Ngħinu lill-oħrajn kif għallimna Ġesù

Print Friendly, PDF & Email

L-Erbgħa, 4 ta’ Diċembru 2019: L-Isqof Awżiljarju fuq il-kampus tal-Università. L-Għaqda Studenti tat-Teoloġija ttella’ d-19-il edizzjoni tal-inizjattiva Orange Campaign fl-Università ta’ Malta.

Studenti mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija waqt Orange Campaign
Illum tasal fi tmiemha d-19-il edizzjoni tal-inizjattiva Orange Campaign li qed tittella’ mill-Għaqda Studenti tat-Teoloġija b’risq il-Fundazzjoni Richmond u l-missjunarji li qegħdin jgħinu lill-vittmi tat-terremot fl-Albanija, li ħalla 51 mejta, 2,000 midruba u 4,000 bla dar. Studenti tat-teoloġija bigħu larinġ magħsur frisk u ħelu varju matul il-jumejn li għaddew.

Il-messaġġ tal-Isqof Awżiljarju Joseph Galea-Curmi

Hija okkażjoni sabiħa ħafna li niftakru f’din l-inizjattiva, mibdija proprju minn Fr John Berry u sħabu tant snin ilu, u li kompliet tul is-snin turi kemm hija importanti għall-Għaqda Studenti tat-Teoloġija, li jkunu b’dan l-impenn favur dak li huma f’xi mod jew ieħor fi bżonn partikulari. Anki biex jaħdmu għad-drittijiet ta’ persuni li għandhom xi problema ta’ saħħa mentali bħalma qed tagħmel il-Fundazzjoni Richmond, li naħseb qed tagħmel xogħol tant importanti. u anki kif issemma’ fil-każ tal-Albanija fejn ġara dak it-terremot, favur dawk li huma fil-bżonn bħalissa hemmhekk.

Meta naħsbu fl-oħrajn qed nidħlu proprju fl-ispirtu ta’ dan iż-żmien li jħejjijna għall-Milied. Għalhekk nifirħilkom għal din l-inizjattiva. Jalla jkun hemm diversi li jieħdu sehem f’din l-inizjattiva u anki jidħlu f’dan l-ispirtu. Importanti li inizjattiva bħal din tħeġġeġ dan l-ispirtu fl-oħrajn f’dan iż-żmien u li jkun il-pjaċir tagħna li qed ngħinu lill-oħrajn kif għallimna Ġesù.

Prosit ta’ din l-inizjattiva.

✠ Joseph Galea-Curmi
Isqof Awżiljarju

Leave a Reply

%d bloggers like this: