Stmerrija li l-Iraq għandu jinbidel f’pajjiż fejn jiġu rregolati l-kontijiet

Print Friendly, PDF & Email

Il-Patriarka tal-Knisja Kattolika tal-Kaldin Louis Rafaël Sako, għamel appell qawwi nhar is-Sibt wara l-attakk tal-Istati Uniti fuq Baghdad li qatel lill-Ġeneral Iranjan Qasem Soleimani, u l-protesti kbar li għaddejjin bħalissa.

L-appell tal-Patriarka sar hekk kif eluf ta’ nies ħonqu t-toroq tal-kapitali tal-Iraq juru sogħba għall-mewt tal-ġeneral u jipprotestaw kontra l-Istati Uniti. Il-President Amerikan Donald Trump fi tweet qal li l-Istati Uniti diġà għażlu 52 sit li se jiġu attakkati minnufih jekk l-Iran jattakka lill-Amerikani. In-numru 52 huwa sinonimu mat-52 ostaġġ Amerikan li kienu nżammu fl-Iran bejn l-1979 u l-1981.

Fil-messaġġ tiegħu il-Patriarka qal li l-poplu Iraqqin huwa xxukkjat b’dak li seħħ. Huwa żied jgħid li hija ta’ stmerrija li l-Iraq għandu jinbidel f’pajjiż fejn jiġu rregolati l-kontijiet flok ikun nazzjon sovran kapaċi li jħares lil artu, lil ġidu u liċ-ċittadini tiegħu. Quddiem din is-sitwazzjoni delikata u perikoluża l-Patriarka appella lill-partijiet kollha involuti biex jeżerċitaw moderazzjoni, juru għerf, jaġixxu b’mod responsabbli u jpoġġu madwar mejda biex jiddjalogaw u jfittxu ftehim sabiex l-Iraq jevita konsegwenzi inimaġinabbli. Huwa talab lil Alla biex jagħti lil Iraq u lir-reġjun dik il-ħajja paċifika, stabbli u sigura li l-poplu tant jixtieq.

L-isqof Awżiljarju tal-Patriarkat ta’ Babilonja, l-Isqof Mar Shlemon Warduni qal f’intervista ma’ Vatican News li gwerra ġdida fl-Iraq tkun ta’ ħsara kbira għall-popolazzjon u għall-komunità Nisranija fir-reġjun għaliex huma dejjem dawk l-aktar dgħajfa li jbatu l-konsegwenzi ta’ kunflitt armat.

Ftit jiem ilu l-Papa Franġisku fi tweet talab għall-paċi u qal li rridu nemmnu li kulħadd jeħtieġ il-paċi biex tinkiseb il-paċi tassew.

Rapport mill-Kamra tal-Ahbarijiet ta’ Radju Marija

Author: Joe Farrugia

Segretarjat għal-Lajċi.

%d bloggers like this: