Il-Kor Gaulitanus jillanċja l-programm għall-istaġun

Print Friendly, PDF & Email

Bhal dejjem, il-Kor Gaulitanus ta’ Għawdex se jkun involut f’bosta attivitajiet li jsiru fil-gżira Għawdxija fl-istagun festiv.

Dis-sena l-impenji tal-kor jiftħu nhar is-Sibt 14 ta’ Diċembru meta l-kor jieħu sehem fil-Christmas Market ġewwa l-Munxar bejn is-19.30 u d-21.00. Żewġ impenji informali jsiru fl-Arkadia Commercial Centre, fejn il-kor janima l-ambjent b’xi għanjiet tal-Milied nhar il-Hadd 15 ta’ Diċembru bejn il-17.30 u s-19.30 u l-Ħadd 22 bejn 10.00 ta’ filgħodu u nofsinhar.

Lejlet il-Milied, il-kor ikun il-Kempinski Hotel San Lawrenz, fejn se jippreżenta program ta’ għanjiet tal-Milied bejn is-19.00 u d-19.45. Dan isir fil-lounge tal-lukanda, fejn anke jiġu servuti xi refreshments.

Imbaghad fit-28 tax-xahar, il-kor u l-Gaulitanus Orchestral Ensemble se jagħtu kunċert importanti fil-Bazilika tax-Xagħra fis-19.30. F’dan il-kunċert annwali organizzat mill-Kunsill Lokali tax-Xagħra, se jiġu interpretati bosta bċejjeċ varjati assoċċjati mal-istagun festiv.

Il-Kor Gaulitanus imbagħad jagħlaq l-impenji tiegħu fl-ewwel tas-sena meta jippreżenta “A New Year’s Toast”. B’dan il-kunċert annwali, li issa wasal fit-8 edizzjoni tiegħu, il-kor u s-solisti tiegħu jilqgħu s-sena ġdida b’bonanza mużikali ta’ bċejjeċ Natalizji, operistiċi u oħrajn, li żgur jħallu lil kull min jattendi b’togħma tajba. Il-kunċert, li jibda fis-19.30, se jkun ukoll l-ewwel mpenn li jiċċelebra t-30 sena mit-twaqqif uffiċċjali tal-kor.

Dawn l-attivitajiet, li għalihom d-dħul jkun b’xejn fuq bażi ta’ ‘first-come-first-served’, se jkun taħt id-direzzjoni mużikali u artistika tas-surmast direttur u fundatur tal-Kor Gaulitanus, Colin Attard.

Leave a Reply

%d bloggers like this: