Din is-sena fit-12 ta’ Gunju 2026, bis-sehem ukoll ta’ ħames lokalitajiet minn Malta u Għawdex
Inizjattiva dinjija ta’ talb għas-saċerdoti rċeviet approvazzjoni sinifikanti mill-Papa Ljun XIV, meta huwa ta l-Barka Appostolika tiegħu lill-Global Rosary Relay li jsir kull sena għall-qdusija tas-saċerdoti. Din il-katina ta’ Rużarju li ssir għal 24 siegħa madwar id-dinja kollha, hija organizzata mill-Worldpriest Global Apostolate. Minn Malta u Għawdex ilna nieħdu sehem fiha kull sena sa mill-2017.
F’din il-paġna ta’ hawn taħt, tista’ ssib il-filmati tar-rużarji kollha li saru fil-lokalitajiet kollha minn pajjiżna li pparteċipaw sal-lum … https://www.laikos.org/grr/index.php

Il-Barka Appostolika, mogħtija mill-Papa Ljun, tirrikonoxxi lill-Global Rosary Relay for Priests bħala moviment dinji ta’ talb għas-saċerdoti, li jgħaqqad flimkien Kattoliċi minn kull kontinent f’katina kontinwa ta’ talb tar-Rużarju u ta’ meditazzjoni fuq il-misteri mill-ħajja ta’ Kristu.
F’messaġġ li jakkumpanja l-barka, il-Papa Ljun XIV esprima l-appoġġ tiegħu għall-missjoni tal-GRR u qalilhom, “Jalla t-talb tagħkom ikun għajn ta’ saħħa għas-saċerdoti kollha hekk kif huma jwettqu l-missjoni tagħhom bħala rgħajja u gwidi tal-merħla fdata lilhom.”
Filwaqt li laqa’ r-rikonoxximent papali, l-Isqof Fintan Monahan ta’ Killaloe, Konsulent Episkopali ta’ Worldpriest, faħħar l-impatt spiritwali tal-inizjattiva u l-firxa internazzjonali dejjem tikber tagħha u qal, “Ninsab kuntent li nappoġġja u nirrakkomanda ħafna l-inizjattiva attwali ta’ dan il-Moviment. Nemmen li għandu potenzjal kbir u se ġġib ħafna ġid spiritwali lil dawk kollha involuti.”
Erġajn wasalna għar-Relay ieħor, dak tal-2026, li se jsir fit-12 ta’ Ġunju, li bħal f’kull sena oħra tkun ukoll il-Festa tal-Qalb Imqaddsa ta’ Ġesù. Hekk kif daħlet fis-sittax-il sena tagħha, l-inizjattiva kibret b’mod impressjonanti minn meta bdiet, u espandiet minn 24 lokalità ta’ talb għal netwerk dinji ta’ santwarji, katidrali, parroċċi, seminarji, knejjes, sptarijiet, skejjel u tant gruppi ta’ talb oħra li jingħaqdu flimkien f’din it-talba Marjana għas-saċerdoti u għall-vokazzjonijiet.
Kull post parteċipant jiġi assenjat misteru partikolari tar-Rużarju u ħin magħżul għat-talb, u b’hekk tinħoloq katina ta’ talb li ddawwar id-dinja. Sa minn nofsillejl tat-12 ta’ Ġunju, id-dinja ser terġa’ tkun magħquda fit-talb għas-saċerdoti, u tinvoka l-protezzjoni u l-kura kollha mħabba tal-Madonna, Omm is-Saċerdoti.
Il-lokalitajiet parteċipanti minn Malta u Għawdex ghal din is-sena huma dawn …
07:00 … Mis-Santwarju tal-Madonna Ta’ Pinu fl- Għarb
07:30 … Mill-Kappella tal-Madonna ta’ Lourdes fil- Floriana
13:00 … Mill-Kappella tal-Università ta’ Malta fl- Imsida
17:00 … Mill-Kappella tal-Isptar Mater Dei fl-Imsida
18:00 … Mill-Knisja Parrokkjali tal-Madonna ta’ Fatima fil-Gwardamangia
Inti wkoll tista’ tieħu sehem online ma’ dawn il-komunitajiet billi tidħol fil-paġna tal-Laikos li ssib fil-link ta’ hawn taħt.
https://laikosblog.org/2026/03/07/grr26/
Lokalitajiet oħra li ħadu sehem fis-snin li għaddew … https://www.laikos.org/grr/
Link għas-sit tal-World Priest: Annual Global Rosary Relay … https://www.worldpriest.com/annual-global-rosary-relay/