Imnedija l-bijografija dwar Mons. Philip Calleja

L-Erbgħa, 4 ta’ Diċembru 2019: 70 sena ta’ ħidma dedikata lill-emigranti Maltin u l-barranin li jfittxu l-ażil f’Malta. Imnedija l-bijografija dwar Mons. Philip Calleja f’Dar l-Emigrant, il-Belt Valletta.

Capture

Nhar l-4 ta’ Diċembru tnieda l-ktieb Philip Calleja – Għex għall-bniedem maqlugħ minn għeruqu mill-Kummissjoni Emigranti u Midsea Books dwar is-70 sena ta’ ħidma li Mons. Calleja ddedika għall-emigranti Maltin u l-familji tagħhom, għall-barranin li jfittxu l-ażil f’Malta, u għall-Knisja f’Malta.

Il-bijografija ta’ 500 paġna nkitbet minn Charles Buttigieg li għal bosta snin ħadem mill-qrib ma’ Mons. Calleja u jħares lejn Mons. Calleja bħala l-qassis tal-emigrant Malti u Sammaritan tar-refuġjat f’Malta. Il-ktieb joffri wkoll l-istorja tal-Kummissjoni Emigranti, li twieldet fl-1 ta’ Marzu, 1950, f’Palazzo Carafa, il-Belt, b’inizjattiva tal-Azzjoni Kattolika Maltija. Jagħti wkoll il-ġrajja ta’ Dar l-Emigrant, fil-Belt, proġett maħsub u mwettaq bl-impenn ta’ Mons Calleja.

Il-ktieb fih ħames taqsimiet: it-trobbija ta’ Mons. Calleja u ħajtu fil-Belt; l-imħabba u d-dedikazzjoni tiegħu għall-emigrant Malti u familtu; il-ħidma tiegħu fil-Knisja; il-qalb kbira sammaritana tiegħu għar-refuġjati; u x’jgħid Mons. Calleja dwar persuni partikolari li ltaqa’ magħhom matul is-snin.

Il-messaġġ tal-Arċisqof Charles J. Scicluna waqt it-tnedija

Nixtieq nirringrazzja ħafna lil kull min ġie għal din l-okkażjoni anke biex nuru l-apprezzament tagħna lilek, Mons. Calleja. Qabel xejn ngħidu grazzi lil Alla li minnu jiġi kull don perfett, li minnu jiġi kull ġid.

L-Università ftit taż-żmien ilu tatek degree honoris causa. Jiena naħseb għandna nifirħu miegħek amoris causa, għax dak li għamilt inti huwa kollu xhieda konkreta ta’ min iħobb u jħobb ħafna.

Ma nafx x’kien jisimha dik il-mara li inti tlabtha tiffirma l-petizzjoni għad-Domma tal-Assunta. [Fl-1949 Mons. Calleja kien fost il-membri tal-Azzjoni Kattolika Maltija li kienu qed iżuru d-djar biex jiġbru l-firem favur li l-Papa jiddikjara d-Domma tat-Tlugħ ta’ Marija fis-Sema bir-Ruħ u l-Ġisem. Fi Triq Merkanti, il-Belt, iltaqa’ ma’ armla li kienet tgħix waħidha u ma kinitx taf tikteb. L-omm urietu li kienet inkwetata ħafna għax binha kien ilu li mar l-Awstralja u qatt ma rċeviet xejn mingħandu. Hija talbitu jiktiblu ittra f’isimha. Waqt Ii kien jismagħha u jikteb, Philip fehem kemm hu kbir u profond l-uġigħ ta’ dik l-omm. Tqanqal sal-punt li beka. Kienet esperjenza li rabtitu bis-sħiħ mal-Kummissjoni Emigranti u wasslitu biex jiddedika ħajtu l-ewwel għall-emigrant Malti u familtu u mbagħad għar-refuġjat f’Malta.]
Imma Alla nqeda biha biex tiftaħlek il-bieb għal din il-vokazzjoni. Id-dmugħ tiegħek dakinhar kien dmugħ ta’ qalb li tħobb. U aħna nirringrazzjaw lil Alla talli, Dun Philip, għamlek tal-appostlu tal-emigranti.

Ħadt pjaċir li Charles Buttigieg, meta jitkellem dwari fil-ktieb – kont għadni kemm sirt arċisqof fl-2015 – jikteb ‘isqof li twieled propju minn koppja emigranta fil-Kanada’. Ma domtx ħafna hemmhekk imma dik kienet ir-realtà tal-familja tiegħi. Inti diġà kont saċerdot, Mons. Philip. U min jaf kemm familji ta’ emigranti jafu propju l-wens ta’ dak li għamilt, mhux biss tikteb l-ittri anke b’għaqal kbir; hi tgħidlek kliem ta’ rabja u inti tipprova tirranġa isem binha qed jaqra l-vuċi tal-imħabba tal-omm. Naħseb dik medjazzjoni wkoll importanti ħafna. Ipprova rrealizza x’kont qed tagħmel dakinhar inti: qed tisma’ r-rabja u tittrasformaha fi mħabba għaliex fhimt li dik ir-rabja kienet rabja ta’ qalb maqsuma.

Illum il-Mulej sejjaħlek għal vokazzjoni oħra, Dun Philip, li tiltaqa’ mal-biża’ tal-poplu Malti u taħdem biex tittrasformah f’akkoljenza, fina wkoll għax aħna ngħidu ‘le’ imma inti tgħallimna u għallimtna ngħidu ‘iva’. Nilqgħu l-barrani għaliex Ġesù se jistaqsina: kont barrani u lqajtuni.

L-Arċisqof ma’ Mons. Philip Calleja; warajhom l-awtur tal-ktieb Charles Buttigieg
Jiena nirringrazzja ħafna lil kull min għeni, u kull min għen lill-familja tiegħek għaliex dak li għamilt għamiltu bil-qawwa ta’ Alla u anke permezz ta’ ħafna nies li għenuk. Waħda mill-kariżmi kbar tiegħek hija din il-kapaċità ta’ leadership li inti tentużjażma nies oħrajn biex jingħaqdu miegħek. Nitlob ukoll għas-suċċessur tiegħek Mons. Alfred Vella.

Imma nixtieq f’isimna nirringrazzja ħafna lil Charles ta’ din l-inizjattiva. Huwa servizz għall-verità u għax-xhieda tal-Evanġelju. Illum qegħdin nifirħu wkoll għaliex f’dan il-ktieb – u nirringrazzja wkoll lil Joe Mizzi u lil sħabu talli aċċettaw li jagħmlu dan ukoll – illum qegħdin naraw att ta’ ġustizzja fil-verità li x-xhieda ta’ persuna li ma fittxitx lilha nnifisha u għandna bżonn xhieda bħal dawn, ma ninsewhiex. U l-ktieb tiegħek Charles, imżewwaq b’ritratti sbieħ u storiċi, jibqa’ monument ta’ verità u ta’ ġustizzja. Imma fuq kollox aħna nifirħu talli llum qed niċċelebraw u nfakkru saċerdot li ħadem amoris causa.

✠ Charles J. Scicluna
Arċisqof ta’ Malta

Leave a Reply