. Għax dawn ħadd m’għandhom min jipproteġihom. Għax, skont xi wħud, dawn m’humiex personae grate! U, lil dawn il-lazzri, issibhom fid-dar, fil-kunvent, fil-Knisja u fis-soċjetà! Dawn, jaħasra, ikunu jixtiequ mqar min jgħidilhom: Isma’ ħanżir! Ħanżira! Int okay? U, ngħidlek okay, mhux biex inkun pastaż u pastaża miegħek biex ninqeda bl-okay ħa nkissrilek ħajtek biex naħkimhielek! U hekk inkun satanist u satanista perfetta!

Imma, lil dawk ta’ qalbhom maqsuma, lil dawk ta’ qalbhom mifnija, lil dawk li huma għejjiena għax ma jifilħux aktar bil-ħażen sfaċċat li jirċievu fil-familji, fil-komunitajiet, fil-Knisja u fis-soċjetà, infakkarhom biss fil-kliem qawwi ta’ Ġesù: Meta jibda jseħħ dan kollu, qawwu qalbkom u erfgħu raskom, għax il-fidwa tagħkom hi fil-qrib (Lq 21:28). Għax, aktar ma jippersegwitawk għax għandhom għalik lanżita daqs illum u għada, aktar se tkun qawwi! U qawwija! Ftakar ħaġa, ħija, oħti, int li ta’ madwarek ma jifilħukx għax int aktar popolari minnhom, għax għandek aktar talenti minnhom, għax għandek talent li huma, imsieken, fl-għira tagħhom, m’għandhomx, għax minn ġewwa dejjem imbaqbqin għax jarawk tagħmel il-ġid, jiġifieri li tħalli lil Ġesù jħobb u jgħin bik: Il-ħażin ħżunitu teqirdu! (S 34:22).

Għax għad jiġi żmien, u forsi mhux fil-bogħod, meta tara jseħħ quddiem għajnejk, u jiżżarżar u jitħaxxwex taħt imnieħrek, dak li hemm miktub f’Salm 37: Mbagħad tara l-ħżiena meqruda.
Jien rajt wieħed ħażin jitkabbar jinfirex qisu ċedru tal-Libanu. Rġajt għaddejt, u ma rajtux; fittixtu, u ma sibtux (S 37:34-36). U għaliex is-salmista qed jgħid: rġajt għaddejt (S 37:36)? Għax min jittama fil-Mulej ma joqgħodx le jiddamdam u jinfena bil-ħażen li jagħmlulu ta’ madwaru! Ma joqgħod le iqis x’inhuma jagħmlulu! Kulma jagħmel hu li jittama! U li jitlob it-talba tat-tama! Imma x’talba hi din Patri?

Hawn araha sieħbi! Hawn hi t-talba li se nagħtik illum! Għax b’xejn lili ġiet mogħtija u b’xejn iva irrid nagħtihielek! It-talba hi t-talba tal-qalb! Jew, biex insejħulha hekk, il-mediċina tal-qalb! Hi t-talba li fiha biss għaxar kelmiet! Talba sempliċi! Li, waqt li qed taqraha, waqt li qed tieħu l-kafè jew it-tè f’dan il-Ħadd imqaddes, żgur li ħa tinżillek għasel! Għax aqta’ kemm hi veritiera! Fuq din it-talba aħseb! Lilha xtarr! Fuq iffissa ħarstek! U fuqha tkellem! Ħalliek mid-demel ta’ azzjonijiet u kliem li x-xitan qed jagħmel u jgħid bihom! U ħalliek anki mill-attitudni mill-aktar moqżieża ta’ kburija li ħallew lil brejbes illibishom biha biex iħalluh ikerraħhom, ikissirhom, iterqilhom ġisimhom bil-mard u jindannalhom ruħhom.

Iffoka fuq din it-talba sabiħa. U itlobha l-ħin kollu! Mhux darba! Anki, jekk hemm bżonn, mija, mitejn, elf, elfejn u l-bqija ta’ drabi kuljum! Mulej Ġesù, Bin Alla l-Ħaj, ikollok ħniena minni, jiena midneb, u midinba! Itlobha sieħbi u la tieqafx! Għax, meta titlobha, titqaxxar mill-ħruq tal-azzjonijiet, tal-kliem u tal-attitudnijiet tal-infern li sparawlek. Għax, meta titlobha, tibda’ tberikhom u titlob lill-Mulej ikollu ħniena minnhom, imsieken!

U, għad jiġi żmien, li huma stess, forsi meta jispiċċaw bla snien inkella jispiċċaw ħaxixa, li jkollhom jgħidulek, bil-mod tagħhom: Kellek raġun! Aħfirli! Grazzi li ħabbejtni! Għax din hija l-mediċina vera tal-qalb: li nħobbu u nħennu għal xulxin! Imma dan nagħmluh jekk nieħdu l-mediċina kontinwament. Jiġifieri, li nitolbu, b’qawwa kbira, u ma nieqfux: Mulej Ġesù, Bin Alla l-Ħaj, ikollok ħniena minni, jiena midneb, u midinba!

Ippruvaha din il-mediċina sieħbi! U ara kif tmur biha! Ngħidlek biss li jekk tmur tajjeb qis li taqsamha ma’ ħaddieħor biex jużaha wkoll. Bil-kelma. Fuq il-Facebook. U fejn trid u ma’ min trid!

Nawguralek!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: