Meditazzjonijiet tal-Avvent pass pass ma’ Ġużeppi – Iġbed

Print Friendly, PDF & Email

It-Tieni Ġimgħa – Is-Sibt

“Aħna ħolqien tiegħu.” – Efesin 2:10

Kitba ta’ Fr Mark Toups. Illustrazzjonijiet ta’ Mike Moyers.  Miġjub mill-Ingliż għall-Malti minn Francesco Pio Attard

F’Mattew 1:25 naqraw: “[Ġużeppi] baqa’ ma għarafhiex sa ma kellha iben, u semmieh Ġesù”. Xi jrid ifisser hawn b’“sa ma”? It-terminu Grieg tradott “sa ma” hu heos, li ma jimplikax li Ġużeppi u Marija kellhom relazzjonijiet karnali taż-żwieġ wara t-twelid ta’ Ġesù. Xi wħud minn din is-silta jikkonkludu li meta Ġesù kien twieled, Ġużeppi u Marija kellhom relazzjonijiet bħa dawn fiż-żwieġ. Il-kelma Griega heos mhux hekk timplika; il-problema hawn hi fit-traduzzjoni. Heos sempliċiment tindika ċertu perjodu ta’ żmien, mingħajr ma timplika bidla fil-futur. Mattew sempliċiment qed jenfasizza li Ġużeppi ma kellu ebda involviment fit-tqala ta’ Marija qabel it-twelid ta’ Ġesù.

Mons. John Cihak jibda jdaħħalna f’dan il-misteru: “Fiż-żwieġ, il-mara tibdlu lir-raġel. Hu jipprattika l-għotja tiegħu nnifsu lilha. Iħalliha tiddeterminalu ħajtu. Jintona ruħu għaliha, u hi timpenja lil qalbu u tgħinu jiżviluppa l-eros tiegħu fi mħabba agape”. Ħafna rġiel jitgħallmuh dan. Hemm ċertu kobor f’kull raġel, imma għal ħafna rġiel, dan hemm bżonn jinġibed ’il barra minnhom. L-imħabba ta’ raġel miżżewweġ għal martu toħroġ minn ġo fih l-aktar xewqat moħbija tiegħu, hekk kif hu jixxennaq “biex jagħmel ħwejjeġ kbar għaliha”.

Immaġina għal waqt wieħed x’kien ifisser għal mara tas-safa ta’ Marija li kellha tistiednek fil-qalb tagħha, u meta tkun hemm ġew tistenna minnek dik l-istess qawwa ta’ safa. Is-safa u l-qdusija ta’ Marija kienu jiġbdu ’l barra l-istess safa u qdusija minn Ġużeppi. Preċiżament minħabba kemm kienet intima r-“relazzjoni intima” tagħhom, ma kien hemm imkien għal Ġużeppi fejn seta’ jistaħba. Il-qdusija ta’ Marija kienet tfisser li Ġużeppi nnifsu kellu jonora l-okkażjoni u jħobbha b’ħajja ta’ virtù erojka.

Intqal li meta Ġesù lemaħ l-ewwel darba lil Xmun, hu ra l-“Pietru” (jiġifieri l-“Blata”) li kien hemm fih. Hemmhekk, Ġesù ġibed ’il barra lil Pietru minn ġo Xmun. Intqal li meta Ġesù ra l-ewwel darba lil Xmun is-sajjied, fis-sajjied hu lemaħ lil Pietru l-Papa. Dakinhar, Ġesù ġibed ’il barra l-Papa minn ġos-sajjied. F’kull fażi tal-ħajja, Ġesù jfittex li joħroġ xi ħaġa minna. Sewwasew permezz tas-safa taż-żwieġ ta’ Marija u Ġużeppi hija ħarġet il-kobor li kien hemm f’żewġha. Il-qdusija tagħha ma setgħetx ħlief tiġbed ’il barra l-qdusija minn ġo Ġużeppi.

F’kull Xmun hemm Pietru. F’kull midneb hemm qaddis. Hemm il-kobor fik. Il-mistoqsija hi: Se tħallih lil Alla joħroġ il-qaddis minn ġol-midneb? Se tħallih lil Alla joħroġ il-kobor minn ġo fik?

Għat-talb tiegħek

Illum aqra Efesin 3:14-21. Aqraha iżjed minn darba. X’qed jgħidlek il-Mulej f’din is-silta tal-Bibbja? Dan kif jgħodd għaċ-ċirkustanzi ta’ ħajtek? X’tixtieq tgħidlu lil Alla?

“Missier, nitolbok biex tagħmel minn dan l-Avvent l-aqwa wieħed li qatt kelli. Minn dan il-midneb oħroġ il-qaddis. Nagħtik permess tagħmel ħafna iżjed minn dak li jien qatt nista’ nitolbok jew nimmaġina.” 

Xi kliem laqtek l-iżjed int u titlob?

X’kien li ħassejt jiċċaqlaq fil-qalb tiegħek?

Leave a Reply

%d bloggers like this: