Il-Milied Malti


Għal xi wħud, il-Milied Malti hu nieqes minn ingredjenti li hemm f’artijiet oħra. Jistħajlu Milied bil-borra fuq is-siġar, bil-familja mdawra man-nar tal-fireplace u bi ħwienet li fihom issib kull ma trid għar-rigali tal-Milied. Forsi huma t-television u r-rivisti mlewna li jqiegħdu quddiemna ambjent ta’ Milied iktar interessanti. Biżżejjed riklam fuq it-television biex idaħħalna fl-ispirtu tal-Milied, ikun xi jkun il-prodott li qed jidher mal-kwiekeb, mas-siġra tal-Milied u mar-‘raġel tal-baffi bajda liebes kowt aħmar’. Dan jista’ jwassalna biex inqisu l-Milied Malti bħala tat-tieni klassi u nitħajru għal Milied tal-ħolmiet, Milied tal-kartolini u tar-riklami

milied buga.jpg
Tiżjin tal-Milied quddiem il-Knisja Parrokkjali ta’ San Pietru fil-Ktajjen, Birżebbuġa.

Imma r-realtà m’hijiex hekk. L-ewwel nett għax f’Diċembru parti kbira mid-dinja ma tkunx fl-ambjent xitwi li jdaħħlek iktar fil-Milied u b’hekk xi ftit mill-gost tal-Milied jintilef. Dan ifisser li l-ambjent tal-Milied ma jkunx kullimkien bħal dak tal-kartolini. It-tieni raġuni hi li l-kummerċ, sena iktar minn oħra, ukoll f’pajjiżi li huma tradizzjonalment Insara, qed inaqqar mill-importanza tal-veru Milied, li hu t-twelid ta’ Kristu.

Minbarra l-Milied tal-ħolm, hemm il-Milied Malti. Kont f’kappella ta’ kunvent tas-Sorijiet u komplejt bil-konvinzjoni ta’ x’inhu tassew il-Milied. Kappella nadifa b’mod li jimpressjonak, imżejna għall-okkażjoni, tħajjar lil min jixtieq jgħaddi Avvent u Milied Nisrani. Kulfejn tmur f’Malta u Għawdex issib dan l-ambjent, ibda mill-ikbar knejjes sal-iċken kappella.

Ma ngħirx għall-Milied tal-ħolm, l-aktar meta nħares lejn grotta jew presepju maħdumin b’imħabba, lejn Bambin li aħna l-Maltin inqiegħdu fejn jidher, nixegħluh sabiħ u nżejnuh bil-ġulbiena. Ma ngħirx għall-Milied tal-Father Christmas meta nara t-tfal ħerġin mill-Museum bil-grotta li ngħataw fin-Novena. Ma ngħirx għall-pasturi artistiċi meta nara s-sempliċità tal-pasturi tat-tafal, pasturi ‘ta’ Malta’. U nifraħ bit-tradizzjoni Maltija tal-purċissjoni tal-Bambin, merfugħ mit-tfal il-kbar, bil-fanali jixegħlu u bit-tfal ikantaw ferħanin.

Inħobbu l-Milied Malti. Ma nafx fejn hawn isbaħ minnu.

Kitba ta’ Joe Galea

Published by

Joe Farrugia

Blog tas-Segretarjat għal-Lajċi.