Illum il-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże


Fil-21 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil Santa Anjeże, Verġni u Martri li għexet bejn wieħed u ieħor bejn is-snin 292 sa 305.

Kull ma nafu dwar din il-Qaddisa hu, li kienet għadha żgħira ta’ madwar tlettax-il sena meta mietet martri għall-ħabta tas-sena 305, fil-persekuzzjoni ta’ Djoklezjanu, u ġiet midfuna f’Via Nomentana, f’Ruma, fejn fis-sena 324 inbniet knisja fuq il-qabar tagħha, li wara ġiet mibnija mill-ġdid fis-sena 630 mill-Papa Onorju I. Isimha hu mniżżel fl-Ewwel Talba Ewkaristika tal-Quddiesa.

Leġġenda tgħid li Santa Anjeże kienet tifla sabiħa ta’ familja sinjura. Tant kienet tħobb lil Ġesu’ li ddeċidiet li tagħti ruħha u ġisimha lilu biss. Meta kien hemm min urieha li xtaq jiżżewwiġha hi rrifjutatu. Xi ħadd bit-tama li bil-biża’ tat-torturi hija ddawwar fehmitha, akkużaha li kienet Nisranija.

L-imħallef, l-ewwel bil-ħlewwa, imbagħad bit-theddid, riedha tiċħad il-fidi tagħha f’Ġesu’. Meta ma riditx, bagħatha f’dar ta’ fama ħażina. Iżda hi baqgħet soda. Kienet tgħid: “Inħallik iċċappas ix-xabla b’demmi, imma ma nħallik qatt tipprofanali ġismi”. Żagħżugħ li pprova jersaq lejha b’xewqa żienja, għama, u hi stess fejqitu. Wara, l-imħallef ordna li tiġi maqtula.

B’kuraġġ li jgħaġġeb laqgħet id-daqqa aktarx tax-xabla li tajret ruħha fi ħdan Ġesu’, l-ikbar maħbub ta’ qalbha.

San Ambroġ kiteb dwarha: “Marret għall-martirju, iktar ferħana minn għarusa għat-tieġ”.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com