Titnieda t-traduzzjoni bil-Malti ta’ ‘Verbum Domini’


Titnieda t-traduzzjoni bil-Malti ta’ ‘Verbum Domini’: l-Eżortazzjoni Appostolika postsinodali tal-Papa Benedittu XVI. Jippreżentaha l-Arċisqof Charles J. Scicluna fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara.

Capture

L-Arċidjoċesi ta’ Malta se tniedi l-pubblikazzjoni bil-Malti ta’ Verbum Domini nhar l-Erbgħa 22 ta’ Jannar 2020. Verbum Domini (Il-Kelma tal-Mulej), li hi l-Eżortazzjoni Appostolika tal-Qdusija Tiegħu Benedittu XVI tat-30 ta’ Settembru 2010. Il-pubblikazzjoni, li għandha t-traduzzjoni tal-Konferenza Episkopali, se tiġi ppreżentata mill-Arċisqof Charles J. Scicluna. Il-preżentazzjoni hi miftuħa għall-pubbliku u se ssir fiċ-Ċentru Animazzjoni u Komunikazzjoni (ĊAK) f’Birkirkara fil-5:30pm. Titmexxa minn Dr Nadia Delicata.

Din l-Eżortazzjoni Appostolika hi frott tal-Assemblea Ġenerali Ordinarja tas-Sinodu tal-Isqfijiet imlaqqa’ f’Ruma bejn il-5 u s-26 ta’ Ottubru 2008, li t-tema tiegħu kienet Il-Kelma ta’ Alla fil-Ħajja u fil-Missjoni tal-Knisja.

Wieħed mill-għanijiet tas-Sinodu kien li jagħti ħarsa lejn kif qed jitwettqu d-direttivi dwar l-Iskrittura mogħtija mill-Konċilju Vatikan II, speċjalment permezz tal-Kostituzzjoni Dommatika tiegħu Dei Verbum, u li jgħin lill-Knisja taffaċċja l-isfidi ġodda ta’ żminijietna. Il-kontinwazzjoni ta’ din il-ħidma hi waħda mill-għanijiet tal-Verbum Domini.

Id-dokument jikkonsisti fi tliet partijiet: Verbum Dei (Il-Kelma ta’ Alla), Verbum in Ecclesia (Il-Kelma fil-Knisja), u Verbum Mundo (Il-Kelma lid-Dinja). F’din l-Eżortazzjoni, il-Papa Benedittu jagħti wkoll rakkomandazzjonijiet pastorali siewja biex il-Kelma ta’ Alla tkun tassew fiċ-ċentru tal-ħajja tal-Insara.

Meta f’Settembru li għadda, il-Papa Franġisku ħareġ il-Motu proprju Aperuit illis, biex iwaqqaf il-Ħadd tal-Kelma ta’ Alla fit-tielet Ħadd taż-Żmien ta’ Matul is-Sena, huwa rrakkomanda bil-qawwi l-qari ta’ din l-ittra sabiħa tal-predeċessur tiegħu b’dawn il-kelmiet: “Biex iżid jibni fuq dak it-tagħlim, Benedittu XVI fl-2008 sejjaħ Assemblea tas-Sinodu tal-Isqfijiet fuq it-tema ‘Il-Kelma ta’ Alla fil-ħajja u fil-missjoni tal-Knisja’, li warajh xandar l-Eżortazzjoni Appostolika Verbum Domini, li fiha tagħlim essenzjali għall-komunitajiet tagħna. Dan id-Dokument, b’mod partikulari, jinżel iktar fil-fond tal-karattru ħaj u attiv tal-Kelma ta’ Alla, fuq kollox meta fl-azzjoni liturġika joħroġ il-karattru sagramentali tagħha”.