Bil-biċċiet!

Print Friendly, PDF & Email

Qiegħdin ngħixu f’dinja mimlija tilja interruzzjonijiet. Il-gadgets li qed nużaw donnhom li ħajjitna qed jaqsmuhielna f’ħafna u ħafna partijiet. U qiegħdin ukoll joħduna f’ħafna u ħafna trufijiet. U, tant kemm qed jaqsmuhielna f’biċċiet u joħduna fi trufijiet li donna nibdew niddubitaw x’fadlilna fil-fatt minn ħajjitna! Kważi kważi naslu għall-konklużjoni li minnha fadlilna biss ponn trab. Jew inkella munzell biċċiet!

Hi rejaltà li ħadd ma jista’ jiċħadha li illum ħafna minna jużaw il-mobile. U, bil-mod il-mod, ilkoll issa qed insiru knisja teknoloġika. Jiġifieri, dik il-knisja bil-kampnar tal-qanpiena u l-qniepen magħna. Ovvjament il-qniepen issa ma baqgħux aktar dawk magħmula f’xi funderija warrab wiċċek u li għandha storja issemmix. Le! Dawn il-qniepen issa saru biss il-ħsejjes li joħorġu mill-ispeakers żgħar u li ġieli ma jidhrux tal-mobiles jew l-ismartphones tagħna. Dawn l-istess mobiles u smartphones li nġorruhom magħna u ngħożżuhom daqslikieku kienu l-istess trabi tagħna. Il-metafora tat-trabi tagħmel sens l-għaliex kemm il-mobiles u anki l-ismartphones ġieli tistħajjilhom qishom trabi jnewħu. Għax dejjem għaddejjin idoqqu. Mota wara l-oħra u mingħajr ħinijiet ta’ xejn. Nistgħu niċħdu l-fatt li ċerti moti ta’ dawn il-qniepen moderni u teknoloġiċi m’għandhomx ħinijiet? Tant li jkollna, irridu jew ma rridux, nitfugħhom? Jew inraqqduhom għax inkella jġennuna tassew?

F’dan l-innu marċ ta’ interruzzjoni kontinwa hi ħaġa loġika li ħajti u ħajtek issir biċċiet u tal-biċċiet. Għax mimlija wisq u wisq interruzzjonijiet! Addijo mela dawk il-maratoni ta’ studju fil-kwiet. Fejn wieħed seta’ jirrilassa, jaqra u jirrifletti ħa jinterjorizza. Le ħbieb! U xejn minn dan! Għax illum sirna wisq ejja ħa mmorru. Għax anki jekk inkunu qiegħdin nagħmlu xi ħaġa biżżejjed jidħol dak il-messaġġ li jħarbtilna kollox u hekk, pjan maħdum bizzilla, jispiċċa f’elf biċċa! U jtir mar-riħ! Qisu qatt ma eżiżta! Allura x’nistgħu nagħmlu f’din is-sitwazzjoni daqshekk diffiċli? Liema sitwazzjoni tiffrustrana mhux ftit? L-għaliex donna li ma nistgħux nieħdu ruħ? Għax f’ħajjitna, kull ma għandna, hu biss duħħan? U xejn konkret? Għax kollox qed jiġi ikkunsmat minn nirien tal-interruzzjonijiet? Li, kif diġà rajna, huma tabilħaqq bla għadd? U qed jagħmluna ragħad?

Personalment it-tweġiba sibtha fil-biċċa xogħol mill-isbaħ li Patri Marco Rupnic SJ għoġbu jagħmel fil-via sagra tal-Madonna ta’ Pinu fil-Gżira Għawdxija. Meta wieħed jara din il-via sagra ma jistax ma jibqax b’ħalqu miftuħ għall-biċċa xogħol li wettaq dan il-bravu artista. Xi xhur ilu, f’Makarska, ġewwa Dubrovnik, fis-santwarju li magħna l-Maltin hu magħruf bħala Little Lourdes, rajt ukoll biċċa xogħol oħra ta’ Rupnic li turi lil Kristu Imqajjem mill-imwiet. Xi ġmiel ta’ sura! X’dettall! Issa, din is-sura mill-isbaħ, dan id-dettall, hu magħmul mill-mużajk! Mill-biċċiet! Li huma mqegħdin ma’ xulxin b’majestrija mill-aqwa!

