Il-Ħadd, 1 ta’ Diċembru 2019: Fis-Santwarju Ta’ Pinu, l-Isqof Mario Grech bierek replika tal-Kwadru tal-Madonna Ta’ Pinu maħduma apposta biex ‘tinqara’ minn dawk neqsin mid-dawl.
Rikording tal-quddiesa sħiħa:
Rikording tal-omelija waħidha:
ALLA LI JINTLAĦAQ MINN KULĦADD
Huwa faċli li meta nisimgħu kliem bħal dan li jgħid Ġesù fil-Vanġelu – “Kunu lesti… għax qatt ma tistgħu tobsru s-siegħa li fiha jiġi Bin il-bniedem” (Mt 24:44) – jaqbadna l-biża’, għax normalment aħna nassoċjaw din is-siegħa mal-mument tal-mewt! Imma Ġesù Kristu ma jridx ikattar il-biża’ li aħna għandna. Fil-ħajja hemm diversi ħwejjeġ li jtaqqlulna moħħna, inisslu fina tħassib serju u jaqtgħulna qalbna; imma allaħares Alla tagħna huwa Alla tat-twerwir.
Mela xi jfisser dan il-kliem? Hawnhekk Ġesù qed jagħmlilna proposta biex jekk jista’ jkun aħna niltaqgħu miegħu “llum”. Jien għandi x’jgħidli li meta tisimgħuna nitkellmu dwar din il-laqgħa tal-bniedem ma’ Alla, fostkom ikun hemm min huwa konvint li dan id-diskors ma japplikax għalih – dan il-kliem ma jdoqqx għal widnejh għax ikun konxju mid-dgħufija tiegħu. Fil-fatt, hemm min jaħseb li peress li għandu storja mħawda, hu ma jikkwalifikax biex jagħmel din l-esperjenza ta’ Alla f’ħajtu. Diversi huma tal-fehma li Alla mhux ser jaħli ż-żmien mal-midinbin.
Dan ix-xorta ta’ raġunament huwa żbaljat. Għax b’xorti tajba Alla jaħsibha differenti minna l-bnedmin. Aktar ma l-bniedem ikun mgħaddas ’l isfel fil-ħmieġ, aktar il-qalb ta’ Alla tkun imħeġġa għalih. F’każijiet bħal dawn, ix-xewqa ta’ Alla li jiltaqa’ ma’ dan il-bniedem aktar tissaħħaħ.
Imbagħad hemm min jirraġuna li billi ma jgħaddix sigħat jitlob għarkupptejh, għax bilkemm isib nofsiegħa l-Ħadd biex jisma’ l-quddiesa, allura qatt ma jista’ jġarrab din l-esperjenza daqshekk mill-qrib ma’ Alla.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù jagħtina tweġiba meta jgħid li l-miġja ta’ Bin il-bniedem ser tkun bħal kif seħħ fi żmien Noè. Dakinhar qabel id-dilluvju n-nies “kienu jieklu u jixorbu, jiżżewġu u jżewġu, sa dakinhar li Noè daħal fl-arka u b’xejn ma ntebħu sa ma wasal id-dilluvju u ġarr lil kulħadd”. Ara ma jkunx hawn min jaħseb li hawnhekk Ġesù qed jgħidilna li huwa ħażin li nieklu u nixorbu! Ġesù mhux qed jikkritika l-attività tagħna l-bnedmin, imma l-mod kif aħna naġixxu. Kulu u ixorbu flimkien. Dan huwa sinjal sabiħ tal-għaqda ta’ bejnietna. Ħasra li llum il-familja ma għadhiex toqgħod ma’ mejda biex tiekol flimkien; ħasra li llum il-ħbieb mhux lakemm isibu ħin biex jintasbu ma’ mejda u jieklu bukkun flimkien! Dak li qed jinnota hawnhekk Ġesù kien li fi żmien Noè tant kienu medhija fl-ikel u x-xorb illi aljenaw ruħhom u nħakmu mid-distrazzjoni. Alla ħabbat fuq il-bieb ta’ darhom, għamlilhom żjara, imma huma baqgħu ma ntebħux għax moħħhom kien wisq mimli bl-ikel u l-inbejjed. Ġesù qed jistedinna biex fil-ħajja nkunu aktar attenti, għax jaf ikollna l-mument tal-grazzja u nitilfuh. Bir-raġun Santu Wistin kien jgħid: “Nibża’ minn Alla għaddej għax ma nindunax bih”. Bħal Santu Wistin aħna għandna nitħassbu meta bin-nuqqas ta’ attenzjoni tagħna nistgħu nitilfu l-okkażjoni li niltaqgħu mal-Mulej.
Fil-Vanġelu tal-lum Ġesù qed jgħinna nwarrbu ċerti fehmiet li għandna f’moħħna, bħal meta naħsbu li l-laqgħa tagħna ma’ Alla sseħħ biss f’ċirkustanzi straordinarji – f’mumenti ta’ barra minn hawn! Oħrajn huma konvinti li din l-esperjenza hija ristretta għal ftit min-nies jew għal ċerta kategorija ta’ nies. Dan mhux minnu, għax Alla jrid jiltaqa’ ma’ kull wieħed u waħda minna. Alla jista’ jintlaħaq minn kulħadd!
