Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna Franġiska De Chantal


Fit-12 ta’ Diċembru l-Knisja tfakkar lil Santa Ġovanna Franġiska De Chantal, Armla u Reliġjuża li għexet bejn is-snin 1572 sa 1641.

Santa Ġovanna twieldet f’familja prominenti f’Dijon, Franza, fit-28 ta’ Jannar 1572. Kellha żewġ ħutha subien, wieħed ikbar u l-ieħor iżgħar minnha. Omma mietet meta twieled it-tieni tifel meta Ġovanna kellha biss sena u nofs.

Ta’ 20 sena, missierha żewwiġha lill-Baruni de Chantal li kien seba’ snin ikbar minnha, u kellha sitt itfal li minnhom għexu erbgħa. Hija gawdiet żwieġ hieni sakemm disa’ snin wara li żżewġu sfat deżolata meta żewġha miet f’inċident waqt li kien għall-kaċċa, fl-1601.

Fl-1604, meta kellha 32 sena ltaqgħet ma’ San Franġisk de Sales u l-ħbiberija ta’ bejniethom baqgħet sal-mewt tiegħu fl-1622. Taħt it-tmexxija tiegħu hi ħaffet b’ħeġġa ‘l quddiem fit-triq tal-perfezzjoni, u ħabirket kemm felħet f’opri ta’ mħabba għall-foqra u l-aktar għall-morda.

Meta San Franġisk urieha l-proġett tiegħu li jifforma l-Kongregazzjoni tas-sorijiet tal-Viżitazzjoni, hija laqgħet bil-ferħ il-proposta tiegħu u offriet li tgħinu b’ħilitha kollha.

Bintha l-kbira żżewġet lil ħu San Franġisk de Sales, binha ta’ erbatax-il sena ħa ħsiebu ħuha li kien l-Arċisqof ta’ Bourges, u ż-żewġt ibniet l-oħra ngħaqdu magħha fil-Kongregazzjoni li waqqfet ma’ San Franġisk fl-1610, f’Annecy, meta l-Qaddisa kellha 45 sena.

Il-Qaddisa mexxiet il-Kongregazzjoni b’għaqal kbir, u ratha tikber hekk malajr li sa qabel ma mietet kienu ġa nfetħu 86 kunvent.

Santa Ġovanna mietet f’Moulins, f’wieħed mill-kunventi tagħha, fit-13 ta’ Diċembru 1641, fl-eta’ ta’ 69 sena. Ġisimha ħaduh f’Annecy u difnuh ħdejn dak ta’ San Franġisk de Sales. Il-Papa Klement XIII iddikjaraha qaddisa fl-1767.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com