Is-superjur tat-tbissima

Print Friendly, PDF & Email

Nhar is-Sibt 31 t’Awwissu, il-jum li fih irriturnajt mill-post qaddis ta’ Medjugorje, waslitli l-aħbar li s-Superjur John Formosa daħal fil-ħajja ta’ dejjem.

Din l-aħbar ħasdittni. Veru li saħħtu dan l-aħħar kienet sejra lura bħall-granġ. Iżda qatt ma bsart li se niġi u nsib lil dan is-superjur tant u tant umli u ħelu fi kliemu u f’għemilu li jgħaddi għall-ħajja ta’ dejjem b’daqshekk ħeffa.

Lis-Superjur Formosa ilni nafu sa minn meta kelli disa’ snin. Niftakru jiġi l-Qasam, li dak iż-żmien kienet Fergħa, ta’ San Ġwann. Kont tassew nieħu gost nisimgħu jitħaddet. Dan ir-raġel, nadif tazza minn kliemu u għemilu, dejjem bit-tbissima fuq wiċċu, u lest biex jgħaddilna l-imħabba ta’ Ġesù. Is-Sup. John kellu mħabba mill-aktar entużjażta għal Ġesù! Tant li wiċċu kien jixgħel kull darba li kien ikellimna fuqu. Kif qatt nista’ ninsa’ dawk il-lezzjonijiet sbieħ li kien jagħmlilna meta s-Superjur Delicata, li dak iż-żmien kien is-Superjur Ġenerali tas-Soċjetà tal-MUSEUM u li s-Sup. Formosa kien is-Segretarju Ġenerali tas-Soċjetà, kien jagħtih xi lezzjoni fin-novena tal-Milied? Inkella xi lezzjoni fir-Randan? Kemm kont nissaħħar nisimgħu jitħaddet! U meta kont aspirant, kandidat u soċju kemm-il darba kelli x-xorti nisimgħu jkellimna? U dejjem b’dik l-imħabba li qalb tħabbat għal Ġesù biss setgħet titħaddet b’dan il-mod?

Imbagħad lis-Sup. John kont niftakru jitkellem ukoll fuq Radju Malta meta, wara l-ħsieb tal-bidu tal-jum, kien itella’ ir-rubrika tal-qaddis tal-jum. Għadni qisu issa nisimgħu jitħaddet dwar il-qaddis ta’ dak il-jum li fih kienet tkun iċċelebrata l-ħajja qaddisa tiegħu jew tagħha. B’liema spirtu ta’ għerf, studju u ħeġġa kbira għall-Mulej kien iwassal il-messaġġ ta’ Kristu permezz ta’ dak il-qaddis u l-qaddisa! Meta kont nisma’ lis-Sup. John, għodu għodu, qabel kont immur għax-xogħol, talba waħda kienet tinbet fija: Mulej qaddisni! U veru ħbieb! L-għaliex tagħsar tagħsar diskorsu dak kien is-sugu li kien joħroġ! Jiġifieri: MULEJ, AGĦMILNA QADDISIN!

Kienu bosta l-apprezzamenti li nkitbu fil-ġurnali dwar is-Sup. John Formosa. Louis Cilia, li kien midħla tas-Sup. Formosa, jikteb hekk: “John Formosa kien bniedem iddedikat lill-Mulej. Din kienet il-missjoni unika tiegħu fil-ħajja. Sirt nafu fi żminijiet bikrija fil-ħajja, fis-snin tal-adoloxxenza tiegħi, bħala membru tas-Soċjetà tad-Duttrina Nisranija. Fiżikament kien bniedem kbir u aħna, bħala tfal żgħar, konna mbeżża’ mill-istatura fiżika u kbira tiegħu. Imma hu kien dejjem jilqagħna b’dik it-tbissima sabiħa fuq wiċċu. Tassew persuna ġganta u ġentili.

Kien jaqra u jitħaddet b’ħafna ilsna. L-intelliġenza tiegħu kienet tibbrilla fil-kitba tiegħu. Seta’ jikteb b’ċertu faċilità fuq għadd ta’ suġġetti imma l-aktar bl-ilsien Malti dwar temi reliġjużi. Fuqhom seta’ jiffoka l-intelliġenza kbira tiegħu, ir-riċerka vasta li kien jagħmel, il-memorja tajba li kellu u, fuq kollox, l-imħabba abbundanti li kellu għall-Mulej”.

L-ispiritwalità Musewmina li biha kien mimli dan is-soċju tal-MUSEUM, għax kien qrib il-Fundatur tas-Soċjetà tal-MUSEUM, San Ġorġ Preca, tibbrilla f’messaġġ f’email li s-Sup. Formosa bagħat lil membru tas-Soċjetà ftit ġranet qabel ħalla din id-dinja. Araw ftit f’liema qdusija għex dan il-bniedem umli!