Il-metafora tal-mużajk għalija hi ta’ fejqan kbir! L-għaliex, l-aqwa biċċiet ta’ xogħol tal-arti huma, fil-fatt, możajċi! Għax magħmula mill-biċċiet! Int mur sa Ravenna, speċjalment fil-bażilika ta’ San Apollinare in Classe. U għidli ftit, xi ssib fiha? Inkella, jekk tmur f’Ħagja Sofija, f’Kostantinopli u li illum insejħulha Istanbul, xi ssib f’din il-bażilika mill-aqwa li bena l-magħruf imperatur Ġustinjanu jekk mhux możajċi mill-aktar affaxxinanti?

Aħna l-Insara għandna tassew l-għaliex nifirħu f’dan kollu! Dan l-għaliex Alla tagħna jogħxa fuq il-biċċiet! U japprezza bil-bosta n-naqriet! Alla tagħna letteralment jintilef wara n-naqriet magħmulin b’fedeltà! U dan mhux diskorsi ħbieb! Imma diskorsu stess kif imfisser fil-persuna ta’ Ġesù Kristu, Ibnu u Ħuna l-Kbir, fil-parabbola tat-talenti:

“Għax dan bħal wieħed li kien se jsiefer, u sejjaħ lill-qaddejja tiegħu u ħallielhom ġidu f’idejhom. Lil wieħed tah ħames talenti, lil ieħor tnejn, u lil ieħor wieħed, kull wieħed skond il-ħila tiegħu. U siefer. Dak li kien ħa l-ħames talenti mar minnufih iħaddimhom u qala’ ħamsa oħra. Hekk ukoll dak li kien ħa tnejn qala’ tnejn oħra. Iżda dak li ħa wieħed mar ħaffer fl-art u ħeba flus sidu. Wara ħafna, sid dawk il-qaddejja raġa’ lura u beda jagħmel il-kontijiet magħhom. Resaq quddiemu dak li kien ħa ħames talenti u ġieblu ħames talenti oħra. ‘Sinjur,’ qallu, ‘ħames talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt ħamsa oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Resaq ukoll dak li kien ħa żewġ talenti, u qallu, ‘Sinjur, żewġ talenti ħallejtli f’idejja; hawn, ara, qlajt tnejn oħra.’ Qallu s-sinjur, ‘Sewwa, qaddej tajjeb u fidil; int kont fidil fil-ftit, u jien se nafdak fuq ħafna; idħol fl-hena ta’ sidek.’ Iżda resaq ukoll dak li kien ħa talent wieħed, u qal, ‘Sinjur, lilek nafek bħala raġel aħrax, taħsad fejn ma żrajtx u tiġbor fejn ma xerridtx. Bżajt, u mort ħbejt it-talent tiegħek fl-art. ‘Hawn, ara, għandek dak li hu tiegħek.’ Qabeż is-sinjur u qallu, ‘Qaddej ħażin u għażżien, kont taf li jien naħsad fejn ma żrajtx u niġbor fejn ma xerridtx. Mela kien imissek mort qegħedt flusi l-bank biex, meta niġi, kont immur niġborhom bl-imgħax. Ħudulu mela t-talent u agħtuh lil dak li għandu l-għaxar talenti. Għax kull min għandu, jingħatalu, u jkollu ż-żejjed ukoll; iżda min ma għandux, jitteħidlu saħansitra dak li għandu. U lil dan il-qaddej bla fejda itfgħuh ‘il barra fid-dlam; hemmhekk ikun hemm il-biki u t-tgħażżiż tas-snien (Mt 25:14-30).

It-tagħlimiet tal-parabbola huma tassew kbar ħbieb! Minn qala’ ħamsa u tnejn qalahom bil-ftit il-ftit. U baqa’ għaddej jaħdem sakemm tella’ daqskemm irċievha. Imma min ma kienx fidil fil-ftit u ittraskura fil-biċċiet spiċċa b’xejn u ikkundanna lilu nnifsu għar-rovina! L-għaliex min se jafda lil min mhux fidil fil-ftit? Fil-biċċiet?

Oh biċċiet! X’potenzjal fikom! Fikom hemm il-kollox! Basta imma ma nittraskurawkomx! Imma noħdukom b’tant serjetà li nagħtukom il-ħin kollu mitlub minnkom! Imbagħad, f’ħajti u f’ħajtek, veru li naraw il-meravilji!

Patri Mario Attard OFM Cap

Leave a Reply

%d bloggers like this: