Il-ħin. Imma x’ħin?


Is-sena li għaddiet, sewwa sew nhar l-Erbgħa 27 ta’ Novembru 2019, fl-Università kelli l-grazzja nattendi għal lecture tassew sabiħ li kien mogħti minn Dr. Martijn Boven, għalliem fl-Università ta’ Leiden fl-Olanda. Dakinnhar Dr. Boven tħaddet dwar it-tlett targiet tal-preżent skont Santu Wistin. U kif, permezz ta’ dawn it-tarġiet, Santu Wistin seħħlu jerġa’ jivvinta l-preżent.

Għal ma nafx kemm-il darba nibqa’ ngħid u nissokta ngħid li lil Santu Wistin inħobbu ħafna. U nħobbu l-għaliex, aktar milli jipprova jagħti xi definizzjoni l-Mulej tah il-kapaċità li jiddeskrivi l-affarijiet minn angoli diversi. Biex imbagħad, b’ħafna għaqal u tattika, iħalli lill-individwu jagħmel hu esperjenza tal-ħaġa. Dak rispett intellettwali ħbieb! Dak għerf safi tal-Mulej!

Il-ħin! Imma x’ħin? Darba sibt din il-kwotazzjoni dwar il-ħin li qal Santu Wistin: X’inhu l-ħin? Jekk ħadd ma jistaqsini jien naf x’inhu. Jekk nixtieq li nfissirhulu lil min jistaqsini, ma nafx. Din il-kwotazzjoni turini l-għerf kbir li l-Mulej żejjen bih lil dan il-bniedem kbir. L-ewwel nett, isaqsi l-mistoqsija. X’inhu? Santu Wistin hu essenzjalist. Għalkemm mhux biss. Dan l-għaliex imur għall-qalba tal-ħaġa. Ħa jara x’inhi tabilħaqq. Imma ħej, il-ħin, nistgħu tassew nikkontrollawh? Jista’ ikollna xi forma ta’ kontroll fuqu? Niddubita kemm! Almenu qbilt mal-għaref Descartes għal darba!

U l-għaliex niddubita? Int tista’ tikkontrolla n-nifs? Il-ġrajjiet? Kif iseħħu u jiżviluppaw? Kemm hi aħbar ħażina hux din għal min irid ikun satanist l-għaliex irid, bis-sewwa jew bid-dnewwa, jikkontrolla l-ħajja ta’ ħaddieħor! Din hi tassew aħbar ħażina għalik ħabib! U mhux aħjar mela li tħalli lil ħaddieħor fil-libertà li fiha ħalqu l-Mulej? Għax min jista’ joħnoqha tassew il-libertà tal-bniedem? Anki, u ċertament, fid-dinja tar-ruħ? Miskin min joppressa lil ħaddieħor fis-sagru għax jispiċċa li jitqatta’ minn nassa li għamel għal ħaddieħor stess! Mela, jiġrilu eżatt bħal Ħaman tal-Bibbja!

Il-ħin! Imma x’ħin? Il-ħin li jgħaddi? Jew il-ħin li ġej? Il-ħin ta’ bħalissa jew il-ħin li għadu qed jeżiżti f’moħħi? Magħluq u maħżun fil-fantasija tiegħi? U mela l-ħin jista’ ikun fanstasija? Għal min għandu viżjoni bla azzjoni hekk hu! U, għal min għandu viżjoni bla kompassjoni l-ħin hu hekk ukoll! Għax il-ħin, hu li hu. Jiġifieri, hu xi ħaġa li ma tistax tfissirha bil-kliem. Anki jekk tħossha. Dan qisu bħal dawn in-nies, li aħna naħsbuhom qishom pupi, għax iffukati fuq il-Mulej, u, biex nuru snienna kemm aħna heros magħhom, noqgħodu nieħdu gost noppressawhom. Biex nogħġbu lil min joġogħbna. Issa dawn, li għalina huma povri, għax aqta’ kemm huma mibugħda, naħsbuhom bla fejda. Imma ħej x’jiġri jekk noppressawhom? Jispiċċaw jkunu, eżattament, dik il-ġebla li kissret l-istatwa!

Ħa nerġa’ nfakkar din il-ġrajja ħbieb skont il-ktieb tal-Profeta Danjel:

“Sultan, int kellek din id-dehra: kien hemm statwa, statwa kbira tassew u tleqq ta’ l-għaġeb; kienet wieqfa quddiemek, u d-dehra tagħha kienet tal-biża’. Ras din l-istatwa kienet tad-deheb, sidirha u dirgħajha tal-fidda, żaqqha u kuxxtejha tal-bronż, riġlejha tal-ħadid, u saqajha biċċa tal-ħadid u biċċa tat-tafal. Inti u tħares inqatgħet ġebla, bla ma messha ħadd, laqtet l-istatwa f’saqajha tal-ħadid u t-tafal, u għamlithomlha frak. Mbagħad tfarrku f’daqqa waħda l-ħadid, it-tafal, il-bronż, il-fidda u d-deheb, u saru qishom il-karfa li tittajjar minn fuq il-qiegħa fis-sajf. U r-riħ ġarrhom miegħu, u ebda ħjiel tagħhom ma baqa’. U l-ġebla li laqtet l-istatwa saret muntanja kbira li mliet l-art kollha (Dan 2:31-35).
Kemm hi sabiħa hux din il-ġrajja! Hemm hu l-ħin! Jaf ikun statwa kbira! Għax naħseb li għandi ħafna żmien fuq l-art! U naħseb li dan il-ħin kollu, li nsarrfu fi żmien, malajr nibda’ naħseb li m’hu sa mmut qatt! Għalhekk aqta’ kemm nibda’ noppressa fil-familja, fil-komunità, fil-post tax-xogħol, fis-soċjetà u fejn ngħix u naħdem! Jaħsra! Meta l-awtorità taħsel titlagħli għal rasi naħseb li qed ngħix fi żmien tad-deheb! Nippoppa sidri! U dejjem b’sidri minfuħ! Għax sirt buli! Ħa noppressa!

U l-ħin jaf ikun wieħed tal-fidda. L-għaliex nibda’ niġri wara dak li jleqq u jagħtini prestiġju. U allura niddeċiedi li naħlih hekk! Miskin! Miskina! U, mhux kuntent u kuntenta mit-tagħżiqa tiegħi, nidħol fil-ħin tal-bronż. Għax issa nibda’ niħdar. Nuri snieni. Kollox bir-regoli. U qalb xejn fuq li xejn! Addijo l-wegħda mela li nkun missier u omm, ħu jew oħt! X’missier u x’omm! X’ħu jew oħt! X’inti tgħid! Qalb iebsa! Għax qalb mingħajr il-Mulej! Qalb ta’ xitan!

Jgħaddi ż-żmien u jiġi l-ħin tal-ħadid. Fejn l-oppressjoni tibqa’ tidħol f’kull rokna tal-ħajja ta’ dawk ta’ madwari u, b’mod speċjali, ta’ dawk li jiddependu minni. Il-ħadid ma jismax il-karbiet ta’ min qed noppressa b’tant kefrija. Il-ħadid ma jafx bi ħniena. Lanqas ma jaf bil-fehma tal-qalb. Il-ħadid hu impersonali. Għax jitħaddet bil-karti u mhux minn qalb għall-qalb. Il-ħadid hu tassew feroċi. Għax ma jafx li teżiżti dik l-imħabba delikata li tfittex il-ġid tal-persuna l-oħra u mhux li tapplika regoli u normi li l-Mulej lanqas biss jista’ jersaq lejhom daqskemm inaffruh! Għax ħniena fihom ma teżiżtix!

U jasal ukoll il-ħin tat-tafal. Jiġifieri l-ħin fejn dak kollu li nkun bnejt, għax oppressajt lill-proxxmu tiegħi, narah nieżel kollu! Ħajt wara l-ieħor! U jiftarrak b’mod tal-biża’ quddiem il-ħarsa t’għajnejja! Oh kemm hi kerha meta tinżel il-ħdura tal-qalb u titferra’ bid-deheb, bil-fidda, bil-bronż u bil-ħadid imdawra magħha! U jien, l-iblaħ u l-belha, li nkun irbatt iċ-ċinturin tal-kamikaze magħha, arani nitfarrak! U minn min? Jekk mhux mill-ġebla li ma messha ħadd, li laqtet l-istatwa f’saqajha tal-ħadid, u għamlithomlha frak? (Dan 2:34).

Iftaħ għajnejk int li toppressa lil min m’għandux poter bħalek fil-familja, fis-soċjetà, fil-knisja, fil-komunità, fuq il-post tax-xogħol u l-bqija. Għax il-ġebla, illum jew għada, għad tinqata’! Issibek f’sakra ta’ poter u tagħmlek frak! Ikun jaqbillek li tieħu l-ħin u tħenn qabel il-poter stess ikissrek u jseħħlek li ma tinġabar qatt u qatt iżjed!

Patri Mario Attard OFM Cap

Comment

Fill in your details below or click an icon to log in:

WordPress.com Logo

You are commenting using your WordPress.com account. Log Out /  Change )

Google photo

You are commenting using your Google account. Log Out /  Change )

Twitter picture

You are commenting using your Twitter account. Log Out /  Change )

Facebook photo

You are commenting using your Facebook account. Log Out /  Change )

Connecting to %s

This site uses Akismet to reduce spam. Learn how your comment data is processed.