Il-bebbuxu


Inix żgħar inkella kbir jew mezzan, lili kulħadd jinnutani. Tarawni miexi fil-ġnien tagħkom. U tisprenjawli l-pestiċida u toqlutni. Biex ma ngħidx għad-drabi li tgħaffġuni għax inkun f’xi passaġġ! Għalhekk, beżgħan minn din il-kimika li toqtolni, arani nerħilha mewweġ, pass pass, lejn il-widien sbieħ tagħkom.

Kemm nieħu gost! Hemm wara l-ħajt! Meta noqgħod għall-kwiet. Protett. Imħares. U kajman. Imma, f’dak is-skiet, ta’ wara l-ġebel, hux tal-ħitan inkella ta’ dawk li jkunu mal-art, jew ma’ xi mogħdija, jien nkun qed nistenna. Iva ħbieb! Nistenna dik ix-xita ħelwa li taqlagħni minn dik it-toqba ħa noħroġ u nagħmel dik l-ikla li tant ikun ilni nistennieha! Ikla li tkun ilha f’qalbi u f’moħħi għal ħafna u ħafna xhur!

Niżżik ħajr Mulej li bħalissa, f’Malta u f’Għawdex, infetħu bibien is-sema! Niżik ħajr għaliex, b’riħet ix-xita li qed tagħmel, nista’ issa nieħu gost noħroġ mill-moħba tiegħi u nagħmel dawk il-passejn li tant inkun ilni nistenniehom. Almenu ħalli niekol xi ħaġa! Għax jien tassew li niddependi minn dak li tibgħatilna l-qalb ħanina ta’ Alla tagħna (Lq 1:78). Kemm niddependi mix-xita li traxxax f’artkom! Għalhekk, meta mill-moħba tiegħi nara s-sħab tiela’, kuntrarju għal uħud minnkom li forsi jkunu se joħorġu fil-kampanja u msarinhom jinżlu f’saqajhom għal dik is-swidija ta’ temp li titfaċċalhom, jien aqta’ kemm nifraħ għax fl-aħħar tkun ġejja x-xita! U, ix-xita, għalija, tfisser ikla tajba! Ikla ħaxix! Ikla li żommni tajjeb għal ħafna u ħafna żmien fil-moħba tiegħi fis-sajf!

Issa jien ħbieb tassew li nixbaħ lilkom il-bnedmin! Għax anki intom, mhux l-ewwel darba li xi avventura minn tagħkom taf nbidlitilkom fi traġedja! Taħsbu li se tieħdu gost u, f’ħakka t’għajn, kollox jinbidel għall-ħażin! Tafu li anki jien hekk jiġrili meta tagħmel l-ewwel xita! Għall-ewwel naħseb li, wara l-ewwel xita, jiena se noħroġ u nimla’ żaqqi. Bħalkom! Kollu santu ċajt! Minn minna l-ħlejjaq ġie maħluq biex jorqod bil-ġuħ? Ajma! L-aktar wara li jkun ħadem fuq li ħadem!

Imma l-ħajja taf tkun kiefra anki miegħi, sempliċi bebbuxu! U l-mawra tiegħi biex infittex l-ikel wara x-xita li traxxax taf tkun il-mewta tiegħi stess! Kemm-il darba nqbadt fil-widien u fil-ġonna privati! Waqt li nkun qed indur ma’ dik il-werqa! Jew intaqqab xi larinġa fis-siġra! Jaħasra! Bir-radar tiegħi aqta’ kemm inkun qed nieħu gost niekolha! Naqra naqra! Ifhmuni! Il-ħasda noħodha! Dik li mill-ewwel nara ġejja lejja biċċa ta’ id daqshiex, nieżla nieżla għal fuqi bħal seqer jew ajkla lili twaħħaxni! Ġieli smajt min jgħid, hekk kif qabadni f’idejh u f’idejha: Ara daqshiex fih Alla jbierek dan il-bebbuxu!

U mbagħad, wara li niġi maqbud, dlonk nintefa fil-borża tal-plastic! Ara jien jaħasra li, għomri u żmieni, imdorri nxomm ma’ imnifsejja dik l-arja ta’ barra u dik ir-riħa tfuħ tal-ranċiż inkella tal-fjuri, ħaxix u l-pjanti li taf toffri din l-art ħelwa, l-omm li tagħtna isimha, u imbagħad nispiċċa ndur u nitqalleb fil-borża tal-plastic? X’differenza ta’ sitwazzjoni ħbieb! U, ġieli kemm jitlagħli li nkun vilment ġejt meħud u maqtugħ mill-ambjent tiegħi tan-natura Maltija, tafu li mill-ewwel nibda niżbel! Tant li nħalli dak il-likwidu fil-borża li tkun qed iżżommni bħala protesta ta’ dak li nkun ġejt imċaħħad minnu!