Il-Mulej jagħnik dejjem iżjed bis-sliem. Għalkemm b’ħafna sforz, għax saħħti marret lura ferm, irrid inwieġbek għall-email interessanti li bgħattli. L-ewwelnett Grazzi tal-messaġġ li qsamt magħna. Għalkemm iċ-ċirkustanzi tal-etá u l-marda tiegħi huma differenti minn ta’ Nadia Toffa, l-istess ħsibijiet espressi minnha, speċjalment kif qed tħares issa lejn il-ħajja u l-frugħa ta’ dak li tgħożż id-dinja (“… kollox jidher banali, poter, flus, tilwim, għira, xewqat stupidi… eċċ.”) inħosshom jiena wkoll. U wasalt għall-konklużjoni kemm jaqbel li wieħed, meta jkun għadu f’saħħtu, japprofitta ruħu miċ-ċans li jagħmel kull xorta ta’ ġid li jista’. Għax jiġi żmien meta tħossok tiċċanfar u tgħid lilek innifsek: “Meta stajt ma ridtx, u issa, li tant nixtieq nagħmel ftit tal-ġid, ma nistax.”

Skużani, ma rridx nieħu t-ton ta’ prietka. Imma rrid inħeġġek tagħmel kemm tista’ biex ma titlef ebda ħin mhux utilizzat għall-glorja ta’ Alla u ta’ ġid għall-proxxmu. Nitlob li l-Mulej ikun dejjem miegħek u jinqeda bik għall-akbar glorja Tiegħu. Nitolbok, jekk jogħġbok, itlob għalija ħalli dejjem norbot ir-rieda tiegħi ma’ dik ta’ Alla. Grazzi. Pax tecum. o john sdc.

X’umiltà! X’għaqal! X’passjoni għall-Mulej! X’umanità! Xi spiritwalità! Jiena u naqra din l-email mill-isbaħ ma jistgħux ma jiġux l-istess kliem, f’moħħi u f’qalbi, li San Ġorġ Preca kien tant u tant jirrepetihom fit-taħditiet li kien jagħmel: “Immorru u ma nerġgħux niġu!” Għax il-bniedem huwa bniedem daqskemm ikun maqgħud ma’ Min ħalqu u fdieh! Mal-Mulej! Mill-bqija kollox frugħa! Bħalma kien jgħidilna s-Sup. Victor Delicata, li kien jaħdem spalla ma’ spalla mas-Sup. Formosa għal ħafna snin fis-Soċjetà: “O frugħa tal-frugħat. Kollox hu frugħa!”

Personalment nixtieq nirringrazzja minn qalbi lill-Mulej għall-ġid kbir li kien jagħmilli permezz tas-Sup. Formosa. Kemm kien jinkoraġġini biex nikteb! U kemm kien jaqra l-artikli li l-Mulej jagħtini fuq il-ġurnali b’interess, b’imħabba, b’ammirazzjoni u anki b’suġġerimenti prattiċi imma dejjem fil-libertà sħiħa! U mhux talli ma kienx isawwatni bil-kritika distruttiva u nsolenti u mimlija preġudizzji bil-kelma u bil-kitba, talli bil-kliem ġentili u taz-zokkor tiegħu, kien iħeġġiġni biex jien ukoll ma naħlix ħin imma nħalli lill-Mulej jużani għall-glorja tiegħU fil-kitba, fil-priedki, fil-mod ta’ kif l-Ispirtu s-Santu jqaddes fija u bija l-quddiesa, fl-omeliji, fil-programmi fuq ir-Radju u t-Televiżjoni, fil-laqgħat tiegħi man-nies u fuq kollox, f’ħidmieti ma’ ħutna l-morda. Kien jinkoraġġini biex nibqa’ ferħan. Din hi l-qdusija vera li ħierġa mill-Ispirtu s-Santu u li biha kien mimli tilja sew is-Sup. Formosa!

Nies bħas-Sup. Formosa jagħmlu ġieħ kbir lis-Soċjetà tal-MUSEUM, lill-Knisja, lill-Malta, u lid-dinja. L-umiltà kbira li kienet tispikka f’dan il-bniedem u l-imħabba taħraq tiegħu għall-Mulej fil-proxxmu tiegħu, tfakkarna f’opra tal-ħniena li s-Sup. Formosa għexha sal-anqas qattra: Għallem lil min ma jafx! U dan hu għamlu bl-eżempju ta’ ħajtu u ħidmietu u b’ħafna ħafna ħlewwa!

Ma niskantax li s-Sup. Formosa hu kandidat eċċellenti ieħor għall-beatifikazzjoni biex b’hekk iservi għalina bħala mudell kif il-lajċi jistgħu jgħixu t-tlett imħabbiet li dejjem ippriedka San Ġorġ Preca: Qalb tan-nar għal Alla, qalb tal-laħam għall-proxxmu u qalb tal-bronż għalina nfusna!

Itlob għalina Superjur John Formosa! Is-Superjur tat-tbissima tal-Mulej!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: