Illum il-Knisja tfakkar lil San Tumas ta’ Aquino

Print Friendly, PDF & Email

Fit-28 ta’ Jannar l-Knisja tfakkar lil San Tumas ta’ Aquino, Saċerdot u Duttur tal-Knisja li għex bejn is-snin 1225 sa 1274.

San Tumas, magħruf bħala d-“Duttur Anġeliku” u l-“Prinċep tat-Teoloġi Kattoliċi”, għadda ħajja f’atmosfera ta’ talb u studju.

San Tumas twieled fil-Belt ta’ Aquino qrib Monte Cassino, fl-1225, minn familja nobbli. Hu kien is-seba’ wieħed fost ħames subien u ħames bniet. Ta’ ħames snin beda jmur għand il-Patrijiet Benedittini ta’ Monte Cassino biex jitgħallem l-iskola.

Fl-1239, meta kellu erbatax-il sena, daħal l-Universita’ ta’ Napli. Hemm iltaqa’ mal-Patrijiet Dumnikani, u daħal magħhom – ordni ddedikata prinċipalment għat-tagħlim u l-predikazzjoni..

Tal-familja ma riduhx isir patri Dumnikan. Fl-1224, ħutu, fuq ordni tal-ġenituri, qabduh u ġabuh lura d-dar bil-fors, u żammewh qisu priġunier f’wieħed mill-kastelli tal-familja, u għamlu minn kollox biex idawrulu fehmtu, bla ma rnexxielhom. Bil-għajnuna ta’ oħtu li kienet iġġiblu l-kotba, studja sew il-Bibbja u l-Filosofija.

Meta tawh il-liberta’ fl-1245, reġa’ ngħaqad mad-Dumnikani. F’Pariġi u f’Cologne huwa studja taħt San Albertu Manju. San Tumas għallem u ppriedka f’Pariġi, Orvieto, Ruma, Viterbo u Napli. Fl-1266, beda jikteb il-famuża Summa Theologiæ, iżda waqaf ħesrem fis-6 ta’ Diċembru 1273, meta kellu esperjenza profonda waqt li kien qed jitlob wara li qaddes. Meta xi ħadd staqsieh għaliex kien waqaf, wieġeb: “Dak kollu li ktibt jidher qisu tiben ħdejn dak li ġie rrelevat lili”. Hu ħalla ħafna kitbiet oħra li jixhdu l-kobor tal-għerf li bih kien imżejjen.

Qabel ma kien jibda xi studju, huwa kien l-ewwel isejjaħ l-għajnuna ta’ Alla fil-kontemplazzjoni u t-talb. Is-sintesi ta’ San Tumas taqbel ħafna mar-rivelazzjoni divina u mar-raġuni umana.

Huwa kien bniedem ta’ ħajja sempliċi, lest li jaqdi, silenzjuż u miġbur, b’mod li kien maħbub minn kulħadd. Aktar minn ħaddieħor hu kien jifhem l-istudju u x-xjenza bħala mezzi ta’ qdusija. Maħbub mill-poplu, kien jippreferi li jippriedka lin-nies foqra, bis-sempliċità u bonarjetà, anke aktar minn darba kuljum, kif jixhed l-ewwel kittieb tal-ħajja tiegħu.

San Tumas t’Aquino kien devot kbir tal-Ewkaristija. Lil dan il-qaddis nafu l-offiċjatura ta’ nhar il-festa ta’ Corpus Christi fejn insibu fost l-oħrajn il-famuż innu Lauda Sion, kif ukoll Pange Lingua, it-Tantum Ergo, O Salutaris Hostia, Adoro te devote u oħrajn.

Darba kien qed jitlob quddiem il-kurċifiss u sama’: “Ktibt tajjeb fuqi, Tumas. Xi trid bħala rigal?” San Tumas wieġeb: “Xejn ħlief lilek, Mulej!”

Il-qaddis miet ta’ 49 jew 50 sena fis-7 ta’ Marzu 1274, wara li rċieva l-vjatku, meta kien fi triqtu biex fuq talba tal-Papa Girgor X jieħu sehem fil-Konċilju ta’ Lyons.

Il-festa tiegħu ssir fit-28 ta’ Jannar b’tifkira ta’ meta fl-1368 il-fdalijiet tiegħu ttieħdu f’Toloża, fi Franza, b’ordni tal-Papa Urbanu V. Kien iddikjarat qaddis minn Ġwanni XXII fl-1323 u ddikjarat duttur tal-Knisja minn Piju V. Mis-snin li għaddew mill-kanonizazzjoni tiegħu, ebda għalliem ma kien hekk approvat minn Papiet u konċilji daqsu u huwa l-uniku duttur li l-Konċilju Vatikan II ppropona speċifikament bħala gwida intellettwali għas-saċerdoti u għall-istudenti universitarji. San Tumas huwa Patrun tal-iskejjel Kattoliċi.

Sors: https://taghrifdwarilqaddisin.wordpress.com

Inti x'taħseb dwar dan is-suġġett?

Discover more from Laikos

Subscribe now to keep reading and get access to the full archive.

Continue reading