Il-Papa f’Santa Marta: Il-veru ħelsien niksbuh meta nobdu ‘l Alla


It-Tnejn, 20 ta’ Jannar 2020: Inkunu ubbidjenti għall-Kelma t’Alla li hi dejjem novità. Il-Papa Franġisku għamel din l-eżortazzjoni fl-omelija tal-quddiesa li ċċelebra fil-kappella tad-Dar Santa Marta llum. Franġisku kien qed jagħmel riflessjoni dwar l-ewwel qari tal-quddiesa u kkummenta dwar il-fatt li Alla rrifjuta lil Sawl u kien Samwel li għamel dil-profezija.

Id-dnub ta’ Sawl kien in-nuqqas ta’ manswetudni, li jkun doċli għall-Kelma t’Alla, għax kien jippretendi li l-interpretazzjoni tiegħu kienet aktar flokha, aktar ġusta.

Din hi s-sustanza tad-dnub kontra l-manswetudni: il-Mulej kien qallu biex ma jieħu xejn mingħand il-poplu li kien għeleb, imma fil-fatt ma ġarax hekk.

Meta Samwel mar iċanfru f’isem il-Mulej, hu jgħid: ‘Kien hemm baqar, tant annimali msemmna tajjeb, li bihom jien għamilt sagrifiċċju lill-Mulej.’  Hu ma daħħal xejn f’butu…. l-oħrajn iva.  Anzi, bil-mod kif hu interpreta l-Kelma t’Alla kif deherlu li kien sewwa, ħalla lill-oħrajn jitfgħu f’buthom xi ħaġa mill-priża.

Dawn huma l-passi lejn il-korruzzjoni: tibda b’diżubbidjenza żgħira, nuqqas ta’ manswetudni, u tibqa’ sejjer.

Il-Papa fakkar li, wara li kien qered lill-Għamalekin, il-poplu ħa mill-priża, ħa l-annimali żgħar u kbar, l-ewwel wild li kellu jinqatel biex ikun ta’ sagrifiċċju lill-Mulej.

Samwel ifakkar kif il-Mulej aktar jippreferi l-ubbidjenza għal-leħen t’Alla milli l-olokawsti u s-sagrifiċċji, u b’hekk jistabbilixxi l-ġerarkija tal-valuri: aktar importanti li qalbek tkun doċli, ħelwa u tobdi, milli li toffri s-sagrifiċċji, issum u tagħmel penitenza.

Id-dnub tan-nuqqas ta’ doċilità, kompla jgħid il-Papa Franġisku, dan hu: li tippreferi dak li taħseb int u mhux dak li jikkmanda l-Mulej u li forsi inti ma tifhmux.  Meta aħna nirribellaw kontra r-rieda tal-Mulej, ma nkunux mansweti, inkunu qed nidinbu, qisna qed naqgħu f’seħer.  Qisu li minkejja li ngħidu li nemmnu f’Alla, dak li jkun imur għand min jaqralu jdejh biex ‘ikun ċert’!

Meta inti twebbes rasek għar-rieda tal-Mulej tkun qed taqa’ fl-idolatrija għax tippreferi dak li taħseb int, lil dak l-idolu, minflok ir-rieda tal-Mulej.

Din id-diżubbidjenza lil Sawl tiswielu s-saltna: ‘Talli rrifjutajt il-Kelma tal-Mulej, il-Mulej ċaħdek bħala re.’

Dan għandu jġegħilna naħsbu dwar kemm aħna doċli.  Bosta drabi nippreferu l-interpretazzjoni li nagħtu aħna lill-Evanġelju jew lill-Kelma tal-Mulej u mhux l-Evanġelju jew il-Kelma tal-Mulej.  Bħal meta, per eżempju, naqgħu fil-każistika, fil-każistika morali… Din mhix ir-rieda tal-Mulej.  Ir-rieda tal-Mulej hi ċara, jurihielna bil-Kmandamenti li nsibu fil-Bibbja u jurihielna wkoll fi qlubna  permezz tal-Ispirtu s-Santu.  Meta nwebbes rasi u l-Kelma tal-Mulej nibdilha f’ideoloġija, jien inkun idolatra, ma nkunx manswet, ubbidjenti.

B’rabta mal-Evanġelju tal-ġurnata, meħud minn San Mark, il-Papa fakkar fit-tmaqdir li rċevew id-dixxipli għax ma kinux isumu.  U l-Mulej jispjega li ħadd ma jraqqa’ libsa qadima b’biċċa drapp ġdida għax inkella din tiċċarrat u ħadd ma jqiegħed inbid ġdid f’damiġjani tal-ġild qodma inkella dawn jinqasmu u kollox jintilef: għalhekk ‘inbid ġdid f’damiġjani ġodda’.

In-novità tal-Kelma tal-Mulej, li hi dejjem novità, tmexxina ’l quddiem bla waqfien, rebbieħa dejjem, u hija aħjar minn kull ħaġa oħra.  Tegħleb l-idolatrija, is-suppervja u l-atteġġjament li nkunu wisq aktar ċerti minna nfusna milli mill-Kelma tal-Mulej, aktar ċerti mill-ideoloġiji li nkunu fassalna madwar il-Kelma tal-Mulej.

Hemm sentenza tajba ħafna li biha Ġesù jispjega dan kollu u li ġejja minn Alla, meħuda mit-Testment l-Antik: ‘Ħniena rrid u mhux sagrifiċċji.’

Biex tkun Nisrani tajjeb, għalhekk, jeħtieġ li tkun ‘doċli’ għall-Kelma tal-Mulej, tisma’ dak li jgħid il-Mulej dwar il-ġustizzja, il-karità, il-maħfra, u fil-ħajja ma tkunx inkoerenti u tuża l-ideoloġija biex timxi ’l quddiem.

Hu minnu, issokta jgħid il-Papa, li xi drabi l-Kelma tal-Mulej iddaħħalna fl-inkwiet, imma x-xitan l-istess jagħmel.  Ghaldaqstant biex tkun Nisrani tajjeb għandek tkun ‘ħieles’ permezz tal-fiduċja f’Alla.

Miġjub għall-Malti mit-Taljan minn Joe Huber.