“ĊEKKEN LILU NNIFSU….” – Filippin 2,8
Wasalna sabiex għal sena oħra niċċelebraw il-Festa tal-Milied. Festa li ġġib ħafna memorji sbieħ għal ħafna u forsi memorji koroh għal xi wħud. Festa li ddaħħalna f’atmosfera ta’ ferħ, ta’ ċelebrazzjoni, ta’ preparazzjonijiet li dan iż-żmien iġib miegħu. Festa mimlija b’tant affarijiet kemm spiritwali (għal min irid) kif ukoll materjali, li jekk ma noqgħodux attenti faċli dawn il-ġranet jgħaddu u ma jħallu xejn bis-sens f’ħajjitna ħlief għejja, nfiq ta’ flus, vojt u diżappunti.
Nemmen li nuqqasijiet li nistgħu naqgħu fihom matul il-jiem tal-festi tal-Milied u wara, dawk tal-Ewwel tas-Sena l-Ġdida, huma propju li nieħdu dawn iċ-ċelebrazzjonijiet B’RUTINA u anke li NIKKONĊENTRAW BISS FUQ DAK LI HU MATERJALI.
QATT M’GĦANDNA NIDĦLU F’RUTINA
Dan ma jgħoddx biss għall-festi tal-Milied. Jgħodd għal dak kollu li nagħmlu matul ħajjitna kollha. Dak li nagħmlu, jekk nagħmluh b’rutina billi anke neħduh ‘for granted’ joqtol is-sabiħ ta’ dak li nkunu qed nagħmlu. Minbarra minn hekk inkunu wkoll qed nidħlu f’riskju li nitilfu is-sabiħ u l-valur ta’ dak it-tajjeb li nkunu qed nagħmlu… billi l-ewwel nitilfu is-sens tas-sbuħija tal-għemil, imbagħad anke naslu biex nitilfu saħansitra l-istess ‘oġġett’ jew ‘persuna’.
Ta’ dan nista’ nġib l-eżempju tal-imħabba fiż-żwieġ. Nitkellem mir-raġel miżżewweġ u fl-istess waqt nifhem nitkellem ukoll mill-mara miżżewġa. Jekk ir-raġel fiż-żwieġ li jħobb ħafna lil martu jasal f’mument fejn jibda jeħodha ‘for granted’, jagħmel l-affarijiet, sbieħ kemm huma sbieħ u tajbin kemm huma tajbin, b’rutina, ikun qed jirriskja li jitlef l-imħabba u l-persuna li jgħid li jħobb. Willam Shakespear jgħid li l-‘presumption’ – jiġifieri li nieħdu lil persuni li nħobbu ‘for granted’ hija il-monstru li jeqred l-imħabba.
Hekk ukoll jista’ jiġri matul il-festi tal-Milied. Tant, sena wara l-oħra, nidħlu f’rutina, tant nibdew nieħdu kollox ‘for granted’ mqar l-għotja tar-rigali, il-quddiesa ta’ billejl u t-tiżjin li nagħmlu, li nirriskjaw li nitilfu s-sens ta’ ferħ u paċi li dawn iġibu magħhom. Ir-riċetta għal dan kollu huwa: napprezzaw kull Milied daqslikieku huwa l-ewwel u l-aħħar Milied ta’ ħajjitna; infittxu fih is-sens nisrani veru li hemm marbut ma’ din il-festa u niċċelebrawh b’ħeġġa w entużjażmu nisrani. Infittxu li nifhmu xi jfisser għalina l-Milied li għalkemm huwa u jibqa’ misteru għall-moħħ tal-bniedem imma fih, il-fatt li ALLA ĊEKKEN LILU NNIFSU U SAR BNIEDEM BĦALNA jagħtina sens ta’ umiltà, ċkunija, imħabba, qadi lejn l-oħrajn, faqar li jagħmilna għonja u fuq kollox għotja li ssalva.
NIKKONĊENTRAW FUQ IL-VERU TIFSIR
Għidna li wara il-periklu li nieħdu u ngħixu dawn il-ġranet tal-Milied li ġejjin b’rutina; it-tieni periklu huwa dak li nitilfu t-tifsira spiritwali ta’ dak li sejrin niċċelebraw. It-tifsira tal-Milied hija waħda: jiġifieri meta Alla għall-imħabba tagħna, biex jurina kemm iħobbna, ċekken lili nnifsu billi minn Alla sar bniedem. Sar bniedem għalik u għalija. Sar bniedem mhux biss biex jurina li jħobbna imma wkoll biex jagħlimna nħobbu billi hu stess kien ta’ mudell ta’ mħabba billi aktar ‘il quddiem miet għalina. Twieled biex ikun jista’ jmut għalik u għalija u fil-mewt u l-qawmien tiegħu nakkwistaw is-salvazzjoni sħiħa. Mhux ta’ b’xejn San Franġisk t’Assisi lill-Milied kien issejjaħlu “l-akbar festa!”
Ma nitilfux dan is-sens qaddis, spiritwali u reliġjuż mill-festi tal-Milied. Għalhekk il-Knisja tgħina niskopru dan biż-żmien tal-erba’ ġimgħat tal-Avvent u anke bid-disgħat ijiem tan-Novena bħala preparazzjoni. Ma nħallu qatt id-dinja tal-kummerċ, tal-materjaliżmu, tal-infieq żejjed, bla veru bżonn u bla rażan, tad-divertiment, xalar u ikel eseġerat jisirqulna s-sens veru tal-Milied. Nifirħu anke b’inizjattivi soċjali u materjali imma nżommu l-bilanċ. Ma neseġerawx. Ma nagħmlux dawn u neskludu dak li huwa reliġjuż. Meta neseġeraw f’dak li hu materjali, meta nagħmlu biss dak li hu materjali u nneżżgħu l-Milied minn dak li hu reliġjuż inkunu qed niċċelebraw Milied pagan li ma hu Milied xejn.
Dan jgħodd anke fit-tip ta’ kartolini nagħżlu biex nibgħatu l-awguri tagħna lil xulxin, anke fl-kliem li nażaw sabiex nifirħu lil xulxin fil-messaġġi li nibgħatu bil-mobile u fuq facebook. Agħżel kartolina li fiha spiritu tassew tal-Milied fejn ix-xbieha tal-Bambin tispikka. Huwa l-Birthday tiegħu. Ħasra li qegħdin niċċelebraw il-birthday ta’ Ġesù u lil Ġesù inwarrbuh mill-Milied. Hija waħda mill-kontradizzjonijiet li qed ngħixu fis-soċjetà tagħna. Ma nikkoperawx ma’ dan. Nibżgħu għall-Milied.
Kitba ta’ Patri Philip Cutajar ofm cap