U mbagħad, wara l-qabda, joħduni u jitfgħuni fil-gaġġa. Biex isajmuni. Issa jien naf li intom, bħala Insara, suppost li issumu Randan ta’ erbgħin ġurnata. Insomma! Randan! Hawn min ma jiekolx ħelu. U hawn min ma jiekolx hekk u ma jiekolx hekk. Imma, minn naqra li naf fuqkom, intom xorta waħda tieklu fir-Randan tagħkom! Xorta waħda tixorbu! Mela, is-sawm tagħkom mhux daqshekk ikiddkom. Almenu safejn nista’ nifhem jien!

Imma ara jien ħbieb! Lili tittrattawni b’mod differenti! Lili titfgħuni nsum daqs ħmistax-il ġurnata jew tlett ġimgħat. Mingħajr ħobż u lanqas qattra ilma. Is-sawm li sawwmuni jkun tassew iebes. Għax ikun sawm li lili jbattalli l-istonku tiegħi u jġibu xejn. U niexef qoxqox! Kemm-il darba staqsejt lili nnifsi: Għalfejn tagħmluli hekk? Imma t-tweġiba malajr ħadtha ħbieb meta introduċejtuni għall-borma bl-ilma jagħli. U hemm, f’dak l-ilma jbaqbaq, xħettuni ġo fih biex issajruni!

Ġieli sajjartuni fil-birra u ġieli fl-inbid. Il-gosti tagħkom diversi. Mhux bħal tiegħi, li l-gost tiegħi hu li ngħix! U mhux li immut! Fil-fatt, jien ma ridtx immut! Għax jien, bħalkom, ġejt maħluq biex ngħix! U ngħix bil-kotra! Ġejt maħluq biex ingawdi l-ħolqien magħkom u qatt biex nispiċċa mittiekel hekk, bħala ikla deluxe!

Għax, ngħid jien, x’hemm tassew deluxe fil-ħajja jekk mhux li ngawduha? Issa, apparti minn dak li tagħmluli, u ta’ dan jien naħfrilkom u nagħdirkom minn qalbi, nixtieq insemmi xi ħaġa li tgħidu fuqi. Lili tarawni nimxi bil-mod u sieket. Veru! Storbju ma nagħmilx! Imma dak li għandi nagħmlu nagħmlu. U, għalkemm nieħu l-ħin u t-temp biex nagħmlu, xorta waħda nwettqu!

Fuq din ħbieb irrid li nieqaf illum! Fuq din irrid inħeġġiġkom tgħixu f’ħajjitkom! Li għandkom tagħmlu, għax hu sewwa, għamluh! Ippjanawh! Bħalma nippjana ħajti jien! Itgħallmu minni! Jien naf meta għandi noħroġ u meta nibqa’ fil-blat. Jien għandi ż-żmien tiegħi. Mela, anki intom, għeżież bnedmin, li ġieli tiekluni, intom ukoll għandkom iż-żmien tagħkom. Għax fil-ħajja hemm ħin għal kollox! Eżatt mela kif jgħid dak il-ktieb sabiħ ta’ Koħelet li uħud minnkom tant iħobbu jaqraw! Almenu din is-silta li se nikkwotalkom issa:

Kollox għandu żmienu, u kull ħaġa għandha waqtha taħt is-sema: Żmien li titwieled, u żmien li tmut; żmien li tħawwel, u żmien li taħsad l-imħawwel; żmien li toqtol, u żmien li tfejjaq; żmien li ġġarraf, u żmien li tibni; żmien li tibki, u żmien li tidħak; żmien li tagħli, u żmien li tiżfen; żmien li tarmi l-ġebel, u żmien li tiġbru; żmien li tgħannaq, u żmien li tiċċaħħad mit-tagħniq; żmien li tikseb, u żmien li titlef; żmien li terfa’, u żmien li tarmi; żmien li tqatta’, u żmien li ssewwi; żmien li tiskot, u żmien li titkellem; żmien li tħobb, u żmien li tobgħod; żmien it-taqbid, u żmien il-paċi (Koħ 3:1-8).

Agħrfuh iż-żmien! U ntebħu meta azzjoni għandkom todħuha u meta le! Meta kelma għandkom tgħiduha u meta le! Meta rabja għandkom tesprimuha u meta tieħdu l-ħin tagħkom biex titħaddtu fuqha! Ħudu ż-żmien! Imxu bil-mod! Għax hekk, fil-ħajja, taslu! Tinsewx li min jimxi bil-mod jimxi fit-tul! Għax min fil-ħajja jgħaġġel jsib ma’ wiċċu l-mewt!

Bil-kalma u t-trankwillita tilħqu l-għanijiet tagħkom! Imma jekk tgħaġġlu ma takkwistaw xejn u hekk tispiċċaw taqtgħu qalbkom! Tinsewx x’jgħid l-għaref Konfuċju: Ma jimpurtax kemm timxi bil-mod. L-aqwa li ma tieqafx!

Veru li fl-art sabiħa tagħkom m’hemm l-ebda liġi li tipproteġini imma jekk tistgħu tħalluni ngħix naqra magħkom aqta’ kemm nieħu pjaċir! Ikun ħafna aħjar għalija milli nispiċċa ngħum fil-birra, fl-inbid jew fiz-zalza!

Grazzi li qrajtu u smajtu l-appell ċkejken tiegħi! Il-bebbuxu!
Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.