Interessanti meta fil-Vanġelu Ġesù jkompli jgħid li l-miġja ta’ Bin il-bniedem tista’ sseħħ meta “tnejn ikunu fl-għalqa, wieħed jittieħed u l-ieħor jitħalla; meta żewġ nisa jkunu jitħnu flimkien, waħda tittieħed u l-oħra titħalla”. Anki dan il-kliem jista’ jħawwadna jekk naħsbu li hawnhekk Ġesù qed jitkellem fuq xi għamla ta’ ġudizzju. Imma Ġesù qed ifissrilna li hu jista’ jiġi wiċċ imb wiċċ magħna fl-ordinarjetà tal-ħajja, waqt l-impenji u r-relazzjonijiet normali tal-ħajja. Fil-fatt, meta jirreferi għal dawk li kienu jagħżqu u għal dawk li kienu jitħnu, Ġesù ma kienx qed jagħmel diskors ta’ terrur imma ġab żewġ eżempji mill-ħajja ta’ kuljum ta’ dak iż-żmien! Kieku llum kien jgħid, tnejn qegħdin fl-uffiċċju jew tnejn qegħdin f’fabbrika. Kif kont semmejt fl-omelija fi tmiem is-Sena Marjana, “il-Ġiżwita San Pietru Favre (1506-1546) kien konvint li l-preżenza ta’ Alla tnibbet kullimkien. Il-mistiku Meister Eckhart (1260-1328) kien jgħid: ‘Stennew li ssibu lil Alla f’kollox. Kristu huwa attent għall-ħajja tagħna fl-isfumaturi kollha tagħha’. Fil-fatt, Rahner jitkellem dwar dak li jsejjaħ ‘il-mistiċiżmu fil-ħajja ta’ kuljum’. Il-ħajja ta’ kuljum hija ‘skola ta’ talb’ għax iġġibna wiċċ imb wiċċ ma’ fatti u esperjenzi li qegħdin hemm biex ilaqqgħuna mal-misteru ta’ Alla li huwa preżenti sieket. Santa Tereża minn Avila tgħid lis-sorijiet li ‘Alla tiltaqa’ miegħu qalb il-borom, it-twaġen u kzazel fil-kċina’. F’waħda mill-viżjonijiet tagħha, Ġuljana minn Norwich (1342-1416) titkellem fuq ‘Alla tad-dar’. Fi kliem ieħor nistgħu ngħidu li nistgħu niltaqgħu ma’ Alla meta jkollna l-ixkupa f’idejna, waqt li tkun tkaħħal, waqt li tkun l-uffiċċju, fis-sala tal-isptar, terfa’ l-merkanzija fis-supermarket, waqt li tkun bl-uniformi tħares l-ordni, waqt li tiddiskuti l-liġijiet tal-pajjiż… Jekk Alla mhux preżenti fil-ħajja ta’ kuljum, ifisser li dak ‘Alla’ li nemmnu fih huwa biss ħlejqa ta’ moħħna jew tat-tradizzjoni u mhux Alla ħaj! Daqskemm il-laqgħa ma’ Alla tista’ ssir fit-tempju, daqshekk ieħor tista’ ssir fit-triq. Hemm kontinwità bejn l-esperjenza li nagħmlu ta’ Alla waqt il-liturġija (sagramenti) u l-esperjenza ta’ Alla fil-ħajja ta’ kuljum. Meta nqis kif hija ċċelebrata ċerta liturġija tagħna, ma niskantax li jkun hawn min aktar jiġi qrib ta’ Alla fil-pjazza milli fit-tempju!”.
Billi Alla jikteb dritt fuq linji mgħawġin, kunu afu li nistgħu niltaqgħu ma’ Alla anki waqt il-kuntrarju. Ħafna drabi meta naraw id-diżordni madwarna nissuspettaw li Alla jkun telaqna. Imma mhuwiex hekk, għax ukoll fl-affarijiet mgħawġin nistgħu niltaqgħu ma’ Alla.
Illum għandna magħna l-persuni diżabbli għax qegħdin f’ġimgħa li matulha s-soċjetà ċivili qed tistedinna biex nirriflettu ftit dwar dawn l-aħwa. Għalhekk, fid-dawl tal-Vanġelu li smajna, nixtieq nippreżenta lill-persuni b’diżabbiltà bħala dawk li jafu jkunu opportunità biex aħna niltaqgħu ma’ Kristu. Ħafna drabi meta nitkellmu dwar dawn il-persuni nfittxu naraw kif nistgħu ngħinuhom; imma ma ninsewx li huma wkoll jistgħu jgħinuna. Jista’ jiġri li fid-diżabbiltà tagħhom, dawn il-persuni huma abbli aktar minni biex ilaqqgħuna ma’ Alla. Jien konvint li madwarna hawn persuni li jikkonfermaw dan kollu – persuni li jistgħu jgħidu li ltaqgħu ma’ Kristu mhux meta semgħu xi omelija, imma meta ltaqgħu ma’ persuni diżabbli li jkunu jikkomunikaw il-qawwa ta’ Alla. Niftakar omm li kellha tifel diżabbli tgħidli li kienet konvinta li Alla żarha fil-persuna ta’ binha! Ukoll meta aħna nsostnu lil dawn ħutna biex jirbħu l-iżvantaġġi ġejjin mid-diżabbiltà tagħhom, aħna għandna l-possibbiltà li niltaqgħu ma’ Ġesù fl-ordinarjetà – kien Ġesù nnifsu li qalilna li dak li nagħmlu mal-iċken wieħed fostna, inkunu qegħdin nagħmluh miegħu.
Il-paċi magħkom.