L-Ewwel Ġimgħa – Il-Ġimgħa
INTERJURI – “Tfittxuni u ssibuni. Meta tfittxuni b’qalbkom kollha.” – Ġeremija 29:13
Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers. Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard
Ħajja interjuri matura titlob il-fehma sħiħa tal-persuna. Is-skiet hu meħtieġ għall-qdusija. Fil-verità, hu meħtieġ għall-umanità. Il-Papa Benedittu XVI, huwa u jitkellem fuq l-importanza tal-ħajja interjuri, qal li ħafna minna jridu “jimlew kull mument battal bil-mużika u x-xbihat, għax jibżgħu li jħossu dan il-vojt tagħhom infushom. Din hi tendenza li minn dejjem kienet teżisti, speċjalment qalb iż-żgħażagħ u fil-kuntesti urbani iktar żviluppati, imma llum il-ġurnata laħqet livell hekk għoli li bdejna nisimgħu dwar il-fatt ta’ mutazzjoni antropoloġika. Xi wħud m’għadx għandhom ħila joqogħdu għal ħinijiet twal fis-skiet u waħidhom”.[1] Ommi ma – “mutazzjoni antropoloġika”. Dik xi tfisser? Tfisser li inqas ma nibqgħu mdorrija għas-skiet, inqas nibqgħu umani. Il-bniedem għandu bżonn tas-skiet daqskemm il-qalb teħtieġ l-ossiġnu.
Ħajja interjuri matura titlob l-għarfien, tippresupponi li jiena nkun konxju ta’ x’inhu għaddej ġo fija. Santu Wistin jitkellem fuq it-tendenza li tjassar lill-bniedem modern, meta jikteb: “Tard ħabbejtek, o Ġmiel hekk qadim u hekk ġdid, tard ħabbejtek. Int kont ġewwa fija, waqt li jien kont barra minni nnifsi, u hemm fittixtek: fil-kruha ta’ ruħi fittixt b’ruħi u ġismi l-ġmiel tad-dinja, li inti ħlaqt. Int kont miegħi, imma jien ma kontx miegħek. Kien iżommni ’l bogħod minnek il-ġmiel tal-ħwejjeġ li inti ħlaqt, li, li kieku ma humiex fik, ma huma xejn”.[2] Alla kien “ġo” Wistin, imma l-attenzjoni tiegħu kienet fuq id-dinja ta’ barra. Fil-fatt, Wistin jammetti li “int kont miegħi, imma jien ma kontx miegħek”. Malajr nistgħu naslu biex nifhmu li Ġużeppi kien bniedem li kien konxju ħafna tal-ħajja interjuri tiegħu. Ġużeppi kien jgħix fuq ġewwa – hemm ma’ Alla.
Ħajja interjuri matura titlob ukoll it-talb. Mons. John Cippel darba fakkarni li “t-talb hu bħal ċaqlembuta, u mhux bħal bandla”. Bandla titlob biss persuna waħda, imma ċaqlembuta titlob tnejn min-nies. It-talb hu laqgħa mal-Ieħor, ma’ Alla. Bla dubju Ġużeppi mhux biss kien jitlob ta’ kuljum imma matul il-ġurnata kollha. Minħabba fil-maturità spiritwali tiegħu, Ġużeppi għex f’ritmu ta’ armonija ma’ Alla fit-talb.
Int ma kontx ħa tkun taqra din il-kitba li kieku ma xtaqtx iżjed mingħand Alla. L-impenn tiegħek biex titgħallem iżjed dwar Ġużeppi jikxef ix-xewqa tiegħek għal iżjed. Aħseb fuq il-ħajja interjuri ta’ Ġużeppi – speċjalment is-skiet, l-għarfien tiegħu nnifsu, u t-talb. Hu possibbli li tikber spiritwalment. Hu possibbli li int tikber spiritwalment. Aħseb fuq dawn it-tliet ħwejjeġ: is-skiet, l-għarfien tiegħek innifsek, u t-talb. Minn liema qed jitolbok tibda Alla? Ibda b’waħda u ikber minn hemm. Fejn qed jitolbok tikkommetti ruħek Alla: is-skiet, l-għarfien tiegħek innifsek, jew it-talb?
Għat-talb tiegħek
Ġużeppi kien jitlob bil-kliem tal-profeta Ġeremija. Ibda billi taqra bil-mod Ġeremija 29:11-14. Aqraha iżjed minn darba. Qis kemm spiss Ġużeppi kien jitlob b’dawn il-versi tat-Testment il-Qadim. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?
“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Għinni nikber fil-ħajja spiritwali tiegħi. Għallimni kif immidd il-pass li jmiss lejk.”
Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?
X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?
[1] Il-Papa Benedittu XVI, Knisja tal-Kartużjani ta’ Serra San Bruno, 9 ta’ Ottubru 2011.
[2] Santu Wistin, L-Istqarrijiet.